It-Tpespisa tat-Tama

Print Friendly, PDF & Email

Hu tassew sabiħ meta jiġi ippubblikat ktieb fejn it-titlu tiegħu ma jkunx tas-soltu. Fejn, l-istess titlu tiegħu, jħallik taħseb u tixtarr …

Dan hu l-ktieb li, kmieni din is-sena, Patri Raymond Francalanza OSA, għadu kemm ippubblika. It-titlu kollu tal-ktieb hu: IT-TPESPISA TAT-TAMA … noti, krib u fwawar mit-taħbit ta’ qalbi. It-titlu laqatni l-għaliex, fih innifsu, jgħid bosta ħwejjeġ li, u mingħajr dubju, m’humiex le l-istess għal kulħadd.

Kif jgħid l-awtur innifsu, dan il-ktieb hu frott ta’ riflessjoni fl-għeluq it-30 sena mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. Fir-riflessjonijiet li jpoġġi fih bħal ġawhar mill-aktar sbieħ u fini, Patri Raymond jagħtina karellata ta’ ħsibijiet u esperjenzi li rahom, iltaqa’ magħhom, u għexhom, kif ngħidu għala Taljana, in prima persona. Barra minhekk, il-ktieb It-Tpespisa tat-Tama, hu wieħed espansiv. Għalhekk, fih, l-awtur, b’ħafna imħabba u delikatezza, poġġa wkoll ħwejjeġ li baqa’ iħoss fih u li, b’saħħtu kollha, għadu iva jittama li, xi darba, dawn il-ħwejjeġ għad iseħħu!

Il-ktieb It-Tpespisa tat-Tama,hu voluminuż. Fil-fatt, fih mat-300 paġna li, ilkoll flimkien, jagħtu spazzju għal xejn anqas minn 150 riflessjoni. Dan il-ktieb fih daħla u konklużjoni. Minħabba li t-tnejn li huma fihom x’wieħed x’jaqra u x’jixtarr it-tnejn li huma jammontaw daqslikieku kapitli wkoll.

Minnu nnifsu It-Tpespisa tat-Tama jġagħlek ittogħmu u tapprezzah. Għalhekk, jiskoraġġixxi qari ejja ħa mmorru filwaqt li jinkoraġġixxi bil-bosta qari kajman u li jagħti ħafna lok għar-riflessjoni. F’dan il-ktieb ninnutaw li fil-ħames kapitli li fih hemm mal-ħames vjaġġi għaddejjin. U, fl-aħħar ta’ dawn il-ħames vjaġġi, hemm ukoll Werrej Analitiku.

Hi karatteristika tal-awtur li qabel jibda’ xi ħaġa jfisser bir-reqqa dak li jkun se jwettaq. Għalhekk, id-daħla, li għandha bħala isem: Fin-nisġa tal-vjaġġ, fiha tassew punti tajbin li wieħed imħeġġeġ jaqra u jirrifletti ftit fuqhom. L-awtur jgħid li hawn min jara l-ħajja bħala sempliċiment avventura u missjoni. U għalhekk fiha jsib tabilħaqq skop. Minn naħa l-oħra, hawn min il-ħajja jaraha proprju bil-maqlub. It-togħma tiegħu tal-ħajja mhux talli hi ħelwa talli hi morra kemm jista’ ikun. Tant hu hekk li jasal biex iqisha bħala piż, mimlija tilja sfidi u miżgħuda bis-slaleb! Issib ukoll dawk li jaraw il-ħajja bħala bukkett fjuri mżewwaq, mimlija seħer, barkiet u ġmiel kullimkien. Iżda, issib persuni li l-ħajja jarawha eżattament bil-maqlub ta’ dan kollu! Għalihom il-ħajja hi għelieqi ma jispiċċaw qatt ta’ xewk u għollieq. U, il-viżjoni ta’ din il-ħajja, ma tistax ma tkunx waħda skura, mimlija saram u inkwiet!

L-awtur donnu li jieħu pass ‘il bogħod minn dawn l-estermi. U, minflok, jagħżel ir-rittmu jew il-mixja tiegħu. Bil-ħila ta’ kittieb li l-Mulej żejnu biha, l-awtur jara l-ħajja bħala vjaġġ li dejjem sejjer. Hu nnifsu jħossu li hu protagonist f’dan il-vjaġġ. B’mod ċar jurina li ħiltu qed jagħmilha biex ibaħħar f’dan il-vjaġġ. Barra minhekk, u bl-umiltà kollha, hu jgħid li kuljum qed jipprova jimxi fir-rittmu tiegħu. Jammetti li xi drabi jseħħlu jżomm ma’ dan ir-rittmu filwaqt li xi drabi oħra ma jseħħlux.

L-ewwel vjaġġ li jagħmel l-awtur isemmih: Tieqa mbexxqa f’qalbi. L-awtur jammetti li f’dawn ir-riflessjonijiet li qed joffri f’dan il-ktieb jistħajlu li qed ifittex mis-senduq tal-imgħoddi tiegħu. Madankollu l-awtur, b’ħafna għaqal, joqgħod b’seba’ mitt għajn biex ma jeħilx mal-imgħoddi. Fil-fatt, huwa jgħid li qed ifittex fil-bagalji tal-preżent li qed jgħixu issa. F’dak li kiteb iħoss li hemm awtoritratt tiegħu. U, anki hawn, ma jieqafx milli jippreċiża: jgħid li dan hu mużajk li hemm f’qalbu. Jiġifieri, mużajk ta’ dak li qanqlu, ispirah u naqqax il-ġewwieni tiegħu. L-awtur jgħid li f’dan il-vjaġġ ħassu qed iħaffer internament, fil-fond ġewwieni tiegħu.

Fit-tieni vjaġġ, li sejjaħlu: Mill-qawsalla tal-ħajja, l-awtur jagħti panorama wiesa’ ta’ riflessjonijiet dwar il-ħajja. Jgħid li din hi avventura umana, l-imġiba tal-bniedem, li fiha l-koeżistenza tal-kuntrarji, l-ambigwitajiet, l-aljenazzjonijiet, il-kompromessi, il-loppju, il-maskri, l-għama u, dawk li jseħilhom “id-delitti tagħna”. U, it-tarf ta’ dan kollu, hi l-manija li għandna li naħarbu ħalli din ir-rejaltà ma narawhiex!

Wara dan il-vjaġġ interjuri, fl-interjorità ta’ kull bniedem, l-awtur jaqbad vjaġġ ieħor: Il-qima … fl-ispirtu u l-verità. F’dan il-vjaġġ żar ir-rejaltà tal-knisja, bid-dwal u d-dellijiet li hemm fiha u fina, li niffurmawha. Żar ukoll il-ħajja tal-fidi u dik tar-reliġjon. Ra wkoll is-saċerdozju u kif ukoll il-ħajja ikkonsagrata. L-awtur iltaqa’ mal-ispiritwalità, mal-meditazzjoni u anki mal-mixja tal-Ispirtu li hi biss, u ħadd ħliefha, m’għandha l-qawwa li teħles.

Fir-raba vjaġġ niltaqgħu mar-rejaltà tabilħaqq sabiħa li għandha, bħala titlu: Meta l-ħajja ssir talba. L-awtur jgħid li l-esperjenzi mill-ħajja rejali ta’ kuljum fihom l-iskossi, ir-ritmi, it-tlugħ u anki l-inżul. Insomma, kull waħda minn dawn l-esperjenzi hi faċċata għall-ħajja kollha kemm hi. Meta l-baħar ikun żejt kollox ikun faċli. Imma ħej meta l-baħar jibda’ jitqawwa u allura t-toroq jibdew iva jidhru mwiegħra u mserrpa l-affari tkun li ż-żmien nafu nibdew narawh twil u pjuttost qtil. U, biex tgħaxxaqha, ma nibdewx le nifhmuh għal kollox. L-awtur, bħal Ġesù li jordna li jinġabru l-loqom wara l-miraklu tal-ħobż u l-ħut li jwettaq, jara li ma jaħli xejn minn dak li jgħaddi minnu. Anzi! Għalih dawn il-mumenti huma kollha importanti l-għaliex huma opportunitajiet tad-deheb li jista’ jibdilhom f’talba. L-awtur jissokta jgħid li għalih it-talb mhuwiex sempliċi ritwal mejjet inkella xi ħarba mill-ħajja jew il-kliem li hu mitkellem. Jagħżel li jmur aktar fil-profond minn hekk! Huwa jgħid li t-talb veru hu meta ħajtek issir l-istess offerta!

U b’din id-definizzjoni stupenda ta’ x’inhu talb immorru għall-ħames u l-aħħar vjaġġ tal-ktieb. Jiġifieri dak li jitħaddet dwar Kliem li ma żvintax. Iżda x’inhu tabilħaqq dan il-kliem li qatt ma żvinta? Huma l-kliem tal-Iskrittura Mqaddsa li, tant kemm għall-awtur dawn ma żvintawx, li jiġi mkaxkar mit-tnebbiħa ta’ Ruħ il-Qodos u jagħmel xi riflessjonijiet personali fuqhom hu. Dawn il-kelmiet tant għeżież li Ġesù nnifsu qal u, f’xi żminijiet tal-istorja ta’ ħajtu, missew il-qalb tal-awtur. Mingħajr ħafna tidwir l-awtur jgħid li kliem Ġesù tabilħaqq hu provokattiv. L-esperjenza ta’ ħajtu wasslietu jikkonkludi li dawn il-kliem ta’ Ġesù tassew jgħinuk timxi fit-triq tal-awtentiċità. Barra minhekk, l-għaliex ġejjin direttament mill-fomm ta’ Dak li qal: Jiena hu … l-Ħajja (Ġw 14:6), dawn il-kelmiet għandhom il-qawwa li jqajmu l-kuxjenza rieqda tagħna.

Wara dawn il-ħames vjaġġi l-konklużjoni ma kellhiex tkun ħaġa oħra għajr li l-ħajja se tibqa’ miexja. Għalhekk, u skont l-awtur, hu importanti li ngħixuha b’saqajna mal-art. Imma, għall-awtur, donnu li hu aktar importanti li int u jien ma nitilfux fina il-misteru u l-estasi. L-awtur jgħid li t-taħbit ritmiku fih għadu hemm kollu kemm hu. Jgħid ukoll li ipprova jpoġġi ħsibijietu f’kitba. U, dan wettqu l-għaliex anki fuqu għad jasal il-waqt fejn ma jkunx jista’ ilissen kelma aktar. Biss, dan il-ktieb jtemmu bit-tama li waqt li l-vjaġġ tat-tama tal-ħajja se jissokta anki hu, minn naħa tiegħu, se jissokta jterraq u jtir sal-mument li jasal ħdejh.

Dan il-ktieb, li hu wieħed mill-kotba li ħareġ matul il-pandemija tal-covid-19, jista’ jinkiseb mill-ħwienet tal-Aġenda, Librerija Preca, CAK u ħwienet oħra. Wieħed jista’ anki jikkuntattja direttament lill-awtur fuq: rayfrancalanza@outlook.com

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: