Lezzjoni II San Norbertu

Print Friendly, PDF & Email

6 ta’ Ġunju SAN NORBERTU, ISQOF

TIFKIRA

San Norbertu twieled f’Santen għall-ħabta tal-1080; fl-1115 kien ordnat saċerdot u ta ruħu għall-appostolat u l-predikazzjoni, l-aktar fi Franza u l-Ġermanja. Sieħeb oħrajn miegħu u waqqaf il-kanonċi regolari ta’ Premontre (Norbertini). Fl-1126 sar arċisqof ta’ Magdeburg, irriforma l-kleru, ħabrek għat-tiġdid tal-ħajja nisranija, u ħadem għall-għaqda u l-libertà fil-Knisja. Miet fl-1134.

LEZZJONI II

Qari mill-Ħajja ta’ San Norbertu

(Acta Sanctorum, 21)

Il-kbir fost il-kbar, l-iżgħar fost iż-żgħar

Norbertu jista’ bir-raġun kollu jitqies bħala wieħed minn dawk li taw ruħhom u ħabirku b’qawwa kbira għar-riforma Gregorjana. Kien l-ewwel wieħed li ried jifforma kleru mogħti kollu kemm hu għall-ħajja evanġelika u appostolika, kleru ta’ ħajja safja u jħobb il-faqar, li jilbes u jiżżejjen bil-bniedem il-ġdid, jiġifieri l-libsa reliġjuża u d-dinjita saċerdotali, u jfittex li jgħix skond l-Iskrittura mqaddsa u jimxi wara Kristu. Tliet ħwejjeġ kien jirrikkmandalhom li: jkunu bla tebgħa fuq

l-altar u fis-servizz: ta’ Alla, li fil-kapitlu jikkoreġu ruħhom miż-żejjed u n-nuqqas tagħhom, u li jieħdu ħsieb il-foqra u jilqgħuhom bil-qalb.

Flimkien mas-saċerdoti, li fil-kunvent kienu minflok l-Appostli, huwa għaqqad kotra kbira ta’ nsara lajċi rġiel u nisa, kif kien sar fl-ewwel żminijiet tal-Knisja; ħafna jgħidu li, minn żmien l-Appostli ’l hawn, ħadd daqsu ma seħħlu fi żmien hekk qasir jagħti formazzjoni u jikseb għal Kristu tant erwieħ li ħabirku biex isiru

jixbhuh fil-ħajja perfetta.

Wara li sar arċisqof, huwa sejjaħ lil ħutu r-reliġjużi u bagħathom ixandru l-fidi lit-Tedeski; u, minkejja t-tfixkil u t-taħbit li ra mill-poplu, huwa ħabrek kemm felaħ għat-tiġdid tal-kleru tad-djoċesi tiegħu.

L-aqwa ħeġġa tiegħu kienet biex isaħħaħ u jwettaq l-għaqda bejn is-Sede Appostolika u l-Imperu, sakemm tibqa’ mħarsa l-libertà fil-ħatriet ekkleżjastiċi, U tant seħħlu jagħmel dan li l-Papa Innoċenz it-Tieni kitiblu hekk: “is-Sede Appostolika bil-qalb kollha hija ferħana ħafna bik, iben fidil’’ Minn-naħa tiegħu l-Imperatur għamlu l-kanċellier imperjali l-kbir.

Dan kollu għamlu b’fidi mill-iżjed sħiħa. Intqal għalih li ‘l-fidi tiddi f’Norbertu bħalma l-imħabba tiddi  f’Bernard ta’ Clairvaux”. Kien ta’ mġiba ħelwa ħafna, u

kulħadd kien iħobbu, għax kien il-kbir fost il-kbar u l-iżgħar fost iż-żgħar. Il-kelma tiegħu kienet tħeġġek, kelma mkebbsa bin-nar ta’ Alla, teqred il-vizzji, issaħħaħ

il-virtujiet kollha tjieba u timla l-erwieħ bl-għerf. Kien bniedem li jżomm ħarstu fil-ħwejjeġ ta’ Alla, jaħseb fuqhom bla heda, u jxandarhom bla biża’ fost kulħadd.

RESPONSORJU                                                 2Tim; 4:2.( 5; ara Atti 20:28)

1. Xandar il-kelma, sus wara l-fidili f’ħin f’waqtu jew le, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim; * Stabar fit-tiġrib, agħmel ħidma ta’ evanġelista, hallelujah.

2. Ħu ħsieb il-merħla kollha li tagħha għamlek għassies l-Ispirtu s-Santu, meta tak is-setgħa li tirgħa l-Knisja ta’ Alla. * Stabar fit-tiġrib, agħmel ħidma ta’ evanġelista, hallelujah.

Talba

O Alla, int għażilt lill-isqof San Norbertu biex jamministra b’mod ta’ l-għaġeb il-Knisja tiegħek, u żejjintu bl-ispirtu tat-talb u b’ħeġġa kbira bħala ragħaj spiritwali; agħmel li, bl-għajnuna tat-talb tiegħu, il-merħla tal-fidili jkollha rgħajja skond qalbek u ssib dejjem mergħa tajba għas-salvazzjoni. B’Ibnek.

%d bloggers like this: