VISTA PASTORALI LILL- PARROĊĊA TAS-SS SALVATUR U TAL-QADDISIN ĠWANNI BATTISTA U ĠWANNI EVANĠELISTA FIL- LATERAN
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ruma, 9 ta’ Novembru 1980
1. Ippermettu, għeżież ħuti, li f’dan il-Ħadd li fih il-Knisja tiċċelebra l-anniversarju rikorrenti tad-dedikazzjoni tal-Bażilika Lateranensi, li nesprimi flimkien magħkom, il-venerazzjoni profonda lil Alla u Mulej tagħna, li jgħammar ġo dan it-tempju venerabbli.
Alla huwa fl-intern tal-Knisja tiegħu!
Meta it-tempju inbena f’dan il-post – u dan seħħ l-ewwel darba fiż-żminijiet tal-Imperatur Kostantinu – ġie iddedikat lil Alla biss. Infatti jibnu l-knejjes biex jiddedikawhom lil Alla, biex jagħtuhom lilu biss bħala propjetà partikolari tiegħu u l-abitazzjoni tiegħu f’nofsna, li aħna l-poplu tiegħu. U mingħand l-antenati tagħna fil-fidi rċivejna ċ-ċertezza tal-verità rivelata li Alla jrid għamara f’nofsna. Irid jibqà magħna. Ta’ xiex jekk mhux ta’ dan, tixhed l-istorja tal-patrijarki u ta’ Mosè?
Ta’ xiex iktar jixhed fuq kollox Kristu, Mulej u Salvatur tagħna, li b’mod partikolari huwa, sa mill-bidu, patrun tal-knisja fil-Lateran?
2. Hekk hu, ftit ilu smajna l-kliem tiegħu ppronunzjat quddiem l-abitanti ta’ Ġerusalem u lill-pellegrini hemm miġbura biex jinvistaw it-tempju ta’ Salamun: “Ħottu dan it-tempju u fi tlett ijiem nerġà nibnih” (Ġw 2,19). Kristu kien telà fit-tempju ta’ Ġerusalem flimkien mal-oħrajn – bħal ma smajna – huwa kien keċċa ‘l barra lin-nies li kienu qegħdin ibigħu il-barrin, in-nagħaġ, il-ħamiem u lis-sarrafa tal-flus bilqiegħda mal-imwejjed tagħhom. U allura quddiem rejazzjoni hekk iebsa tal-imgħallem ta’ Nażżaret, quddiem il-kliem li huwa kien lissen f’tali okkażjoni: “Tagħmlux minn dar Missieri post tas-suq”. Saritlu d-domanda: “Liema sinjal turina biex tagħmel dawn il-ħwejjeġ?” (Ġw 2,18).
It-tweġiba ta’ Kristu qanqlet sens ta’ diffidenza: bdanakollu “dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inben u hu jgħid li jistà jtellgħu fi tlett ijiem” (cf. Ġw 2,20).
Dawk biss qrib Kristu kienu konxji li f’dak li huwa kien għamel, huwa kien wera ż-żelu “filjali” għal dar il-Missier li kien qed ibaqbaq fih (cf. Ġw 2,17). U huma – id-dixxipli tiegħu – fehmu mbagħad, meta Kristu qam mill-imwiet, li allura meta kien keċċa ‘l barra lill-kommerċjanti mit-tempju ta’ Ġerusalem, huwa kellu f’moħħu fuq kollox “it-tempju ta’ ġismu” (Ġw 2,21).
Hekk mela fil-jum li fih niċċelebraw it-tifkira rikorrenti tad-dedikazzjoni tal-Bażilika fil-Lateran, li hija omm il-knejjes kollha, nixtiequ nesprimu l-venerazzjoni massima lil tali “għamara ta’ Alla magħna” (cf. Ap 21,3), waqt li nipprofessaw li hija tirraffigura lil Kristu stess imsallab u rxuxtat. Kristu l-Għid tagħna: ladarba għalih, fih u miegħu għandna l-aċċess għall-Missier fl-Ispirtu Santu; għalih, fih u miegħu Alla nnifsu, fil-misteru li ma jistax jinftiehem tal-ħajja trinitarja tiegħu, joqrob lejna biex joqgħod magħna, biex jgħammar f’nofsna.
3.B’dan il-mod, jien, l-Isqof ta’ Ruma, nixtieq fil-jum tallum nesprimi l-venerazzjoni tiegħi għall-misteru ta’ dan it-tempju li għalih wasalt sentejn ilu, u nixtieq nesprimi din il-venerazzjoni flimkien magħkom li intom parti speċjali tal-Knisja ta’ Ruma. Intom infatti l-Parroċċa lateranensi. Għeżież ħuti! Din tagħkom hija distinzjoni kbira u tassew singulari! Din timponi fuqkom id-dmir li taħtfu minnufih b’mod partikolarment għaqli u li mbagħad tgħixu bil-konsistenza meħtieġa l-misteru tat-tempju ta’ Alla, li l-liturġija tallum tenfasizza b’mod hekk tal-għaġeb .
Waqt li nsellmilkom bl-iktar mod kordjali, fl-okkażjoni taż-żjara li qed inwettaq illum lill-parroċċa tagħkom, nixtieq fl-istess ħin insellem b’rispett u b’imħabba lil dawk kollha li għandhom irbit speċjali ma’ dan it-tempju distint minħabba l-karigi li jokkupaw fil-Knisja ta’ Ruma.
Insellem għalhekk lis-sinjur Kardinal vigarju li, fil-kwalità tiegħu ta’ arċipriet tal-kapitolu tal-Bażilika, f’din il-Knisja għandu preżenza partikolarment sinifikattiva u stimolanti. Insellem, imbagħad, lill-viċi-direttur Monsinjur Canestri u lill-Monsinjur Plinio Pascoli, li għaż-żelu pastorali tiegħu hija afdata lilu ż-żona tad-dijoċesi, li għaliha tappartieni din il-parroċċa, u nsellem ukoll lill-meqjumin kanonċi tal-kapitlu li, flimkien mal-benefiċjati, janimaw il-ħajja liturġika tal-Bażilika, billi jieħdu sehem b’mod attiv għaċ-ċelebrazzjonijiet li jiżvolġu ruħhom hawn. Nieħu bil-qalb l-okkażjoni biex niċċertifika lilhom l-apprezzament tiegħi, waqt li, niżżi ħajr lil dawk kollha li jwettqu l-opra tagħhom fil-kongregazzjonijiet sagri, fil-vigarjat u f’forom oħra tal-ministeru, nibgħat tislima ta’ mħabba u awgurju kordjali lil dawk li l-mard ċaħħadhom milli jkunu hawn magħna f’din iċ-ċirkostanza ferrieħa.
Tislima partikolarment entużjasta nindirizza, imbagħad, lill-kappillan, Dun Sergio Vazzoler, li qiegħed verament jitħabat b’ħeġġa ġeneruża biex jagħmel mill-parroċċa, irrestawrata madwar erbà snin ilu bi qbil mad-direttivi konċiljari, komunità ħajja, li ddawwar il-katidral kbir, bħal ma l-ulied idawru l-omm, sabiex ma tibqax weħedha, mingħajr ħajjitha pastorali.
Insellem mill-ġdid għal darb’oħra lir-reliġjuzi rġiel u lir-reliġjużi nisa tal-istituti preżenti fl-isfera tal-parroċċa, bi ħsieb speċjali ta’ rikonoxxenza għal dawk li, b’mod dirett, joffru ruħhom għall-forom differenti ta’ servizz indispensabbli għall-ħajja liturġika pastorali ordnata.
It-tislima tiegħi fl-aħħarnett, tindirizza ruħha lil-lajċi li jiffurmaw il-polifonika korali, impenjata b’mod li jixraqlu tifħir fl-animazzjoni taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ħdud, liż-żgħażagħ li qegħdin iħejju ruħhom għall-ministeru mportantissmu tal-katekeżi, lil dawk li jassiguraw is-servizz tal-altar fil-funzjonijiet sagri, u lill-membri tal-kunsill pastorali, li jgħinu b’disponibiltà ġeneruża fix-xogħol apostoliku tal-parroċċa.
4. X’naqbad ngħidilkom, għeżież fidili tal-parroċċa ta’ San Ġwann fil-Lateran?
Ippermettuli li nsegwi lil San Pawl u li nipproponilkom kelma tiegħu meħuda mil-liturġija tallum: “Intom l-għalqa ta’ Alla, il-bini ta’ Alla” (1Kor 3,9b).
Żewġ paraguoni, kull wieħed minnhom jitkellem b’mod espressiv dwar kull wieħed u waħda minnkom, u fl-istess ħin dwar il-komunità kollha tagħkom.
Intom… “l-għalqa ta’ Alla”, li taf il-ħsad tajjeb tagħha speċjalment lill-ilma tal-magħmudija. Hawn, qrib il-Bażilika, jinsab il-fonti tal-magħmudija ferm antik. U hawn, mill-ilma ta’magmudija lateranensi bosta minnkom twelidtu fil-ħajja divina fil-grazzja ta’ wlied addottivi, billi bdejtu tiffurmaw parti minn din il-komunità parrokkjali. B’liema tifħir is-salm responsorjali tallum jeżalta l-“kurrenti tax-xmara” li “jferrħu l-belt ta’ Alla” (Sal 45 [46],5)! U il-profeta Eżekjel isejjaħ ix-xbiha tas-siġar li jikbru fuq ix-xatt tan-nixxiegħa u grazzi għal dan jagħmlu l-frott. Hawn hu l-kliem: “Għal għonq ix-xmara, fuq x-xtut ta’ kull naħa, jikbru kull tip ta’ siġar tal-frott, li l-friegħi tagħhom ma jinxfux: il-frott tagħhom ma jiqafx u kull xahar jimmatura, għaliex l-ilmijiet tagħhom ibaqbqu mis-santwarju. Il-frott tagħhom iservi bħala ikel u l-weraq tagħhom bħala mediċini” (Eż 47,12).
Hekk ukoll intom, għeżież ħuti, tikbru fil-virtù tal-grazzja tal-magħmudija u tagħmlu l-frott tal-opri tajbin, frott li għandu jdum għall-ħajja eterna, kemm-il darba tibqgħu fidili għal din il-grazzja tal-magħmudija.
Hemm imbagħad il-paragun l-ieħor: intom “il-bini ta’ Alla”. Tali xbiha tesprimi l-istess verità dwar l-irbit organiku tagħna ma’ Kristu, bħala “sies” tal-ħajja kollha spiritwali: “Infatti ħadd ma jistà jqiegħed sies differenti minn dak li diġa hemm, li huwa Ġesù Kristu” (1Kor 3,11).
Hekk jikteb l-Appostlu Pawlu fl-ewwel ittra lill-Korintin, u wara jimponi lid-destinatarji tal-ittra – u wkoll lilna! – id-domanda li ġejja: “Ma tafux li intom tempju ta’ Alla u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom”? (1Kor 3,16). U jmur ikompli jżid (huwa kliem qawwi, f’ċertu sens ukoll sever u minaċċjuż): “Jekk wieħed jeqred it-tempju ta’ Alla, Alla jeqred lilu” (1Kor 3,17).
Biex jikkonkludi mbagħad: “Għaliex qaddis huwa t-tempju ta’ Alla, li huwa intom ” (1Kor 3,17).
5. Dan huwa l-metru li bih jixraq li tkejlu ħajjitkom nisranija: kull wieħed u waħda minnkom b’mod individwali u lkoll flimkien fil-kuntest ta’ din il-komunità parrokkjali.
Dan huwa metru li għandu jistimola s-sens ta’ responsabiltà ta’ kull wieħed u waħda, li jġegħlna nassumu b’mod ġeneruż l-impenji li jiġu mill-inseriment tiegħu, permezz tal-magħmudija, fil-ġisem mistiku ta’ Kristu. Li nagħmlu parti, imbagħad, minn din il-parroċċa, mhux kbira imma singolarment sinifikattiva, waqt li tikkostitwixxi għalikom ilkoll titolu partikolari ta’ unur, issejjes ukoll għal kull wieħed u waħda l-ġustifikazzjoni ta’ dmirijiet speċjali. Il-ħajja nisranija tagħkom tiżvolġi fid-dell tal-katidral tal-Papa, li fih jinġabru fidili minn kull parti tad-dinja, biex iwettqu l-aċċess tagħhom għall-katedra ta’ Pietru u jġeddu, bil-battisteru qrib, l-impenn tal-wegħdiet tagħhom tal-magħmudija.
Kif nistgħu ma nintebħux bis-sejħa li toħroġ minn kuntatt abitwali simili u mill-konfront inevitabbli konsegwenti? Intom tistgħu tirċievu ħafna mix-xhieda ta’ fidi ntensa u ta’ devozzjoni żelanti, li hawn iġibu Pellegrini li jiġu minn reġġjuni kultant l-iktar imbegħda, waqt li jippermettulkom li kuljum tagħmlu l-esperjenza diretta tad-dimensjoni kattolika tal-Knisja. Imiss lilkom li toffrulhom laqgħa li ġġegħlhom iħossuhom milqugħa u li ġġegħlhom iħossu, hawn fiċ-ċentru tal-kattoliċità, bħallikieku qegħdin “ġo darhom”. Imiss lilkom tagħtuhom l-eżempju ta’ komunità nisranija ħajja, mibnija b’mod armonjuż madwar il-karità u miftuħa għal kull inizjattiva nobbli u ġeneruża, komunità mifruxa b’mod dinamiku lejn l-oħrajn bix-xewqa li taqsam ma’ kulħadd il-ferħ li jiġi mill-iskoperta tal-imħabba ta’ Kristu. Imiss likom fuq kollox li turu ruħkom, f’kull aspett tal-imġieba tagħkom, werrieta denji ta’ dawk ir-Rumani, li għalihom San Pawl kien jiżżi ħajr lil Alla, “għaliex il-fama tal-fidi tagħhom infirxet mad-dinja kollha” (cf. Rm 1,8).
6. Waqt li ntemmu din il-meditazzjoni, ejjew għal darb’oħra ndawru il-ħarsa tal-fidi tagħna lejn dan it-tempju meraviljuż, li llum jiċċelebra l-anniversarju tad-dedikazzjoni tiegħu
U jakkumpanja l-laqgħa tagħna fil-komunità tal-parroċċa lateranensi dan il-kliem sollenni u ferrieħ tal-liturġija tallum: “Jiena għażilt u qaddist dan it-tempju sabiex il-preżenza tiegħi tibqagħlkom dejjem” (2Kor 7,16). Alleluia.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb