San Ġużepp, “ir-raġel ta’ Marija”, huwa l-ikbar Qaddis tal-Ġenna, wara l-Immakulata, Omm Alla. Dan minħabba s-sejħa straordinarja tal-Alla għaliħ biex ikun missier putattiv ta’ Ġesu, ir-raġel verġni tal-Verġni Marija, ħaddiem umli, u għalhekk bix-xieraq huwa Qaddis waħdieni, ‘il fuq mill-Patrijarki, mill-Profeti, mill-Martri u d-Dutturi tal-Knisja, u mill-Qaddisin l-oħrajn kollha.
L-Evanġelju skont San Mattew jgħamel eloġju kbir meta lil San Ġużepp isejjaħlu “raġel ġust” (Mt. 1,19). San Ġlormu, wieħed minn Missirijiet il-Knisja u Mgħallem waħdieni tal-Iskrittura mqaddsa, huwa jirrifletti fuq San Ġużepp bħala “ġust”, jgħid li Ġużeppi Bin David jixraqlu jissejjaħ “ġust” għaliex fiħ il-virtujiet kollha tal-Qaddisin sabu l-milja tagħhom. L-istess jgħid id-Duttur anġeliku, San Tumus d’Aquino, meta jgħid li l-veru “ġust” huwa dak li jkollu fiħ “il-virtujiet kollha fl-ekwilibriju tagħhom”.
Dan huwa ukoll it-tagħlim tal-Knisja Kattolika mgħallma diġà minn San Bernard ta’ Clairvaux, imxandra minn San Bernardinu ta’ Siena, imsaħħa mill-esperjenza mistika ta’ l-ewwel Duttur mara, Santa Tereża ta’ Ġesu, imħarsa minn Dutturi tal-Knisja bħal San Franġisk di Sales u San Alfons Marija ta’ Liguori, u teoloġi kbar oħra bħal Gersone, Suarez, il-Kardinal Lepicier u l-Padre Garrigou-Lagrange.
Imbagħad, il-Papiet, ibda mill-Beatu Piju IX, San Piju X, Il-Ljun XIII, Piju XI, il-Venerabli Piju XII, San Ġwann XXIII, San Ġwann Pawlu II, Il-Papa Emeritus Benedittu XVI u l-Papa Franġisku kollha taw jew jagħtu qima lil San Ġużepp b’tagħlim sabiħ u ta’ siwi li jixraq lill-Patrun universali tal-Knisja Kattolika.
Iktar mill-qaddisin kollha, flimkien mal-poplu nisrani li huwa fidil għas Sensum fidei fl-imħabba lejn il-qaddisin, dejjem għarfu, saħqu u ħarsu l-importanza u l-għożża tad-devozzjoni lejn San Ġużepp, bħala il-Qaddis l-aktar għażiż u miżmum fl-għola ġieħ rispett għall-qaddisin l-oħra kollha tas-Sema, billi onorawħ dejjem fil-post imħejji għaliħ waħdu, dak li jkun qrib ta’ Ġesu u ta’ Marija mhux biss hawn fuq l-art imma wkoll fis-Sema.
Wieħed mill-qaddisin kbar ta’ żmienna huwa San Piju ta’ Pietrelcina, il-“kurċifiss tal-Gargano”, li kellu devozzjoni qawwija w imħeġġa lejn l-għażiż tiegħu San Ġużepp. Devozzjoni li għaddietlu ommu, mamma Peppa sa’ minn ċkunitu, imsemmija għal Qaddis u għalhekk devota tiegħu.
Kull darba li Padre Pio kien jara’ kwadru sabiħ ta’ San Ġużepp, kien jieqaf iħares ċass lejħ, jitlob u jikkontempla l-misteru li dan il-Qaddis kien iġorr fiħ. Hekk ġara darba quddiem kwadru mwaħħal mal-ħajt tal-veranda ħdejn iċ-ċella tiegħu, fil-kunvent tal-Madonna tal-Grazzja f’San Giovanni Rotondo, fuq il-Gargano.
Il-patrijiet kienu ta’ sikwit jaraw lil Padre Pio jieqaf mitluf quddiem dan il-kwadru. U darba, meta wieħed mill-patrijiet beda jsejjaħlu biex jinżel isfel fil-knisja, għax kien hemm in-nies jistennew biex iqerru, Padre Pio b’leħen imqanqal wieġbu: “Kemm hu sabiħ San Ġużepp, ħalluni noqgħod ftit ieħor hawnhekk…”.
B’liema premura kien jgħid lil ulied spiritwali tiegħu biex jieħdu ħsieb li jkollhom devozzjoni lejn San Ġużepp! Kien iħobb iqasmilhom santi tal-Qaddis u xi drabi kien jiktbilhom xi ħsieb b’idu stess, ħsieb ta’ fidi u ta’ mħabba biex iħeġġiġhom iduru lejn l-għażiż San Ġużepp u jitolbuħ il-grazzji temporali u spiritwali.
Jum wieħed, fid-19 ta’ Marżu, festa ta’ San Ġużepp, wieħed mill-ulied spiritwali tiegħu qal lil Padre Pio kollu ferħan: “Padre, dalgħodu ommi Ġużeppina qegħda tiċċelebra onomastiku tagħha fil-Ġenna…”. U il-Padre, b’dawk il-par għajnejn kbar suwed, jiddu, għolla dirgħajħ ‘il fuq u qallu: “Anki ommi, anki ommi…”.
Kemm kien marbut Padre Pio mal-Madonna, daqshekk ieħor kien marbut ma’ San Ġużepp.
Fr. Joe Buttiġieġ, OFMCap.
fb st. Padre Pio Malta