L-Editur

Niftakarni qiegħed għall-kwiet naħseb u nixtarr fuq ħajti. U dejjem nagħmel l-istess mistoqsija: Għalfejn ċerti nies fil-ħajja tiegħi għadhom hemm u oħrajn le?

Fost il-ħafna tweġibiet li ġewni f’dak il-mument ma nistax ma nsemmix waħda partikulari li laqtitni tgħidx kemm! Darba, persuna li kienet għal btala f’pajjiżna qaltli hekk: “Nistħajjel lil ħajti xarabank. Uħud jitilgħu mal-ewwel waqfiet u jibqgħu hemm għall-vjaġġ kollu. Inkella jibqgħu hemm għal waqfa, tnejn, tlieta u l-bqija. Oħrajn jitilgħu fi stadji differenti tal-istess vjaġġ. L-istess, min jibqa’ sal-aħħar jew kważi sal-aħħar u min jinżel mal-ewwel, mat-tieni, mat-tielet waqfa u l-bqija”.

Kemm din it-tixbiha tagħmel sens! Ħajjitna xarabank! Wara kollox aħna nies soċjali. U, jekk nibdew nilgħabu mal-ħajja soċjali tagħna għax ningħalqu fina nfusna hemm jibda’ il-gwaj. Grazzi Mulej li, minkejja din il-pandemija, illum hawn il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali li jżommuna maqgħudin bejnietna. Inkella x’jiġri minna jekk nibdew innaqqru l-ħajja soċjali tagħna? Ara kemm nibdew nomordu b’kull mard possibbli psikoloġiku u anki nbatu spiritwalment! Ma ninsewx kemm il-fidi tagħna hi relazzjonali. Ilkoll nafu l-aqwa kmandament: Qallu Ġesù: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U it-tieni jixbhu: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.’ Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti” (Mt 22:37-40).

Fl-omelija li kien għamel nhar it-Tielet Ħadd ta’ l-Għid fil-Bażilika ta’ San Paolo Fuori le Mura, nhar l-14 ta’ April 2013, Papa Franġisku qal hekk: “Li nqimu lill-Mulej ifisser li nagħtuH il-post li jixraqlu; li nqimu lill-Mulej ifisser nistqarru, nemmnu – imma mhux biss bil-kliem – li Hu waħdu tabilħaqq imexxi lil ħajjitna; inqimu lill-Mulej ifisser li aħna konvinti quddiemU li hu waħdu Alla, Alla ta’ ħajjitna, Alla ta’ l-istorja tagħna”.

Dan il-kliem sabiħ u qawwi ta’ Papa Franġisku jwassalni għall-konklużjoni li l-Mulej hu l-Editur ta’ ħajti! Bħall-Editur jippjana, jikkordina u jsaffi dak kollu li jien. Bħall-Editur il-Mulej iġedded lil ħajti mill-ġdid il-ħin kollu u jiddeċiedi dak li hu tajjeb għalija u għall-oħrajn f’relazzjoni miegħi. Bħall-Editur il-Mulej joffrili kummenti ħajjin kemm b’dak li jgħiduli nies oħra, bl-esperjenzi li ngħaddi minnhom u anki mit-tnebbieħ li joffrili Hu stess f’qalbi. Bħall-Editur, il-Mulej jgħinni nsib mottos ġodda għal ħajti li jagħmlu l-ġid mhux biss lili imma wkoll lil dawk li jiġu f’kuntatt miegħi. Bħall-Editur il-Mulej jiżbor u jsaħħaħ fija relazzjonijiet li jfixkluni u oħrajn li jgħinuni.

Mulej, issokta edittja lil ħajti biex tkun moqrija b’mod ċar minnek, mill-oħrajn u minni nnifsi. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap