Ġwanni Pawlu II fil-Jum ta’ Radd il-Ħajr

QUDDIESA FIL-JUM TA’ RADD IL-ĦAJR. OMELIJA TA’  ĠWANNI PAWLU II

Bażilika ta’ San Pietru, 9 ta’ Novembru 1980

Għeżież Bdiewa irġiel u nisa!

1. Hawn hi waslet ukoll fuq il-kalendarju taċ-ċelebrazzjonijiet tagħkom annwali il-“ġurnata ta’ radd il-ħajr”, introdotta iktar minn għoxrin sena ilu mill- konfederazzjoni nazzjonali ta’ min ifaħħarha tal-bdiewa diretti u issa ċcelebrata fid-dijoċesijiet kollha bir-rieda tal-Koferenza Episkopali Taljana.

Din hija ġurnata mportanti u tassew sinifikattiva, u din is-sena ġejtu minn kull reġġjun tal-Italja biex tiċċelebrawha flimkien mal-vigarju ta’ Kristu: nesprimilkom ir-rikonoxxenza profonda tiegħi għall-assemblea entużjażmanti tagħkom, xhieda ta’ fidi u ta’ fratellanza fil-komuni ideali u lilkom ilkoll nesprimi t-tislima tiegħi kordjali u ta’ mħabba. Din il-laqgħa tferraħni u ssabbarni! Nixtieq l-ewwelnett insellem bi stima u rispett lid-diriġenti tagħkom nazzjonali, provinċjali, dijoċeżani, u b’mod speċjali lill-president uxxenti, l-onorevoli Pawlu Bonomi, li għal tletin sena sewwa mexxa l-konfederazzjoni, b’servizz intens, appassjonat u ġenjali. Nixtieq ukoll nesprimi l-pjaċir tiegħi u l-eloġju tiegħi lil tant kollaboraturi, u b’mod partikolari lill-kunsillieri ekkleżjastiċi, li jieħdu ħsieb b’dedikazzjoni ġeneruża l-parti spiritwali tal-organizzazzjoni.

Imma fuq kollox irrid insellem lil kull wieħed u waħda minnkom, għeżież bdiewa irġiel u nisa u, permezz tagħkom, lill-bdiewa kollha tal-għelieqi u l-familji tagħhom: “nies b’saħħithom – bħal ma qal Pawlu VI ta’ tifkira meqjuma – kapaci, fidili, modesti, ġenerużi tal-kampanji tal-Italja” (Pawlu VI, Allocutio, die 27 mart. 1968: Insegnamenti di Paolo VI, VI [1968] 111). Intom tafu li l-Knisja dejjem fehmet u vvalutat xogħlkom, ħidnietkom, l-esiġenzi tagħkom. Il-Knisja tħobbkom, tistmagħkom, issegwikom u, fil-kriżijiet ideoloġiċi, morali, soċjali u politiċi li jweġġgħu l-umanità, tħares lejkom, ħaddiema tal-art, b’fiduċja partikolari. Intom mela llum intom milqugħa b’merħba fid-dar tal-Missier! Jiena nilqagħkom b’dirgħajja miftuħa, bħal ma lqajt il-kotor ta’ ħutkom fil-Messiku , fil-Polonja, fl-Irlanda, fl-Istati Uniti, fl-Afrika u fil-Brażil; u jien kuntent li nistà niżżi ħajr lill-Mulej magħkom u għalikom, illum u dejjem, għall-benefiċċji kollha li takom fis-sena li għaddiet.

2. Illum il-liturġija ġġegħlna niċċelebraw it-tifkira tad-dedikazzjoni tal-Bażilka tal-Lateran, katedra tad-dijoċesi ta’ Ruma u għalhekk l-ewwel katidral tal-Knisja universali. Il-laqgħa tagħna spiritwali f’din iċ-ċirkustanza doppja tad-“dedikazzjoni” u tar-“ringrazzjament” tixraq żewġ riflessjonijiet ta’ importanza fundamentali. L-ewwel waħda tirrigwarda l-valur tal-fidi nisranija. Ir-ringrazzjamrnt tagħkom lil Alla, b’mod evidenti, jitnissel mill-fidi; u l-ewwel eżortazzjoni li nixtieq nindirizzalkom hija appuntu din: istmaw il-fidi tagħkom! Illum hemm bżonn ta’ fidi mdawla, konvinta, profonda, Hemm bżonn inkunu mħejjija biex inwieġbu b’mod adegwat għall-interrogattivi li s-soċjetà moderna b’mod kontinwu, u  jistà jkun ukoll b’mod vjolenti, tipproponi, biex ma nċedu qatt għall-attakk tal-mentalitrajiet differenti u kontrastanti; hemm bżonn naġġornaw u niżviluppaw il-kultura reliġjuża tagħna. Għalhekk, b’mod speċjali fil-perijodi ta’ relattività tax-xogħlijiet, iffrekwentaw il-laqgħat formattivi fil-parroċċi tagħkom; immeditaw il-“kelma ta’ Alla”, b’mod partikolari fil-jiem festivi, hekk biex tkunu tassew konvinti “adoraturi ta’ Alla fi spirtu u verità”, bħal ma Ġesù jgħid lis-Samaritana (cf. Ġw 4,19-24).

Kif kien kiteb San Pietru lill-ewwel insara, jinħtieġ li nintrassu ma’ Kristu, ġebla ħajja, b’ċertezza u fiduċja totali, sabiex “intom ukoll tiġu wżati bħala ġebel ħaj għall-bini ta’ bini spiritwali, għal saċerdozju qaddis, biex noffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu lil Alla, permezz ta’ Ġesù Kristu”. Immensa hija d’dinjità u r-responsabiltà tagħkom ta’ nsara! “Intom infatti, – jkompli l-Appostlu – intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, il-poplu li Alla kiseb għalih sabiex ixxzandru l-glorja ta’ dak li sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb” (cf. 1Pt 2,4-9).

3. It-tieni riflessjoni tirrigwarda l-atteġġjament ta’ “ringrazzjament” li għandu jiddistingwi l-ħajja ta’ kull bniedem, ta’ kull nisrani b’mod partikolari. Il-kliem tas-salmista għandu jkun tagħna, ukoll fil-waqtiet tal-inkwiet u tan-niket: “Ejjew, inċapċpu lill-Mulej / nifirħu lill-blata tas-salvazzjoni tagħna / nersqu qribu biex niżżuh ħajr / lilu nfaħħru b’innijiet ta’ ferħ!” (Sal 94,12). San Pawl, fl-ittri tiegħu kien idaħħal dan l-ispirtu kontinwu ta’ rikonoxxenza:  “F’kull ma tagħmlu iżżu ħajr; din infatti hija r-rieda ta’ Alla f’Ġesù Kristu lejkom” (1Ts 5,18); “Kunu mfawrin bl-Ispirtu…waqt li tiżżu ħajr b’mod kontinwu għal kollox lil Alla Missier, f’isem Sidna Ġesù Kristu” (cf. Ef 5,18-20). Dan huwa atteġġjament “ewkaristiku”, li jagħtikom paċi u serenità  f’xogħlkom, jeħliskom minn kull-attakkament egoistiku u individwalistiku, jirrendikom doċli għar-rieda tal-Iktar Għoli, ukoll fl-esiġenzi morali l-iktar diffiċli, jiftaħkom għas-solidarjetà u għall-karità universali, ifehemkom kif inhu assolutament meħtieġ it-talb, u fuq kollox il-ħajja ewkaristika permezz tal-quddiesa, l-att ta’ radd il-ħajr pereċċellenza, biex wieħed jgħix u jixhed b’mod konsistenti l-fidi nisranija tiegħu. Tiżżi ħajr ifisser temmen, tħobb, tirregala! U b’ferħ u ġenerożità!

4.Għeżież!

Hawn hu l-messaġġ li nafdalkom f’din il-ġurnata ta’ ringrazzjament: ikollkom fidi! Ikollkom rikonoxxenza! “Fittxu dejjem il-ġid bejnietkom u ma’ kulħadd”! (1Ts 5,15). U ħobbu l-art tagħkom, ħobbu lil xogħlkom! Dan hu l-inkoraġġiment li jien irrid inħalli għall-aħħar. Bla ebda dubju l-arti u s-snajja kollha huma utli u validi, u kull xogħol u mpjieg għandu jkun ivvalutat, stmat u rrispettat b’mod ekwu. Imma x-xogħol tar-rabà huwa essenzjali u lkoll aħna midjunin ma dawk li jiddedikaw ruħhom għalih.

Dan jesiġi kontinwità, industrijożità, gost u stima tal-valuri tradizzjonali, aċċettazzjoni tar-riskju, imħabba għax-xogħol, sens ta’ responsabiltà. Komplu ħobbu l-art; nisslu tali mħabba fiż-żgħażagħ li jiffurmaw il-familji ġodda! U s-soċjetà kollha, għal tant motivi, għandha tkunilkom rikonoxxenti b’mod sinċier!

Nieħu gost nikkonkludi billi nġibilkom f’moħħkom il-kwadru famuż, u li intom tafu sewwa, ta’ Jean-François Millet, intitolat “L-Angelus”, li jippreżenta raġel u mara li jieqfu minn xogħlhom fil-għalqa, u jinġabru f’invokazzjoni silenzjuża lill-Verġni Santissma. Zommu wkoll intom, bdiewa diretti, fil-familji tagħkom id-devozzjoni dejjem ċara u fiduċjuża lejn Marija Santissma: ingħaqdu magħha fl-impenn ta’ kuljum tar-radd il-ħajr tagħkom! Lilha nafdakom! Hija tipproteġikom ilkoll u dejjem!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb