Omelija tal-Papa Ġwanni Pawlu II fi tmiem is-Sinodu tal-Isqfijiet

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-KONKLUŻJONI TAL-V ASSEMBLEA ĠENERALI TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Kappella Sistina, 25 ta’ Ottubru 1980

Meqjumin ħuti.

1. Għadna kemm smajna lill-Appostlu San Pawl jiżżi ħajr lil Alla għall-Knisja ta’ Korintu “għaliex fih kienet mogħnija bid-doni kollha, dawk tal-kelma u dawk tax-xjenza” (cf. Kor 1,5).

Aħna wkoll f’dan il-waqt inħossuna mbuttati biex niżżu ħajr lilll-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu Santu qabel ma ntemmu dan is-Sinodu tal-Isqfijiet, għaċ-ċelebrazzjoni ta’ liema, bħala membri u bħala kollaboraturi, ninsabu miġburin f’dak il-ministeru suprem ta’ għaqda li huwa propju tat-Trinità Qaddisa. Lejha nduru b’sentimenti ta’ gratitudni talli temmejna s-Sinodu, sinjal eċċellenti ta’ vitalità u waqt importanti għall-ħajja tal-Knisja. Infatti s-Sinodu tal-Isqfijiet, imwaqqaf minn Pawlu VI skont l-indikazzjonijiet tal-Konċilju, “bħala rappreżentanza tal-episkopat kattoliku kollu, ifisser li l-Isqfijiet kollha f’komunjoni ġerarkika huma parteċipi fl-interess tal-Knisja universali” (Christus Dominus, 5). Ejjew fl-istess ħin, niżżu ħajr għal dawn l-erbà ġimgħat ta’ xogħol.

Matul dan il-perijodu ħassejna l-benefiċċji, ukoll qabel ma ġew magħrufa l-aħħar żviluppi, jiġifieri il-messaġġ u l-“proposti”: infatti dehrilna li l-verità u l-imħabba tqawwew fi qlubna jum wara jum, minn ġimgħa għal oħra.

Dan it-tkabbir jitqiegħed fid-dawl u l-karatteristiċi li bihom ġie rivelat li jiġu notifikati. Minn dan jidher b’liema reqqa u sinċerità ġew murija l-libertà u l-impenn responsabbli fuq it-tema ttrattata.

Illum irridu fuq kollox niżżu ħajr lil dak “li jara fis-sigriet” (Mt 6,4) u li jopera bħala “Alla moħbi”, li mexxa l-ħsibijiet tagħna u l-koxjenzi tagħna u ppermettielna li naħdmu fil-fraternità u fil-ferħ spiritwali, b’tali mod  li bilkemm nintebħu bix-xogħol u bil-għejja. Madankollu kbira kienet il-għejja, imma ma skartajtu l-ebda xogħol.

2. Hemm bżonn ukoll li niżżu ħajr lil xulxin. Imma fuq kollox jeħtieġ li nagħrfu dan: mhux ilkoll għandna nattribwixxu dak il-progress, li permezz tiegħu, bħal f’maturazzjoni gradwali, “għamilna l-verità fil-karità”, għat-talb kontinwu li, bħal dawwarna, msawwab milll-Knisja kollha. Dan it-talb kien magħmul għas-Sinodu u għall-familji: għas-Sinodu għaliex irrifera ruħu għall-familji, għall-familji għaliex għandhom xi dmirijiet x’jiżvilġu fil-Knisja u fid-dinja kontemporanja. Is-Sinodu bbenefika b’mod għal kollox singulari minn dan it-talb.

Alla kien imsejjaħ b’talb qawwi. Dan seħħ b’mod speċjali mhar it-12 ta’ Ottubru, meta l-miżżewġin, li kienu jirrapreżentaw lill-familji tad-dinja kollha, inġabru quddiem il-Bażilika ta’ San Pietru biex jiċċelebraw ir-riti sagri u jitolbu magħna.

Jekk għandna niżżu ħajr lil xulxin, għandna niżżu ħajr tant benefatturi mhux magħrufa li fid-dinja kollha għenuna bit-talb tagħhom, u offrew lil Alla wkoll it-tbatijiet tagħhom għal dan is-Sinodu

3. Huwa issa l-waqt li niżżu ħajr wieħed wieħed lil dawk li kkollaboraw għaċ-ċelebrazzjoni ta’ dan is-Sinodu: il-presidenti, is-segretarju ġenerali, ir-relatur ġenerali, il-parteċipanti b’mod speċjali, l-esperti, is-segretarju speċjali u l-ajjutanti tiegħu, l-awdituri rġiel u l-awdituri nisa, il-ħaddiema tal-istrumenti ta’ komunikazzjoni soċjali, id-dikasteri tal-kurja Rumana u b’mod speċjali il-kumitat għall-familja, u wkoll l-oħrajn, jiġifieri l-ħaddiema tas-sala, waqt li ntawlu s-serja sal-ajjutanti tekniċi, u sat-tipografi u l-kumplament.

Aħna lkoll grati li stajna nwasslu fi tmiemu dan is-Sinodu, li huwa manifestazzjoni singulari ta’ interess kolleġġjali għall-Knisja, tal-Isqfijiet tad-dinja kollha. Aħna grati għaliex stajna nifhmu s-sinifikat tal-familja, kif fil-fatt hu fil-Knisja u fid-dinja kontemporanja, attenti għas-sitwazzjonijiet multipli u differenti li fihom tinsab, għat-tradizzjonijiet, propji tal-kulturi differenti, li jolqtuha, għall-kondizzjonamenti ta’ ħajja iktar evoluta li għalihom hija sottomessa, u rejaltajiet simili. Aħna grati għaliex bir-rispett sħiħ tal-fidi stajna niskrutinizzaw il-proġett etern ta’ Alla dwar il-familja, li intwera fil-misteru tal-ħolqien u mmarkat fid-demm tar-Redentur, għarus tal-Knisja. Aħna fl-aħħar nett grati għaliex stajna nippreċiżaw, skont il-pjan divin dwar il-ħajja u l-imħabba, id-dmirijiet tal-familja fil-Knisja u fid-dinja kontemporanja.

4. Il-frott li dan is-Sinodu 1980 diġa pproduċa huwa miġbur fil-“Propożizzjonijiet” approvati mill-assemblea. L-ewwel minn dawn titratta: “Ir-rieda ta’ Alla għandha tkun skoperta fil-mixja tal-Poplu ta’ Alla. Is-sens tal-fidi”.

Dan it-teżor għani tal-“propożizzjonijiet”, li huma 43, aħna nirċevuhom bħala frott partikolarment prezzjuż tax-xogħlijiet tas-Sinodu.

Fl-istess ħin nuru l-ferħ li l-istess assemblea esprimiet lill-Knisja kollha fil-proklamazzjoni tal-messaġġ.

Is-segreterija ġenerali bl-għajnuna tal-organiżmi tas-sedja apostolika u tal-konferenzi episkopali se tibgħat dan il-messaġġ lil dawk kollha li huwa ndirizzat lilhom.

5. Kemm is-Sinodu studja b’impenn u ikkomunika fl-imsemmija “propożizzjonijiet”, jagħmel iva li nistgħu nifhmu aħjar id-dmirijiet insara u apostoliċi tal-familja fid-dinja kontemporanja billi ġabarhom mill-għana kbir tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II. Hemm bżonn nagħmlu mod li l-indikazzjonijiet duttrinali u pastorali ta’ dan is-Sinodu jsibu twettiq konkret: din hija t-triq li għandna nsegwu.

Is-Sinodu ta’ din is-sena jintrabat b’mod intimu mas-Sinodi preċedenti li tagħhom huwa il-kontinwazzjoni. – Qegħdin nitkellmu dwar is-Sinodi ċċelebrati fl-1971 u b’mod speċjali fl-1974 u fl-1977 – li servew u għad għandhom iservu biex jinkarnaw fil-ħajja l-Konċilju Vatikan II.

Dawn is-Sinodi jagħmlu iva li l-Knisja tippreżenta lilha nfisha b’mod awtentiku kif jeħtieġ li tkun f’din id-dinja kontemporanja.

6. Fost ix-xogħlijiet ta’ dan is-Sinodu tingħata mportanza massima għall-eżami preċiż ta’ dawk il-problemi duttrinali u pastorali li jkunu jinħtieġu b’mod singulari u għall-ħaqq ċar mogħti lill-istess.

Fil-għana tal-interventi, tar-relazzjonijiet, tal-konklużjonijiet ta’ dan is-Sinodu, li mexa fuq żewġ linji gwida, bħal fuq sisien, il-fedeltà jiġifieri għall-pjan ta’ Alla lejn il-familja u l-prattika pastorali ikkaratterizzata minn imħabba ħanina u tar-rispett dovut lill-bnedmin meqjusa fit-totalità tagħhom, fejn jikkonċerna l-“esseri” tagħhom u l-“għixien” tagħhom – f’tant għana, konna qegħdin ngħidu, mottiv għalina ta’ ammirazzjoni kbira, hemm xi partijiet, li ġibdu l-attenzjoni tas-santi padri b’mod partikolari. Huma nfatti kienu koxjenti li jkunu interpreti tal-istennijiet u tat-tamiet ta’ bosta miżżewġin u ta’ bosta familji.

Fost ix-xogħlijiet ta’ dan is-Sinodu huwa ferm utli niftakru dawn il-problemi u nagħrfu l-approfondiment li dwar l-istess kien imwettaq b’impenn. Hawn qegħdin nitkellmu dwar l-istudju duttrimali u pastorali ta’ kwistjonijiet li, ukoll jekk ma kinux l-uniċi ttrattati fid-diskussjonijiet tas-Sinodu, bdanakollu kellhom importanza partikulari, f’dak li dwarhom tkellmu b’mod sinċier u liberu.

Hekk tinħoloq dik is-sitwazzjoni li tiġi mill-indikazzjonijiet mogħtija dwar l-imsemmija kwistjonijiet b’ċarezza u b’qawwa mis-Sinodu, waqt li jkun preżenti l-element nisrani tipiku li skontu ż-żwieġ u l-familja jintwerew bħala doni tal-imħabba divina.

7. Għalhekk is-Sinodu, waqt li jitkellem dwar il-ministeru pastorali lejn dawk li għaddew għal għaqda ġdida wara d-divorzju, jfaħħar dawk il-miżżewġin li, minkejja li magħfusin minn diffikultajiet gravi, bdanakollu xehdu f’ħajjithom l-idissolubiltà taż-żwieġ. Fl-eżistenza tagħhom wieħed infatti jagħraf xhieda valida ta’ fedeltà lejn l-imħabba li għandha fi Kristu l-qawwa tagħha u s-sies tagħha.

Is-Santi Padri sinodali barra minn hekk, waqt li jsostnu l-indissolubiltà taż-żwieġ u l-proċedura normali tal-Knisja li ma tammettix għall-komunjoni ewkaristika dawk iddivorzjati li kontra n-norma intrabtu fi żwieġ ġdid, iħeġġu lir-rgħajja u lill-komunità kollha nisranija sabiex jgħinu lil dawn ħuthom irġiel u nisa sabiex ma jħossuhomx maqtugħin mill-Knisja, mhux biss, imma bis-saħħa tal-magħmudija huma jistgħu u għandhom jieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja waqt li jitolbu, waqt li jisimgħu il-kelma, waqt li jassistu għaċ-ċelebrazzjoni ewkaristika tal-komunità u waqt li jippromwovu l-karità u l-ġustizzja.

Ukoll jekk m’għandniex ninnegaw li tali persuni jistgħu jirċievu, jekk japplikaw il-kondizzjonijiet, is-sagrament tal-penitenza u  mbagħad is-sagrament tal-komunjoni ewkaristika, meta sinċerament iħaddmu forma ta’ ħajja, li ma tikkuntrastax mal-indissolubiltà taż-żwieġ – jiġifieri meta r-raġel u l-mara, li ma jistgħux jissodisfaw l-obbligu tas-separazzjoni jassumu l-impenn li jgħixu f’kontinenza totali, jiġiefieri jastjenu mill-atti propji ta’ miżżewġin, meta mhemmx mottiv ta’ skandlu – bdanakollu l-privazzjoni tar-rikonċiljazzjoni sagramentali ma’ Alla ma żżommhomx mill-perseveranza fit-talb, mill-eżerċizzju tal-penitenza u tal-karità sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-grazzja tal-konverżjoni u tal-fidwa.

Huwa sewwa li l-Knisja waqt li titlob għalihom u issostnihom fil-fidi u fit-tama turi ruħha omm ħanina.

8. Is-santi padri sinodali jafu sewwa d-diffikultajiet gravi, li bosta miżżewġin iħossu fil-koxjenza tagħhom rigward il-liġijiet morali li jirrigwardaw it-trażmissjoni u d-difiża tal-ħajja umana. Konvinti li dak il-preċett divin iġib miegħu l-wegħda u l-grazzja, is-santi padri sinodali reġgħu sostnew apertament il-validità u l-verità sikura tal-aħbar profetika, mogħniha b’sinifikat profond u bi qbil kbir mal-kondizzjonijiet tallum, miġbura fl-ittra enċiklika “Humanae Vitae”. Is-Sinodu barra minn hekk ħeġġeġ lit-tejoloġi biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom mal-azzjoni tal-maġisteru ġerarkiku, biex dejjem aħjar jispjegaw is-sisien bibbliċi u r-raġunijiet personalistiċi ta’ din id-duttrina, waqt li jimpenjaw ruħhom biex iva jagħmlu li d-duttrina kollha tal-Knisja tkun dejjem aħjar mifhumha mill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Is-santi padri sinodali waqt li jduru fuq dawk li jeżerċitaw il-ministeru pastorali għall-benefiċċju tal-miżżewġin u tal-familji warrbu kull dikotomija fost il-pedagoġija, li tipproponi ċerta gradwalità fit-twettiq tal-pjan divin, u d-duttrina, proposta mill-Knisja bil-konsegwenzi kollha tagħha, li fihom huwa kontenut il-kmand tal-għixien skont l-istess duttrina. Dan ma jfissirx li nħarsu l-liġi biss bħala ideal pur li għandna nilħqu fil-futur, imma bħala kmand ta’ Kristu Mulej biex nissuperaw b’impenn id-diffikultajiet.

Fir-realtà ma nistgħux naċċettaw “process ta’ gradwalità, jekk mhux fil-każ ta’ minn b’kuraġġ sinċier josserva l-liġi divina u jfittex dak il-ġid, li mill-istess liġi huwa mgħasses u promoss. Għalhekk l-hekk imsejħa “liġi tal-gradwalità jew mixja gradwali ma tistax tkun identifikata bil-“gradwalità tal-liġi”, bħalli kieku hemm gradi differenti u forom differenti ta’ preċett fil-liġi divina għal bnedmin u sitwazzjonijiet differenti. Il-miżżewġin kollha huma msejħa, skont il-pjan divin, għall-qdusija fiż-żwieġ u din il-vokazzjoni għolja titwettaq sakemm il-persuna umana tkun kapaċi twieġeb għall-kmand divin b’kuraġġ seren billi tafda fil-grazzja divina u fir-rieda propja tagħha.

Għalhekk il-miżżewġin li m’għandhomx l-istess sensibiltà reliġjuża ma jistgħux jaċċettaw b’mod passiv is-sitwazzjoni, imma għandhom jimpenjaw ruħhom, b’sabar u b’rieda tajba, sabiex isibu ruħhom fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom taż-żwieġ nisrani.

9. Is-santi padri sinodali waslu kemm għal fehim ikbar tal-għana li tinsab fil-kulturi differenti tal-popli kif ukoll tal-kontributi pożittivi li toffri kull tip ta’ kultura, biex tagħraf iktar fil-fond il-misteru sublimi ta’ Kristu. Barra minn dan enfasizzaw li, fil-qasam taż-żwieġ u tal-familja, jinfetaħ skop wiesà għar-riċerka tejoloġika u pastorali biex jiffavorixxi aħjar l-inkarnazzjoni tal-messaġġ evanġeliku fir-realtà ta’ kull poplu biex jagħraf b’liema modi u  drawwiet, it-tradizzjonijiet, is-sens tal-ħajja u r-ruħ ta’ kull kultura jistgħu jarmonizzaw ruħhom ma’ dak kollu li jistà jikkontribwixxi biex iqiegħed fid-dawl ir-rivelazzjoni divina (cf. Ad Gentes, 22).

Din ir-riċerka se ġġib il-frott tagħha lill-familji, kemm-il darba din tiġi attwata skont il-prinċipju tal-komunjoni tal-Knisja universali u wara l-impuls tal-Isqfijiet lokali, magħqudin bejniethom u mal-katedra tal-Beatu Pietru, “li jippresiedi għall-karità tal-Knisja kollha” (Lumen Gentium, 13).

10. Is-Sinodu tkellem dwar il-mara, dwar id-dinjità tagħha u dwar il-vokazzjoni tagħha bħala bint Alla, mara miżżewġa, u omm b’mod xieraq u perswassiv, b’rispett u gratitudni. Waqt li warrab dak kollu li jippreġudika d-dinjità umana tagħha, is-Sinodu wera wkoll il-kobor tad-dinjità tal-omm. Għal dan il-mottiv iddikjara li s-soċjetà għandha tikkostitwixxi ruħha b’mod tali li l-mara ma tkunx kostretta għal xogħol barra mid-dar għal mottivi ekonomiċi, imma hemm bżonn li l-familja tkun tistà tgħix b’mod konvinjenti wkoll meta l-omm tiddedika ruħha totalment għaliha.

11. Jekk ftakarna dawn il-problemi u t-tweġibiet mogħtija lilhom mis-Sinodu, ma rridux bdanakollu nittraskuraw il-kwistjonijiet l-oħra ttrattati. Dan hu dwar problemi mportanti li għandhom ikunu spjegati fuq il-pjan duttrinali li fil-ministeru pastorali tal-Knisja b’rispett kbir, imħabba u fehim lejn l-irġiel u n-nisa, ħutna rgiel u nisa, li jħarsu lejn il-Knisja biex ikollhom kelma ta’ fidi u ta’ tama.

Dan infatti ħareġ minn bosta nterventi f’dawn il-ġimgħat ta’ xogħol fruttuż. Nawguraw li r-rgħajja, fuq l-eżempju tas-Sinodu u bl-istess attenzjoni u determinazzjoni, jitrattaw dawn il-problemi kif jiġu fir-realtà tal-ħajja konjugali u familjari sabiex ilkoll “nibnu l-verità fil-karità”.

12. Issa rridu ngħidu bħala koronament tax-xogħlijiet imwettqa fil-kors ta’ dawn l-erbà ġimgħat li ħadd ma jistà jibni l-karità jekk mhux fil-verità. Dan il-prinċipju jgħodd kemm għall-ħajja ta’ kull familja kif ukoll għall-ħajja u l-azzjoni tar-rgħajja li feħsiebhom iservu verament il-familja.

13. Il-frott ewlieni ta’ din is-sessjoni tas-Sinodu jinsab fil-fatt li d-dmirijiet tal-familja nisranija, li l-l-essenza tagħhom hija l-karità, ma jistgħux jitwettqu jekk mhux billi tingħex għal kollox il-verità.

Dawk kollha li lilhom, minħabba l-appartenenza għall-Knisja, – ikunu lajċi, saċerdoti, reliġjużi rgiel u reliġjużi nisa -ġie afdat lilhom li jikkollaboraw f’din l-azzjoni, ma jistgħux iwettqu dan jekk mhux fil-verità.

Hija l-verità li teħles, hija l-verità li tordna, hija l-verità li tiftaħ it-triq għall-qdusija u għall-ġustizzja.

Rajna, kemm imħabba ta’ Kristu, kemm karità hija offruta lil dawk kollha li fil-Knisja u fid-dinja jiffurmaw familja: mhux biss lill-irġiel u lin-nisa magħqudin fiż-żwieġ, imma wkoll lil subien u bniet, liż-żgħażagħ, lir-romol, u lill-orfni, lill-anzjani u lil dawk kollha li b’xi mod jipparteċipaw fil-ħajja tal-familja.

Għal dawn kollha il-Knisja ta’ Kristu trid tkun u tipproponi ruħha bħala parti minn dik il-milja ta’ ħajja li biha Pawlu jitkellem fl-ittra lill-Korintin: “Għaliex fi Kristu ġejna mogħnija bid-doni kollha, dawk tal-kelma u dawk tax-xjenza” (cf. 1Kor 1,5).

Wara li għidna dan, inħabbrilkom li nnominajt bħala għajnuna fis-segreterija ġenerali tas-sinodu tal-Isqfijiet, tliet Isqfijiet li l-appuntament tagħhom imiss lill-Papa Ruman, b’żieda mat-tnax minnkom magħżula. Dawn huma:
– Ladislaus Kardinal Rubin, prefett tas-sagra kongregazzjoni għall-Knejjes orjentali.
– Pawlu Tzadua, Arċisqof ta’ Addis Abeba tal-Etjopji;
– Carlo Maria Martini, Arċisqof ta’ Milan.

Fl-aħħarnett nawguralkom kull ġid tal-Mulej.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading