9 ta’ Ġunju SAN EFREM, DJAKNU U DUTTUR TAL-KNISJA
TIFKIRA
San Efrem twieled minn familja nisranija f’Nisibi fil-Mesopotamja madwar is-sena 306. Ġie ordnat djaknu u qeda l-ministeru f’pajjiżu u f’Edessa ġewwa t-Turkija, fejn ta bidu għall-iskola teoloġika magħrufa bl-isem tal-post. Beda jgħix ħajja axxetika, imma ssokta jipprietka u jikteb kontra l-ereżija ta’ Arju. Xerred id-devozzjoni lejn il-Madonna. Kiteb ħafna innijiet biex jitkantaw fil-knejjes, tant li ġie msejjaħ “l-Arpa tal-Ispirtu s-Santu”. Hu l-uniku Duttur tal-Knisja li kien Sirjan u ġie ddikjarat duttur tal-Knisja fl-1920. Miet fid-9 ta’ Ġunju fis-sena 373.
LEZZJONI II
Qari mid-Diskorsi ta’ San Efrem, djaknu
Sermo 3, De fine et admonitione, 2:4:5
il-pjan ta’ Alla xbieha. tad-dinja spiritwali
Bid-dawl tal-għerf tiegħek, Mulej, keċċi d-dlamijiet ta’ qlubna, biex, imdawla minnek, naqduk b’qalbna mġedda, bis-safa ta’ ruħna.
It-tlugħ tax-xemx hu sinjal għal bniedem biex jibda jaħdem: ħejji qlubna, Mulej, biex ikunu mdawla bid-dija ta’ dak il-jum li ma jafx tmiem: agħmel li jkollna fina dan id-dawl, li hu l-ħajja ta’ wara l-qawmien mill-imwiet, u tħalli xejn ibiegħed minn qlubna l-hena tiegħek. Immarkana, Mulej, bis-sinjal ta’ dan il-jum, li ma jibdiex bi tlugħ ix-xemx, billi żżomm ħsibijietna dejjem fik.
Kuljum inħaddnuk magħna fil-misteri qaddisa tiegħek, u nilqgħuk fina; agħmel li jkun jistħoqqilna nġarrbu f’ġisimna l-qawmien mill-imwiet li nittamaw.
Bil-grazzja tal-Magħmudija ħbejna f’ġisimna t-teżor tal-ħajja tiegħek; agħmel li
dan it-teżor jikber dejjem bit-tisħib tagħna fil-mejda tal-misteri qaddisa tiegħek, u agħtina li nithennew bil-grazzja tiegħek. Nirċievu fina t-tifkira tiegħek mill-mejda tiegħek tas-sema: jalla niksbuk tassew fil-ħajja ġdida li għad trid tiġi.
Ħa nifhmu xi ġmiel għandna permezz ta’ dak il-ġmiel tas-sema li, bir-rieda tiegħek ta ’ dejjem, iżejjen dan il-ġisem tagħna li jmut!
Il-mewt tiegħek fuq is-salib kienet it-tmiem ta’ ħajtek fuq l-art: agħtina li nsallbu ruħna ħa nitwieldu għall-ħajja tas-sema. Il-qawmien tiegħek mill-imwiet, o Ġesù,
ikabbar fina l-ħajja tar-ruħ: il-misteri qaddisa tiegħek ikunu għalina mera li fiha naraw u nagħrfu l-glorja tal-qawmien mill-imwiet.
Dan il-pjan tiegħek għad-dinja, o Salvatur tagħna, hu dehra tas-saltna tas-sema: jalla ngħixu f’din id-dinja biss bħala bnedmin spiritwali.
Iċċaħħadniex, Mulej, mis-sinjali tal-preżenza spiritwali tiegħek fostna; twarrabx minn qalbna l-qawwa u l-ħlewwa tal-preżenza tiegħek. In-natura tagħna li tmut
twassalna, bla ma nintebħu, għat-taħsir; it-tiswib mis-sema tal-imħabba tiegħek fina jnaddaf qlubna minn kull taħsir. Agħtina, Mulej, li nħaffu lejn is-sema pajjiżna, u, bħal Mosé mill-għoli tal-quċċata tal-muntanja, agħtina minn issa xi ħjiel tiegħu.
RESPONSORJU Sir 47: 8-10
1. Kull ma għamel kien foħrija lil Alla l-Għoli bi kliem it-tifħir; b’qalb sħiħa ħabb lill-ħallieq; tiegħu u kien ifaħħru bl-għana tiegħu. * Qiegħed l-arpi ħdejn l-altar u qabbel l-għana tas-salmi mas-salterju, hallelujah.
2. Kien dejjem ifaħħar l-isem imqaddes tal-Mulej, u minn qabel is-sbiħ kien jidwi s-santwarju. * Qiegħed l-arpi ħdejn l-artal u qabbel l-għana tas-salmi mas-salterju, hallelujah.
Talba
Fit-tjieba tiegħek, Mulej, sawwab fi qlubna l-Ispirtu s-Santu, li nebbaħ id-djaknu San Efrem biex jinseġ innijiet ta’ tifħir fuq il-misteri tiegħek, u mlieh bil-qawwa
biex jaqdi lilek waħdek. B’Ibnek.