Ħadd ma jħobbok bħali!

Dan l-aħħar, waqt li kont qed infittex ftit mużika sabiħa għal dawn iż-żminijiet, l-Ispirtu s-Santu fakkarni f’għanja mill-isbaħ li konna nkantaw fi grupp ta’ talb: Ħadd ma Jħobbok Bħali. Dinl l-għanja ħarġet mill-moħħ u mill-qalb tal-kantawtur ta’ ħila Fr Karm Debattista mssp.

Din l-għanja minn dejjem ġibdittni minħabba l-lirika qawwija tagħha. Kliemha ikellmek. Iqajmek minn ngħas tal-aljenazzjoni u mit-telqa li joffri l-ħabs tal-jien. L-ewwel strofa tagħha diġà titfagħni f’oċejan ta’ ħsieb u riflessjoni! Fiha Ġesù jgħidli: Kemm stennejt dan il-mument/ Tiġi tiftaħ qalbek miegħi/ Kemm stennejt li ssib ftit ħin/ Li tiġi dduq l-imħabba tiegħi.

U għaliex taħsbu li Ġesù qed jilmenta daqshekk? Għax fit-tieni strofa, Ġesù, bla ma joqgħod idur mal-lewża, jgħidli: Minni ħrabt u minni nħbejt/Imma naf kemm int sofrejt/Sewwa, sew minn xiex għaddejt/U f’ħajtek kemm batejt. Għax kelli nbati daqshekk? Ma rridx wisq biex nintebaħ! Meta għamilt lili nnifsi alla inftaħt għas-sofferenzi ħorox! Meta għamilt lil xi ħadd alla tiegħi tfajt lili nnifsi f’jasar tal-biża’. Meta għamilt biss dak li jaqbilli fil-mument u ma ħallejtx il-valuri ta’ Ġesù jmexxuni, daħħalt lili nnifsi fid-disperazzjoni.

Għalkemm daħħalt lil ħajti fi sqaq madankollu Ġesù baqa’ ħanin miegħi. Fir-raba strofa Ġesù jgħidli: Fi tfixkil dejjem kont ħdejk/Jien miegħek hemm imxejt/Sa rfajtek minn idejk/Meta għal kollox kont għajjejt. Mhux biss! Imma Ġesù, fl-aħħar strofa, itennili b’qawwa kbira: Għax ħadd ma jħobbok daqsi/Le, ħadd ma jħobbok daqsi/Jien is-salib għażilt biex flokok nagħti ħajti/ Le ħadd ma jħobbok daqsi.

Kliem Ġesù mhux paroli li jqażżeż imma kliem li jifdi! L-akbar prova hi l-Festa tallum, Ħadd il-Ħniena Divina! Ġesù, fid-Djarju tal-għaġeb ta’ Santa Fawstina, jgħidilna, iswed fuq l-abjad: Il-bnedmin ma jkollhomx paċi sakemm ma jdurux bil-fiduċja lejn il-Ħniena Tiegħi (Djarju, 300). Illum, min iqerr, jirċievi l-Ewkaristija, jagħmel att ta’ ħniena, jitlob skont il-fehma tal-Papa, u jieħu sehem f’xi devozzjoni tal-Ħniena Divina bħal jitlob il-Kurunella tal-Ħniena Divina, ruħu tiġi bajda silġ!

Kemm hu akkanit Ġesù għall-Kurunella tal-Ħniena Divina li tana hu stess! Jgħidilna fuqha: Permezz tal-kurunella intom tistgħu tiksbu kollox, jekk dak li intom titolbu jkun skont ir-rieda Tiegħi (Djarju, 1731). Għid bla waqfien il-kurunella li Jiena għallimtek. Kull min jitlobha jirċievi ħniena kbira fis-siegħa ta’ mewtu... Ukoll jekk ikun hemm midneb bl-iktar qalb iebsa, li kieku kellu jitlob din il-kurunella darba waħda biss, huwa jirċievi grazzja mill-ħniena infinita Tiegħi (Djarju, 687).

Itlob il-Kurunella tal-Ħniena Divina kuljum u xerridha ħa tintebaħ li ħadd ma jħobbok bħali!

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading