Lectio Divina għal Ħadd il-Palm. Sena “B”

Vanġelu: (Mk. 14. 1-15, 47): S. Mark kiteb ir-rakkont tal-Passjoni ftit snin biss wara l-Qawmien ta’ Ġesu’.  Dan nafuh għax qatt ma jsemmi l-qassis il-kbir b’ismu (Kajfa) għax kien għadu ħaj (miet fis-sena 36 AD). Mark għamel hekk għax ried li l-ewwel Insara mill-ewwel iżommu quddiemhom il-Wiċċ veru t’Alla li tant ħabbna li offra lil Ibnu l-Waħdieni b’sagrifiċċju. Aħna llum mistednin nisimgħu b’attenzjoni dan it-test tant għażiż għall-Knisja qisna għadna kif nitgħammdu.

  1. “Għandi ruħi mnikkta għall-mewt.” S. Mark hu l-iktar evanġelista li jurina l-lat uman ta’ Ġesu’. Hu ma kienx superman imma bniedem bħalna f’kollox barra d-dnub.  Kien iħobb lil ħajtu u, meta kienet mhedda, beża’, beka, u fittex il-wens.  Meta nisimgħu dan, aħna nikkunslaw għax aħna ngħaddu minn esperjenzi bħal din.  Meta jiġri dan tajjeb li niftakru fil-Kliem: “Missier, biegħed minni dan it-toqol! Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int.” Għall-kelma “Missier” Ġesu’ juża’ ‘Abba’, termini li Lhudi juża’ meta jkun tifel żgħir, biex juri tenerezza, kunfidenza u jħoss sigurta’ f’dirgħajn u fil-preżenza ta’ missieru. Bħalma aħna nużaw Daddy, Pa, Papa’, hekk Ġesu’ jridna nindirizzaw lill-Missier bl-istess tenerezza,  kunfidenza u sigurta’.  Dan jgħinna biex kuljum, anki f’mumenti li jidhru assurdi għalina, qatt ma niddubitaw li qegħdin f’idejn tajba, l-aħjar li qatt jista’ jkollna.  F’dawn il-mumenti tajjeb li nirrepetu t-talba ta’ Ġesu’ fl-ort, li tibda bil-kelma ‘Abba’, biex nuru li għandna kunfidenza u fiduċja sħiħa fiH.
  2. Mark ma jsemmi l-ebda kelma jew rejazzjoni ta’ Ġesu’ meta biesu Ġuda u meta Pietru qata’ widnet il-qaddej tal-qassis il-kbir.  Jagħlaq dil-parti tas-silta hekk: “Dan kollu ġara biex isseħħ l-iskrittura.” B’hekk Mark xtaq li l-ewwel Insara jikkontemplaw lil Ġesu’ ġwejjed u diżarmat (vulnerabbli) li jagħti ruħu lill-għedewwa.  Dan sabiex huma (u aħna wkoll illum) nirrejalizzaw li, f’ċerti ħwejjeġ li jiġru, ma nistgħu nagħmlu xejn ħlief inbaxxu rasna għar-rieda t’Alla.  L-Insara tal-lum ukoll huma mdawrin bi lpup tal-egoiżmu, poter, eċċ.  Mark qed joffrilna mudell ta’ kif għandna nġibu ruħna: Ġesu’ ġwejjed u sieket. L-anqas meta Pietru ħaseb li se jsolvi l-problema bis-sejf  Ġesu’ (skont Mark) ma kkummenta.  In-Nisrani llum qatt ma jista’ jibni s-Saltna t’Alla b’xi vjolenza jew qerq.  Dawn iħottu mhux jibnu.
  3. “…imma telqilhom il-liżar f-idejhom u ħarab għeri.”  Ħafna jaqblu li dan kien Mark stess.  Juża’ l-kelma ‘żagħżugħ’ darb’oħra meta, liebes l-abjad, jidher lin-nisa ħdejn il-qabar u jgħidilhom li Ġesu’ ma kienx hemm.  Il-kelma ‘liżar’ (sindone) hija l-istess bħal dak li fih keffnu ‘l Ġesu’.  Il-messaġġ hu: il-Lhud għalissa qabdu ‘l Ġesu’ imma dal-waqt se jaħirbilhom u jħalli warajh il-liżar biss.  Anki n-Nisrani, li għandu id-Divin Etern jgħix fih, meta jasal fil-konklużżjoni ta’ ħajtu, iħalli warajh biss il-fdalijiet u mhux il-persuna tiegħu. Din tibqa’ żagħżugħa fl-eternita’.
  4. Ġesu’ jiskot ukoll quddiem is-Sanħedrin għax ix-xhieda kienu jafu li qed jigdbu fuqu u li Hu bla ħtija. Iwieġeb biss meta mistoqsi jekk kienx il-Messija. Quddiem Pilatu iwieġeb biss: “Int qiegħed tgħidu.” Ġesu’ kien jaf li l-mexxejja riedu joqtluh.  Kien inutli jħaqqaqha magħhom. Dan mhux skiet ikrah ta’ wieħed beżżiegħ imma spirtu qawwi ta’ min ma jirrejaġixxix għall-provokazzjoni, insulti, kalunji u arroganza. Dan skiet nobbli ta’ wieħed konvint mill-lejalta’ u r-rettitudni tiegħu u mill-fatt li l-kawża ġusta tiegħu se tkun trijunfanti. In-Nisrani li jħobb il-verita’ u l-ġustizzja aktar minn ħajtu jiġġieled biex iħarishom, imma qatt bi vjolenza, kalunji jew insulti.  Kull tant, is-skiet (bħal ta’ Ġesu’) risposta. 
  5. Kemm in-nies li kienu jiġru wara Ġesu’ u kemm l-Appostli ħallewh waħdu fuq il-Golgota. Mark hu l-evanġelista li l-aktar jiddeskrivi s-solitudni ta’ Ġesu’. L-oħrajn isemmgħu sapport mill-mara ta’ Pilatu, in-nisa ta’ Ġerusalem, Pietru li mexa warajh għal ftit, Marija u Ġwanni. Mark ma jsemmi ‘l ħadd minn dawn ħlief xi nisa li ħarsu lejh mill-bogħod.  Ġesu’, waħdu fuq is-salib, jgħajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”  Ħassu fallut, mirbuħ mill-għedewwa, minsi minn kulħadd.  In-Nisrani li jaċċetta l-proposti kollha ta’ Ġesu’ jrid jistenna li ma jkunx popolari, forsi abbandunat ukoll minn membri tal-familja u mis-soċjeta’. Jista’ jħossu abbandunat minn Alla, dik li l-qaddisin isejħulha “Il-lejl tar-ruħ” fejn tħoss deżolazzjoni u dieqa għax qisu Alla qed jistaħba. Madre Tereża kienet tgħaddi xhur sħaħ f’dan l-istat. Biex wieħed jirbaħ dan it-test tal-fidi, irid jikkonvinċi lilu nnifsu li, għalkemm il-preżenza t’Alla mhux qed tinħass, Alla xorta waħda hawn qiegħed. Anki meta jasal biex jgħajjat bħal Ġesu’, imma miegħu ukoll: “Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”
  6. Għal dan, iċ-ċenturjun jistqarr: “Dal-bniedem kien tassew Bin Alla.” Dis-sentenza hija l-aktar waħda importanti fil-Vanġelu skont S. Mark.  Tul ħajtu ħafna kienu dawk li saqsew: “Imma min hu dan biex jagħmel dawn il-mirakli?” Anki l-Appostli: “Min hu dan li jikkmanda r-riħ u l-mewġ?” Ġesu’ sikket lill-imxajtan ta’ Kafarnaum meta dan qal li hu l-Messija għax ma riedx li n-nies jifhmu ħażin, i.e. li hu l-Messija ta’ moħħhom, dak li se jsolvilhom il-problemi kollha reliġjużi u politiċi.  Ried jistenna biex juri l-vera identita’ tiegħu ta’ Messija fuq is-salib. U l-ewwel li għaraf din l-identita’ (skont Mark) ma kienx xi appostlu imma ċenturjun meta ra x’imħabba wera meta ta ħajtu għall-oħrajn.  ‘Bin Alla” ifisser “jixbaħ lil Alla”. Minn issa ‘l quddiem, min irid, jista’ jagħmel bħaċ-ċenturjun għax Ġesu’ kixef biċ-ċar il-vera identita’ tiegħu ta’ Messija.
  7. “Il-purtiera tat-tempju ċċartet minn fuq s’isfel.” L-istess kelma ntużat waqt il-Magħmudija ta’ Ġesu’ meta “ċċartu s-Smewwiet”, i.e. b’mod li ma tistax terġa’ ssewwiehom. Dawn kienu ngħalqu imħabba d-dnub tan-nisel.  Issa nfetħu għax Ġesu’ reġa’ ħabbeb is-sema u l-art. Il-purtiera kienet tifred il-Qaddis tal-Qaddisin min-nies. It-tiċrit tagħha jfisser li m’hemm xejn iżjed li jifred il-bniedem minn Alla. Kull bniedem jista’ jersaq viċin kemm irid biex jara l-wiċċ awtentiku t’Alla rrivelat minn Sidna Ġesu’ Kristu.  Id-dar tal-Missier issa miftuħa għal uliedu kollha.
  8. “Ġużeppi minn Arimatija …. għamel il-ħila u mar għand Pilatu.”  L-ebda dixxiplu m’għamel kuraġġ biex jidher ħabib ta’ Ġesu’ quddiem Pilatu, imma membru tal-kunsill. B’hekk Mark ried jagħti messaġġ lill-Insara ta’ żmienu (u lilna wkoll) biex ma jiddgħajfux fil-fidi, ma jixxejrux ma kull riħ, ma jistħux juru li huma Nsara quddiem min jidħak bihom.   

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading