QUDDIESA GĦALL- ISTUDENTI UNIVERSITARJI. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ San Pietru, 19 ta’ Diċembru 1980
1. “O Radix Iesse, qui stas in signum populorum, super quem continebunt reges os suum, quem gentes deprecabuntur: veni ad liberandum nos, iam noli tardare!”.
B’dan il-kliem il-liturġija tallum tal-Avvent issellem lil dak li għandu jiġi, dak li huwa l-għan tal-istennija tagħna. Madwar dan il-kliem tal-liturġija tallum nixtieq niltaqà magħkom, li tikkostitwixxu l-ambjent universitarju ta’ Ruma: magħkom, meqjuma professuri u riċerkaturi, magħkom, għeżież studenti, Xtaqt ħafna din il-laqgħa tal-Avvent. Inqisha bħala att indispensabbli tal-ministeru tiegħi fil-Knisja Rumana. Inqisha wkoll bħala okkażjoni partikolari biex nuru din l-għaqda, din il-“communio” spiritwali. Li tgħaqqadkom ukoll bejnietkom, u b’mod iktar qawwi mid-diversi diviżjonijiet u differenzi, li għalihom huma sottomessi l-ħajja pubblika u l-opinjoni soċjali. F’dawn id-differenzi turi ruħha b’mod definittiv id-dinjità umana u ċivika. Hemm bżonn madankollu li nkunu attenti ħafna sabiex ma jsirux fattur, li jirrendi mpossibbli l-azzjoni għall-ġid komuni, u li jipparalizza r-rabta soċjali indispensabbli.
Nieħu gost mela bil-preżenza tagħkom, għeżież ħuti. U fl-istess ħin, uliedi, ladarba bħala Isqof ta’ Ruma, li fih turi ruħha wkoll il-paternità tal-familja spiritwali tagħna, huwa leċitu għalija li nsejħilkom hekk. Nieħu gost bil-preżenza tagħkom tal-lejla fil-Bażilika ta’ San Pietru, u nifraħ flimkien magħkom b’dak il-ferħ tal-Avvent, li fuq kollox fl-aħħar jiem ta’ dan il-perijodu jinħass b’mod partikulari fil-liturġija. Infatti, f’dawn il-jiem l-Avvent isir verament il-perijodu tal-istennija ferrieħa.
2. Waqt li niltaqà magħkom mill-ġdid miġburin hawn, ma nistax naqtà din il-laqgħa mill-kuntest iktar wiesà tal-laqgħat marbutin mal-ministeru pastorali tiegħi fid-diversi postijiet tal-Italja u tad-dinja. Għandi f’moħħi id-diversi laqgħat li fl-imgħoddi, u b’mod partikolari matul din l-aħħar sena, seħħu f’diversi Pajjiżi u wkoll f’diversi Kontinenti. Dawn kienu, madankollu, jixbħu lil-laqgħat tagħna tal-Avvent u tar-Randan fil-Bażilika ta’ San Pietru, kemm għal dak li jirrigwarda l-karattru tal-ambjent, li bih irnexxieli li niltaqà waqt iż-żjarat tiegħi barra Ruma, kif ukoll għal dak li jirrigwarda x-xebħ tal-argumenti, li dawk l-ambjenti jippreżentaw minħabba l-karattru universitarju tagħhom.
Għadni mela niftakar sewwa l-Kontinent Afrikan u l-laqgħat f’Kinshasa, fiż- Zaire, u wkoll ftit wara, dawk f’Abidjan fil-Costa d’Avorio. Għal dak li jirrigwarda ż-żjara, magħmula fix-xahar ta’ Lulju fil-Brażil, il-laqgħa kbira taż-żgħażagħ ġo Belo Horizonte li ma kinitx tirrigwarda biss liż-żgħożija akkademika, imma ż-żgħożija kollha tal-post u wkoll dawk li ġew mid-diversi partijiet ta’ dak il-Pajjiż immens. Għal raġuni oħra ma nistax, bdanakollu, niskot dwar il-laqgħa partikolari mar-rappreżentanti kwalifikati tad-dinja tax-xjenza u tal-kultura f’Rio de Janeiro. Waqt li nerġà lura lejn il-Kontinent Ewropew, għadni niftakar sewwa dak id-“djalogu” ta’ filgħaxija ma’ ħamsin elf żagħżugħ u żagħzugħa franċiżi fil- Parc-des-Princes, u wkoll iż-żjara fl-Istitut Kattoliku, ġo Pariġi.
Fl-aħħarnett, riċentement, fil-Ġermanja, għandi f’moħħi b’mod speċjali il-laqgħa li seħħet fil-katidral ta’ Kolonja u dik imbaghad f’Monaco di Baviera (Munich).
Dan kollu qiegħed niftakar il-lejla biex nenfasizza wkoll il-karattru essenzjali tal-laqgħa tal-Avvent tagħna. Bħala Isqof ta’ Ruma napprezza ħafna dawn il-lejliet ta’ talb komuni magħkom, u ta’ komparteċipazzjoni tal-Kelma ta’ Alla u tal-Ewkaristija, li jippermettuli li nislet minnhom ispirazzjoni għal-laqgħat l-oħra simili, u minn dawn il-laqgħat l-oħra jieħdu barra dan id-dimensjoni u t-tema. Imma f’dawn it-toroq kollha li fihom jeħodna d-djalogu mal-bniedem kontemporanju dwar it-tema tal-kultura, tax-xjenza, u fl-istess ħin, tad-dimensjonijiet fundamentali tal-eżistenza spiritwali tiegħu, dejjem kont fuq kollox l-Isqof ta’ Ruma, jiġifieri l-Isqof tagħkom. Il-kultura, ix-xjenza, is-servizz lill-verità u lis-sbuħija huma, infatti, spiss ħafna l-espressjoni injorata tal-Avvcent għall-bniedem, huma l-manifestazzjoni tal-fatt li hu jgħix fi stennija li, fl-istess ħin, hija aspirazzjoni; u l-metru ta’ din l-aspirazzjoni huwa ikbar mill-forma biss materjali tal-produzzjoni u tal-konsum, li ċ-ċivilizzazzjoni kontemporanja tfittex li timpani lill-ħajja umana. U għalhekk napprezza tant li fis-Sede Apostolika teżisti l-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi u organiżmi oħra, li jservu l-kawża tal-kultura u tax-xjenza. U jiena kuntent ħafna li dwar dawn l-argumenti stajt nitkellem, fis-sena li waslet biex tintemm, f’Pariġi quddiem l-Assemblea ġenerali tal- UNESCO. Lilkom li tikkostitwixxu l-ambjent universitarju ta’ Ruma, se nkun grat b’mod speċjali għall-ħsieb indirizzat għal dawn il-problemi mportanti flimkien miegħi, l-Isqof tagħkom, għar-riċerka, li se tagħmlu flimkien miegħi, tat-toroq għall-futur tal-bniedem, it-toroq tal-Avvent uman.
F’dawn it-toroq, infatti, jinstab propju Dak li l-Knisja, fl-antifona tallum tal-Avvent, issejjaħ, waqt li tgħajjat kważi mill-profond ta’ kull bniedem, mill-profond tal-umanità tiegħu stess: “O Radix Iesse, qui stas in signum populorum… veni!”.
3. Il-qari liturġiku tal-lejla, bħal ma jseħħ xi kultant, iqegħdilna f’konfront żewġ ġrajjiet distinti fiż-żmien, imma b’xi mod simili u b’mod reċiproku qrib. Waħda minnhom torbot mat-twelid ta’ Sansun, li fl-epoka tal-Imħallfin, wara l-wasla ta’ Iżrael fl-Art Imwegħba, kien imsejjaħ biex jiddefendi l-poplu tiegħu mill-Filistej. Iżda t-tieni ġrajja tintrabat mat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista.
L-Avvent kollu jibqà fil-prospettiva tat-twelid. B’mod speċjali dik tat-twelid f’Betlem li jirrapreżenta il-punt kulminanti tal-istorja tal-fidwa. Mill-waqt ta’ dan it-twelid, l-istennija tinbidel f’realtà. Il-“vieni” tal-Avvent tjltaqà mal- “ecce adsum” ta’ Betlem.
Bdanakollu, din l-ewwel prospettiva tat-twelid titbiddel f’waħda addizzjonali. L-Avvent iħejjijna mhux biss għat-twelid ta’ Alla, li jsir bniedem. Dan iħejji wkoll lill-bniedem għat-twelid propju ta’ Alla. L-aspirazzjoni tiegħu għall-verità, għat-tajjeb, għas-sabiħ, għall-assolut tattwa ruħha f’dan it-twelid. Meta jasal il-lejl ta’ Betlem u mbagħad jum il-Milied, il-Knisja tgħid quddiem l-Imwieled il-Ġdid, li bħal kull imwieled ġdid, juri d-dgħufija u l-insinifikanza: Lil dawk… li laqgħuh, tahom il-poter li jsiru wlied Alla” (Ġw 1,12).
L-Avvent iħejji lill-bniedem għal dan il-“poter”: għall-propju twelid tiegħu minn Alla. Dan it-twelid huwa l-vokazzjoni tagħna. Huwa l-wirt tagħna fi Kristu. It-twelid li jdum u li jiġġedded. Il-bniedem għandu jitwieled dejjem mill-ġdid fi Kristu minn Alla; huwa għandu jerġà jitwieled minn Alla.
Il-bniedem jimxi lejn Alla – u dan huwa l-Avvent tiegħu – mhux biss bħala lejn Assolut mhux magħruf tal-esseri. Mhux biss bħala lejn punt simboliku, il-punt “Omrga” tal-evoluzzjoni tad-dinja. Il-bniedem jimxi lejn Alla, hekk biex jasal għandu stess: Għand Alla l-Ħaj, għand il-Missier, għand l-Iben u għand l-Ispirtu Santu. U huwa jasal, meta Alla stess jiġi għandu, u dan huwa l-Avvent ta’ Kristu. L-Avvent, li jissupera l-prospettiva tat-traxxendenza umana, jissupera l-qies tal-avvent uman.
L-Avvent ta’ Kristu jitwettaq fil-fatt li Alla jsir bniedem, li Alla jitwieled bħala bniedem. U b’mod kontemporanju, huwa jitwettaq fil-fatt li l-bniedem jitwieled minn Alla, li l-bniedem jitwieled mill-ġdid b’mod kostanti minn Alla.
Darba waħda, fil-bidu tal-istorja l-bniedem, maskju u femmina, semà l-kliem tat-tentazzjoni: “Issiru bħal Alla, billi tagħrfu it-tajjeb u l-ħażin” (Ġen 3,5). U hu segwa din it-tentazzjoni. U għadu jkompli jsegwiha b’mod kostanti. Issa, f’nofs l-istorja tal-umanità ġie Kristu biex jerġà jmexxi lill-bniedem mit-toroq tat-tentazzjoni fit-triq tal-Wegħda u tal-Patt, biex juri dak li f’dik it-tentazzjoni kien falz, u fl-istess ħin jirrivela kif għandu jitwettaq l-avvent tal-bniedem fit-triq tal-Wegħda divina u tal-Patt. B’liema mod ieħor il-bniedem jistà “jsir bħal Alla” jekk mhux biss “billi jitwieled” minn Alla, jekk mhux biss bħala “iben fl-Iben Uniġenitu”? Kif iktar?
Għat-tentazzjoni perpetwa tal-bniedem hemm bżonn nikkuntrastaw l-Avvent ta’ Kristu: hemm bżonn nitwieldu minn Alla u bla ma naqtgħu nitwieldu mill-ġdid minn Alla.
U jekk f’nofs dawn il-prospettivi vasti, li jifirxu quddiemna l-progress tal-kultura u tax-xjenza, li jqanqlu ferħ leġittimu u l-iżvilupp taċ-ċivilizzazzjoni tal-produzzjoni u tal-konsum flimkien mal-iżvilupp taċ-ċivilizzazzjoni tat-theddid u tal-vjolenza, jekk, nirripeti, f’nofs tali prospettivi għandi, f’din il-lejla tal-Avvent, xi proposta, partikolari x’ngħaddi lilkom, din hija din li ġejja: la tiqfux tgħixu, billi titwieldu b’mod kostanti minn Alla u billi tiwieldu mill-ġdid minn Alla!
L-Avvent ta’ Kristu jħabbat fin-nostalġija tal-bniedem għall-verità, għat-tajjeb u s-sabiħ, għall-ġustizzja, għall-imħabba u għall-paċi. L-Avvent ta’ Kristu jħabbat fis-sagramenti tal-Knisja, li jippermettulna li nitwieldu minn Alla u li nitwieldu mill-ġdid minn Alla.
Għixu l-Milied, irriġenerati fi Kristu fis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni! Għixu l-Milied, billi tassorbixxu l-kontenut l-iktar profond tal-misteru ta’ Alla, li lejh, fl-aħħar minn l-aħħar, jinfetaħ l-avvent kollu tal-bniedem!
“O Radix Iesse, …veni ad liberandum nos, iam noli tardare”!
4. Għall-aħbar tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista, missieru Żakkarija jħoss dan il-kliem: “…Huwa se jkun kbir quddiem il-Mulej… se jkun mimli bl-Ispirtu Santu sa minn ġuf ommu u se jmexxi bosta minn ulied Iżrael lejn il-Mulej Alla tagħhom. Huwa se jimxi quddiemu bl-ispirtu u bil-qawwa…” (Lq 1,15-17).
Din hija wkoll direzzjoni oħra tat-triq, li fuqha jmexxina l-Avvent. Il-bniedem mhux biss jimxi lejn Alla permezz ta’ dak li hemm ġo fih, permezz tal-inkompletezza tiegħu, tat-theddida tiegħu, u flimkien mal-karattru traxxendentali tal-personalità tiegħu, indirizzata lejn il-verità, it-tajjeb, is-sabiħ, permezz tal-kultura u x-xjenza; permezz tax-xewqa u n-nostalġija għal dinja iktar umana, iktar denja tal-bniedem.
Il-bniedem mhux biss jimxi lejn Alla (mill-bqija spiss bla ma jaf jew saħansitra billi jiċħdu) permezz tal-propju avvent: permezz tal-karba tal-umanità tiegħu. Il-bniedem imur lejn Alla, waqt li jimxi, fl-istorja tal-fidwa, quddiem Alla: quddiem il-Mulej, bħal ma nisimgħu fil-Vanġelu fil-konfront ta’ Ġwanni l-Battista, li kellu jimxi quddiem il-Mulej bl-ispirtu u l-qawwa.
Din id-direzzjoni l-ġdida tat-triq tal-avvent tal-bniedem hija marbuta b’mod partikolari mal-Avvent ta’ Kristu. Madankollu l-bniedem jimxi “quddiem il-Mulej” sa mill-bidu u se jimxi quddiemu sal-aħħar, għaliex huwa sempliċement xbiha ta’ Alla. Mela waqt li jimxi għal għonq it-toroq tad-dinja, huwa jgħid lid-dinja u jirrendi xhieda lilu nnifsu ta’ Min huwa hu xbiha.
Jimxi quddiem il-Mulej waqt li jrażżan l-art, sabiex attwalment l-istess art, l-istess bħal dak kollu maħluq, ikunu sottomessi għall-Mulej u l-Mulej tahom bhala dominju lill-bniedem.
Huwa jimxi quddiem il-Mulej, billi jimla mill-ġdid l-umanità tiegħu u l-istorja terrestri bil-kontenut ta’ xogħlu, bil-kontenut tal-kultura u tax-xjenza, bil-kontenut tal-verità, tat-tajjeb, tas-sabiħ, tan-negazzjoni tal-ġustizzja, tal-imħabba, tal-paċi. Kultant iħoss li huwa mdawwar wisq b’dawn in-negazzjonijiet. Kważi b’kuntrast huwa allura, jħoss il-piż kollu tax-xbiha sfigurata ta’ Alla f’ruħu u fl-istorja tiegħu.
L-avvent tal-bniedem jiltaqà mal-Avvent ta’ Kristu.
“O Radix Iesse, qui stas in signum populorum,… quem gentes deprecabuntur, veni ad liberandum nos, iam noli tardare!”.
L-Avvent ta’ Kristu huwa ndispensabbli, sabiex il-bniedem isib mill-ġdid fih iċ-ċertezza li, waqt li jimxi għal għonq id-dinja, waqt li jgħix minn jum għal ieħor u minn sena għal oħra, waqt li jħobb u jbati…, hu jimxi quddiem il-Mulej, li tiegħu huwa hu xbiha fid-dinja; li huwa jirrendi xhieda tiegħu quddiem il-ħolqien kollu.
5.Għeżież parteċipanti f’din il-laqgħa tal-Avvent! Waqt li ntemm din il-meditazzjoni, nixtieq nawguralkom, u lill-ambjent kollu rrappreżentat minnkom, li l-Milied iġedded f’kull wieħed u waħda minnkom ċ-ċertezza ta’ din it-triq, li fiha intom mexjin, li fiha jiggwidakom Kristu.
Jalla intom ilkoll, u l-kompatrijoti tagħkom u, flimkien, dawk kollha li lilhom wasal, matul din is-sena li waslet biex tintemm, is-servizz tiegħi, tiksbu mill-ġdid il-kuraġġ u l-ferħ ta’ din it-triq li fiha qegħdin timxu, li fiha jmexxikom Kristu.
Jalla tkomplu, b’perseveranza u b’mod dejjem iktar matur, “timxu fil-preżenza tal-Mulej”.
Iva! Jalla timxu “fil-preżenza tal-Mulej”. Amen.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb