Lezzjoni II San Romwaldu, Abbati

Print Friendly, PDF & Email

19 ta’ Ġunju SAN ROMWALDU, ABBATl

TIFKIRA

San Romwaldu twieled f’Ravenna għall-ħabta tas-sena 950. Ried jgħix ta’ eremita, u qatta’ xi snin idur minn post għall-ieħor ifittex li jitbiegħed mid-dinja u jibni monasteri żgħar. Ħadha bl-aħrax kontra l-ħajja tad-dinja li kienu jgħixu l-irħieb ta’ żmienu, u hu nnifsu ħabrek kemm felaħ biex jilħaq il-perfezzjoni. Kien il-fundatur tal-patrijiet Kamaldoliżi, li jgħixu ħajja monastika skont ir-regola ta’ San Benedittu. Miet għall-ħabta tal-1027.

Fl-uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mill-Ħajja ta’ San Romwaldu miktuba minn San Pietru Damiani

(Cap. 31 u 69)

Ċaħad lilu nnifsu u mexa wara Kristu

Romwaldu għex għal tliet snin qrib il-belt ta’ Parenzo, u fl-ewwel sena bena hemm monasteru li fih ġabar komunità ta’ patrijiet bl-abbati tagħhom; is-sentejn l-oħra għexhom fil-monasteru, maqtugħ għal kollox mid-dinja. Hawnhekk Alla, fit-tjieba tiegħu, għollieh għal grad hekk għoli ta’ perfezzjoni li, imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, ħabbar xi ġrajjiet li kellhom jiġru u, bid-dawl ta’ għerf mis-sema, wasal biex jagħraf ħafna tagħlim moħbi fil-kotba tal-Patt il-qadim u tal-Patt il-ġdid.

Kemm-il darba tant kien jintilef fil-kontemplazzjoni ta’ Alla li kien jaqbdu biki kbir u, mimli ħeġġa ta’ mħabba li ma bħalha għal Alla, kien jgħid: “Ġesu maħbub, ħelu

daqs l-għasel għalija, xewqa kbira tiegħi li ma nistax infisser, ferħ tal-qaddisin, hena tal-anġli”, u kliem ieħor bħal dan. Dak kollu li kien jgħid fil-ferħ tiegħu, imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, aħna qatt ma stajna nfissruh bi kliem il-bnedmin.

Kull fejn kien jagħmel ħsieb li jmur jgħammar, Romwaldu, l-ewwel ħaġa li kien jagħmel kien iħejji kappella u artal fiċ-ċella tiegħu, u mbagħad kien jingħalaq fiha u ma jħalli ’l ħadd jidħol ħdejh.

Wara li għex b’dan il-mod f’ħafna postijiet, meta ħass li wasal biex imut reġa’ lura fil-monasteru li kien bena f’Valdicastro; hemm ħejja ċella għalih b’kappella

magħha fejn kellu l-ħsieb li jingħalaq biex, waħdu, fis-skiet, jistenna l-mewt li kienet fil-qrib.

Meta ħejja kollox u kien se jingħalaq fiċ-ċella, Romwaldu beda jħoss kull xorta ta’ wġigħ ma’ ġismu kollu, li kien qed inin ftit ftit aktar bix-xjuħija milli bil-mard. Jum minnhom ħass li ġismu tilef is-saħħa għalkollox u l-uġigħ kien jagħfas dejjem aktar. Qrib inżul ix-xemx sejjaħ iż-żewġ fratelli li kienu jduru bih u qalilhom joħorġu ’l barra u jagħlqu l-bieb taċ-ċella warajhom; riedhom jerġgħu lura ħdejh mas-sebħ, huma u sejrin biex ikantaw il-matutin. Kontra qalbhom ħallewh waħdu; kienu ħsiebhom fih għax raw li kien wasal biex imut, għalhekk ma marrux jistrieħu minnufih, iżda, kollhom biża’ li l-imgħallem tagħhom kien se jħallihom malajr, qagħdu moħbijin ħdejn iċ-ċella, għassa ta’ dak it-teżor ta’ għerf kbir li kien l-imgħallem tagħhom. Wara li kienu ilhom xi ftit jgħassu ħa jaraw jisimgħux xi ħaġa, meta la semgħu ebda ċaqliq ta’ ġismu u lanqas ebda ħoss ta’ kliemu, intebħu x’kien ġara’, imbuttaw il-bieb, daħlu jiġru, xegħlu d-dawl, u sabu li ruħu kienet ittajjret lejn is-sema u l-ġisem qaddis tiegħu kien qiegħed mimdud bla ħajja. Kien qisu ġawhra mitluqa, li kellha titqiegħed fit-teżor ta’ sultan kbir, fil-post l-aktar ta’ ġieħ.

RESPONSORJU                                                                                Dewt 2:7; 8:5

1.Il-Mulej Alla tiegħek bierkek f’kull xogħol ta’ jdejk; ħa ħsiebek fil-mixi tiegħek kollu f’deżert hekk kbir: * Il-Mulej Alla tiegħek kien miegħek.

2 . Bħalma missier jgħakkes lil ibnu, il-Mulej Alla tiegħek għakksek: * Il-Mulej Alla tiegħek kien miegħek.

Talba

0 Alla, int xettilt mill-ġdid fil-Knisja tiegħek il-ħajja tal-eremiti permezz ta’ San Romwaldu abbati: agħmel li aħna niċħdu lilna nfusna u nimxu wara Kristu, biex

naslu fl-hena tas-saltna tas-sema. B’Ibnek.

%d bloggers like this: