Rasna fuq sider Ġesu’. Messaġġ lis-Saċerdoti f’Ħamis ix-Xirka

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 1 ta’ April 2021: Messaġġ lis-Saċerdoti f’Ħamis ix-Xirka mill-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex.

RASNA FUQ SIDER ĠESÙ

Għeżież ħuti saċerdoti, minn qalbi nixtieq nawguralkom paċi fil-qalb u ġid spiritwali f’dan il-jum għażiż ta’ Ħamis ix-Xirka. Dan il-jum ifakkarna meta b’rasna fuq sider Ġesù, bil-biża’ għax konxji mil-limiti tagħna, imma b’ħafna mħabba u fiduċja fih li sejħilna, aċċettajna l-proposta ta’ mħabba li għamlilna u wegħednieh li se nippruvaw inkunu fidili lejh.

Rasna fuq sider Ġesù, għax hu għażilna biex noqogħdu ħdejh fuq il-mejda, biex inkunu fost il-ħbieb preferuti tiegħu. Spiss jiġri, fil-ħajja ta’ kuljum, fl-impenji li jitlob minna l-ministeru, li ninsew il-bidu ta’ kollox. Ninsew li l-ministeru tagħna, l-ewwel u qabel kollox, jikkonsisti fil-fatt li Alla ħa grazzja magħna, mhux għax jistħoqqilna jew għax tajbin aktar mill-oħrajn, imma sempliċement għax ħa grazzja magħna.

Inħallu lil Ġesù jħobbna

Iż-żewġ ġesti prinċipali li jikkaratterizzaw il-ġurnata tal-lum – l-Ewkaristija u l-ħasil tar-riġlejn – mhumiex sempliċement żewġ għemejjel li Ġesù jikkmandana nagħmlu ma’ ħutna. Imma huma l-ewwel u qabel kollox lingwaġġ li permezz tiegħu Ġesù jagħżel biex juri l-predilezzjoni, l-imħabba li għandu għalina s-saċerdoti.

Tkun ħaġa sabiħa jekk illum insibu ħin biex niġu konxji mill-verità ta’ Ġesù, il-Mulej u l-Imgħallem tagħna, għarkupptejh quddiemna, bil-fardal ma’ qaddu, jaħslilna riġlejna u jixxuttahomlna. Tkun ħaġa sabiħa jekk illum insibu ħin biex niġu konxji mill-verità ta’ Ġesù, il-Mulej u l-Imgħallem tagħna, li jagħmel lilu nnifsu ikel, offerta u preżenza, biex aħna nistgħu nsostnu ruħna, ngħixu bl-imħabba tiegħu u nħossuh magħna fit-triq.

Ir-restrizzjonijiet tal-pandemija, ġustament jew inġustament, qed ifixkluna milli nkunu impenjati bħas-soltu fil-qadi tal-Insara tagħna – ċelebrazzjonijiet, funzjonijiet, purċissjonijiet… U dan jista’ jfixkilna xi ftit. Għax li nkunu man-nies u li nkunu għan-nies jagħtina ħafna lura, tant li spiss nirriskjaw li nirriduċu ruħna għal sempliċi funzjonarji tas-sagru mingħajr spirtu. Ejjew f’dawn il-ġranet għeżież nagħmlu minn dan in-nuqqas opportunità. Ejjew inħallu lil Alla jħobb lilna wkoll. “Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15).

Inkunu missirijiet daqskemm aħna wlied

Aħna nistgħu nikbru bħala missirijiet (fathers) jekk kemm-il darba nkunu f’mixja ta’ integrazzjoni tas-sentimenti tal-Iben. U nistgħu nibqgħu nikbru f’dawn is-sentimenti tal-Iben għażiż tal-Missier b’diversi modi, bħalma jistgħu jkunu t-talb personali u komunitarju, l-irtiri, il-laqgħat ta’ formazzjoni, dak li jiġrilna fil-ħajja, l-istess tħaddim tal-ministeru tagħna fid-diversi wċuħ tiegħu.

Nistgħu niġbru din il-mixja kollha, magħmula minn diversi mumenti, fil-kelma konverżjoni – il-mixja tagħna lejn l-awtentiċità umana u spiritwali, lejn ir-realizzazzjoni tagħna bħala wlied Alla u missirijiet fil-komunitajiet Insara tagħna. Nistgħu niġbru l-mumenti kollha li jgħinuna f’din il-konverżjoni personali u presbiterali f’kelma waħda: il-formazzjoni kontinwa tagħna.

Filjazzjoni, formazzjoni u konverżjoni

Il-formazzjoni kontinwa mhix biss il-mumenti ta’ laqgħat, irtiri jew korsijiet li jiġu proposti biex nattendu għalihom. Dawn ukoll. Imma l-formazzjoni kontinwa hija fuq kollox il-ħajja tagħna ta’ kuljum, l-istorja li ngħaddu minna bis-sabiħ u l-ikrah, il-mumenti ta’ talb, id-direzzjoni spiritwali, iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, is-sagrament tal-Qrar, il-laqgħat li nagħmlu għall-oħrajn, l-organizzazzjoni fix-xogħol li kull wieħed minna jagħmel. Din hija l-formazzjoni kontinwa ordinarja tagħna. Ta’ qabel nistgħu nsejħulha formazzjoni straordinarja.

Il-Kummissjoni Kleru, li tieħu ħsiebna, diġà ħasbet biex tagħmel programm ta’ formazzjoni straordinarja. Nixtieq insemmi biss opportunità li ser ikollna biż-żjara fostna ta’ Padre Amedeo Cencini, bejn l-aħħar ta’ Mejju u l-4 ta’ Ġunju. Żgur li ser tkun grazzja għalina lkoll.

Il-mumenti ta’ formazzjoni personali u komunitarja mhumiex għajr espressjoni tal-paternità u tal-predilezzjoni ta’ Alla lejna. Mhumiex għajr il-mod kif Alla jkompli juri li hu Missier li jħobb tassew lil uliedu.

Li nħossuna ċentrali fil-qalb tal-Missier u li nkomplu nintegraw fina s-sentimenti tal-Iben mhux kapriċċ għalina s-saċerdoti! Imma huwa bżonn, huwa n-nifs tal-vokazzjoni tagħna!

Meta, mingħajr ma rridu, insiru biss missirijiet u ninsew li aħna fuq kollox ulied il-Missier, jiġrilna li nibdew infittxu li nissodisfaw il-bżonnijiet tagħna ta’ wlied f’dawk stess li aħna msejħin naqdu bħala missirijiet – fathers. Jekk f’Jum bħal dan niġu aktar konxji mill-infedeltà tagħna, hi liema hi, u titla’ fina bħal xewqa li nikkonvertu, ejja nieħdu l-okkażjoni biex insibu modi kif inħallu lil Alla jkun tassew Missier is-saċerdot.

Il-komunjoni ta’ bejnietna

L-ewwel sinjal li jidher, fi presbiterju li jieħu l-ħajja kollha tiegħu bħala proposta ta’ formazzjoni kontinwa, u allura bħala okkażjoni ta’ konverżjoni, hija l-komunjoni li tkun tinħass bejn is-saċerdoti.

Aktar ma kull wieħed minna jikber fis-sentimenti tal-Iben tal-Missier, aktar joħorġu fina l-karatteristiċi li jagħmluna aħwa veri ta’ xulxin. Hija t-tip ta’ relazzjoni li kull iben ikollu ma’ missieru li tgħin jew tfixkel lill-ulied iħossuhom aħwa ta’ xulxin. Imma wkoll, hija t-tip ta’ relazzjoni li jkollhom l-aħwa bejniethom li tgħin jew tfixkel lil kull iben fir-relazzjoni li jkollu mal-Missier.

Fid-dawl ta’ dan, bl-għajnuna ta’ Ġesù s-Saċerdot il-kbir, inkompli nħeġġeġ, fuq l-eżempju tar-ragħajja ta’ qabli, l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi u l-Kardinal Mario Grech, biex ikomplu jinħolqu fid-djoċesi tagħna komunitajiet ta’ saċerdoti li jgħixu flimkien, anki f’forom differenti.

Illum hija l-ġurnata tagħna. Is-soltu bħal-lum niltaqgħu l-Katidral u nerġgħu nġeddu l-ferħ tas-sejħa tagħna u tal-konsagrazzjoni tagħna lil Alla. Bħal-lum, kull wieħed minna, bid-dgħufijiet u l-waqgħat tagħna, bil-problemi u d-diffikultajiet tagħna, nerġgħu nġeddu l-impenn li nkunu ta’ Kristu fil-bnedmin li naqdu.

Minħabba l-pandemija ma stajniex niltaqgħu flimkien. Jekk Alla jrid, nagħmlu din iċ-ċelebrazzjoni tat-Tberik taż-Żjut nhar il-Ħamis 20 ta’ Mejju, fl-10.00am, fil-Katidral.

Ix-xewqa li Ġesù jikber fl-oħrajn

Sinjal ieħor importanti tal-konverżjoni kontinwa (u allura sinjal li nkunu qed nieħdu l-ħajja kollha kemm hi bħala okkażjoni ta’ formazzjoni kontinwa) hija l-ħeġġa fil-ħidma pastorali tagħna.

Bħali tafu li nistgħu nġarrbu r-riskju li xi drabi l-pastorali tagħna tista’ tirriduċi ruħha għal ripetizzjoni mekkanika ta’ ġesti u ta’ ħidma, li xi ftit jew wisq ma nħossuhomx tagħna, imma ngħixuhom bħala xi ħaġa li rridu nagħmlu kważi bilfors u mingħajr aptit.

Bħali tafu li nistgħu nġarrbu r-riskju li xi drabi fil-pastorali tagħna ninqabdu f’ġirja bla nifs ta’ inizjattivi u attivitajiet, li jdaħħluna fl-ansjetà tal-organizzazzjoni u tal-prestazzjoni. Kemm se mmorru sew jew kemm ser jiġu nies!

Meta aħna nkunu fi proċess ta’ formazzjoni kontinwa, u allura ta’ konverżjoni kontinwa, u jkunu qegħdin jikbru fina s-sentimenti tal-Iben, jiġrilna li fil-pastorali tagħna niffukaw aktar u nagħtu aktar importanza lix-xewqa li l-persuna ta’ Ġesù tikber fl-oħrajn. Bħala saċerdoti nilħqu l-ferħ tagħna meta n-nies li magħhom naħdmu jagħrfu aktar min hu Ġesù u jitgħallmu jidħlu f’relazzjoni aktar awtentika miegħu.

Dan hu dak li bħala saċerdoti jagħmilna tassew kuntenti. Dan hu dak li lilna jgħinna nħossuna tassew missirijiet.

Fid-dawl ta’ dan, fid-diversi organi tad-djoċesi, bħalma hu l-Kulleġġ tal-Kappillani, il-Kunsill Presbiterali, id-delegati pastorali u l-grupp li jorganizza l-ħidma pastorali, qegħdin niddiskutu u nibnu flimkien pjan ta’ ħidma għas-snin li ġejjin. Ikollna l-okkażjoni li nitkellmu dwar dan aktar ’il quddiem. Bl-għajnuna ta’ Alla nkunu nistgħu nħabbru dan il-pjan fil-Velja ta’ Pentekoste li ser nagħmlu, saċerdoti u lajċi, flimkien ma’ Marija, fuq iz-Zuntier Ta’ Pinu, nhar is-Sibt 22 ta’ Mejju.

Din ix-xewqa li Ġesù jikber fl-oħrajn mhix riservata biss għall-kappillani, jew għas-saċerdoti li jaħdmu fil-pastorali. Din ix-xewqa tista’ tkun ukoll tas-saċerdoti li huma morda, jew li ma joħorġux minn djarhom. Mhux biss għax fid-dinja tal-lum anki dawn jistgħu jibqgħu f’kuntatt mal-Insara, imma fuq kollox għax din ix-xewqa jistgħu jwettquha fil-milja tagħha permezz tat-talb, l-aktar it-talb ta’ interċessjoni.

Konklużjoni

Fl-aħħar nixtieq nirringrazzjakom minn qalbi tal-fiduċja tagħkom fija. Nifhem li mhux dejjem ikun faċli għalikom li taċċettaw l-ideat jew l-għażliet li jsiru. Nitlobkom biex ma tiddejqux tgħiduli l-ideat u l-opinjonijiet tagħkom għall-aħjar tal-poplu ta’ Alla fid-djoċesi tagħna.

Ngħidilkom b’sinċerità li għandi fiduċja f’kull wieħed minnkom.

Marija Ommna, li laqgħet lil Ġwanni bħala binha taħt is-salib ta’ Ġesù, bl-imħabba u l-maternità tagħha twettaqna f’din il-mixja ta’ maturazzjoni fl-identità tagħna bħala wlied il-Missier.

Il-qawwa ta’ Ġesù Mqajjem tħeġġiġna fix-xewqat qaddisa tagħna.

Leave a Reply