Vanġelu (Ġw. 12. 20-23): Dan l-episodju tal-lum seħħ waqt il-festi tal-Għid, ftit jiem qabel il-mewt ta’ Ġesu. Ġerusalem kienet maħnuqa bin-nies li kienu jiġu mhux biss mill-inħawi kollha ta’ Israel imma minn pajjiżi oħra wkoll. It-Tempju, bit-turġien, portiki, btieħi u santwarju tiegħu kien iċ-ċentru tal-attivitajiet.
Xi Griegi ġew Ġerusalem, aktarx imsaħħrin mir-reliġjon Lhudija u mħajrin jaċċettaw iċ-ċirkunċiżżjoni. Kurjuż il-fatt li dawn, minn flok fittxew lil Alla fit-Tempju, saqsew għal Ġesu. Avviċinaw lil Filippu probabbli għax kellu isem Grieg u kien minn Betsajda, fejn in-nies kellhom moħħhom aktar miftuħ minn, per eżempju, in-nies ta’ Nazareth. Kienu żguri li Filippu se jifhem għal fejn xtaqu ħafna jaraw lil Ġesu. Il-verb ‘jaraw’ użat hawn ifisser mhux biss ‘iħarsu lejh’ imma ‘jsiru jafuh fil-fond’- isiru jafu min tassew hu. Minn dak li semgħu fuqu minn qabel, kienu żguri li Ġesu ta’ Nazaret kellu dawl ġdid għal dawk li kienu qed ifittxu l-verita’ b’sinċerita’. Ifakkruna f’Żakkew. Altru tfittex biex tiltaqa’ ma’ mastrudaxxa, u altru ma’ Bin Alla, il-bniedem awtentiku, li jwieġeb għal mistoqsijiet li kull tant iħawduna, u li jħajrek tibda tgħix bħalu. Ġwanni stess jikteb fuq din l-esperjenza: “Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna u rajna b’għajnejna, li lejh ħarisna u li messew idejna .. dan ser inxandrulkom .. biex intom tissieħbu magħna” (1 Ġw 1. 1-4 ). Il-Griegi xtaqu li jagħmlu esperjenza bħal din. Illum aħna mistednin biex ikollna l-istess talba: “Nixtiequ naraw lil Ġesu, biex insiru nafuh aktar intimament, l-aktar f’dan iż-żmien tar-Randan.”
- “Filippu mar jgħid lil Indri’.” Dan hu messaġġ importanti: min irid jara lil Ġesu l-aħjar ħaġa hi li jmur għand l-Appostli. Dawn ġa rawh u għarfu l-identita Tiegħu. Mela, jekk aħna nkunu Insara ġenwini u appostli tal-lum, u li għarafna l-glorja ta’ Ġesu meta ta ħajtu għall-umanita’, inkunu f’pożizzjoni li nakkumpanjaw lil xi ħadd għal għand Ġesu. Faċli li nirrakuntaw lil xi ħadd xi episodju mill-ħajja ta’ Ġesu jew xi parabbola. Imma meta jsaqsina “Min kien Ġesu verament?” għandu mnejn li jkollna nirreferuh għand xi qassis jew katekist. Hekk għamel Filippu: mar għand Indri’, u flimkien marru għand Ġesu biex jeħduh għand il-Griegi.
- Minn flok, Ġesu jweġibhom: “Waslet is-siegħa li Bin il-Bniedem għandu jkun glorifikat.” Fi kliem ieħor, Ġesu qed jgħid lil dawn l-appostli: “Qabel ma turuni lil nies oħra, kunu żguri li fihmtu sew min jien. Se nkun glorifikat fuq salib i.e. meta nagħti ħajti bħala rigal.” Bin il-Bniedem ifisser il-bniedem uman awtentiku. Fit-tieġ ta’ Kana kien qal lil Marija: “Għada ma waslitx is-siegħa tiegħi.” Imma llum, u ftit ieħor fl-aħħar ċena jistqarr: “Waslet is-siegħa.” Ġesu xtaq jagħmilha ċara mal-appostli li l-glorja tiegħu hija totalment differenti mill-glorja tal-bnedmin, biex b’hekk jgħaddu messaġġ ċar lil oħrajn.
- “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, tibqa’ weħidha.” Il-ħabba trid tmut u tisparixxi, imma din mewt li tagħti ħajja ferm ikbar minnha. Fis-salmi nsibu: “Min jiżra’ l-qamħ jibki” għax qisu qed jarmih fix-xejn jew jeqirdu. “Imma dak in-nhar tal-ħsad jifraħ.” Ġesu mhux biss miet fuq salib, imma ħajtu kollha għexha bħala rigal għall-oħrajn, dejjem jagħti –ħinu, kliemu, imħabbtu.
- “Min iħobb lil ħajtu jitlifha. Min jobgħod lil ħajtu..” Din kelma tassew iebsa. Ġesu jużaha biex juri l-kruha tal-egoiżmu u l-importanza u s-sbuħija ta’ ħajja mogħtija bl-imħabba għas-servizz tal-proxxmu. Ħajja bħal din ikollha minn issa jgħammar fiha id-Divin Etern. Ħafna jaraw il-ħajja għaddejja malajr, ħajja qasira. Allura jagħtu widen għall-għidut tal-media u t-talk shows: “Gawdi kemm tiflaħ! Għada ħadd ma rah. Titlifx dil-okkażżjoni. Ixrob ħa tinsa, eċċ.” Min jagħmel hekk, minn flok itawwal ħajtu u jgħixha ta’ uman awtentiku, jitlifha għax ikun qed jaħliha fix-xejn. Massimiljano Kolbe offra li jmut flok raġel ieħor fil-ħabs. Deher li qed ‘jobgħod’ lil ħajtu. Fil-fatt ħabb lil ħajtu tant li taha bħala rigal biex proxxmu tiegħu seta’ jgħix. F’għajnejn Ġesu. Kolbe għex ħajtu fil-milja kollha tagħha u, mhux talli tilifha, imma ppreservaha għal dejjem. Eluf ta’ missjunarji għexu fil-moħbi ħajjithom kollha għotja lill-fqar, lebbrużi u morda oħra. Waħdiet biss issemmew fl-aħbarijiet.
- “Jekk xi ħadd irid jaqdini, għandu jimxi warajja.” Quddiem stedina biex nagħtu ħajjitna, nitħajru naħarbu kif għamlu d-dixxipli fil-Ġetsemani. Meta Ġesu jgħid ‘qaddej’ ma jfissirx xi seftur jew skjav, imma wieħed li jaqsam miegħu l-istess għanijiet. Dan titlu Bibliku ta’ unur mogħti lil, e.g., Mose’, Pawlu u Marija li poġġew ħajjithom għad-dispożizzjoni tal-Mulej: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej.”
- “Fejn inkun hemm jien, hemm ikun il-qaddej tiegħi.” Ġesu jkun fejn hemm il-mard, il-faqar materjali u spiritwali, l-emarġinati, nies imtaqqla bid-dnub, kull fejn hemm il-bżonn tal-imħabba. Hawn irid ikun preżenti l-qaddej, u jirreżisti kull tentazzjoni li jinjora jew jaħrab. Hekk il-Missier jonorah, i.e. ħajtu ssir tiswa, ta’ valur, bis-sens. Xi qamħ isir ħobż u xi għeneb isir inbid. Ġesu sar ikel u xorb għalina biex, meta nirċivuh f’din il-forma, nassimilaw lilu u l-proposti Tiegħu kollha.
- “Issa qed inħossni mħawwad.” Bħal kull bniedem, Ġesu beża’ mill-mewt u li jarmi ħajtu ta’ eta’ tant żgħira, mewta assurda mqanqla mill-mibegħda u għira. Imma sab il-kuraġġ li jagħtiha bħala rigal għalina l-bnedmin. Ta’ dan Hu ġie gglorifikat, mhux f’għajnejn in-nies imma f’għajnejn il-Missier. Illum aħna mistednin inkunu qaddejja xierqa biex b’hekk inkunu nistgħu naqsmu din ix-xorta ta’ glorja.
Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini