Ġwanni Pawlu II fil-lejl tal-Milied

QUDDIESA TA’ NOFSILLEJL. OMELIJA TA’  ĠWANNI PAWLU II

Bażilika ta’ San Pietru, 24 ta’ Diċembru 1980

1. Għeżież ħuti, miġburin fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma – u intom ilkoll li qegħdin tisimgħuni f’dan il-waqt, fi kwalunkwè punt tal-globu terrestri – hawn jien ninsab quddiemkom, jien, qaddej ta’ Kristu u amministratur tal-misteri ta’ Alla (cf. 1Kor 4,1), bħala messaġġier tal-lejl ta’ Betlem: il-lejl ta’ Betlem 1980.

Il-lejl tat-twelid ta’ Ġesù Kristu, Bin Alla mwieled minn Marija Verġni, mid-dar ta’ David, mill-ġidd ta’ Abraham, missier il-fidi tagħna, tal-ġenerazzjoni ta’ wlied Adam.

L-Iben ta’ Alla, mill-istess sustanza tal-Missier, jiġi fid-dinja bħala bniedem.

2. Kien l-eqqel tal-lejl: “Il-poplu li kieni miexi fid-dlam / ra dawl kbir; / fuq dawk li kienu jgħammru f’art id-dlamijiet / idda dawl”; kliem il-profeta Iżaija (Iż 9,2).

B’liema mod jitwettaq dan il-kliem fil-lejl ta’ Betlem? Hekk hu, id-dlamijiet  jiksu r-reġġjun ta’ Ġuda u l-pajjiżi tal-qrib, F’post wieħed biss jidher id-dawl. Dan jilħaq biss grupp ċkejken ta’ nies sempliċi.

Dawn huma r-rgħajja, li kienu jinsabu f’dak ir-reġġjun u “kienu jisharu bil-lejl waqt l-għassa tal-imrieħel tagħhom” (Lq 2,8).

Fuqhom biss titwettaq, dak il-lejl, il-profezija ta’ Iżaija. Jaraw dawl kbir: “Il-glorja tal-Mulej tinkesa bid-dawl. Huma nħakmu minn biżà kbir” (Lq 2,9).

Dan id-dawl jgħammex l-għajnejn, u fl-istess ħin idawwal il-qlub. Hekk hu, huma diġà jafu: “Illum… twieled fil-belt ta’ David salvatur, li huwa Kristu l-Mulej” (Lq 2,11).

Kienu l-ewwel li saru jafu.

Illum iżda dan jafuh miljuni ta’ bnedmin fid-dinja kollha. Id-dawl tal-lejl ta’ Betlem laħaq bosta qlub, u madankollu, fl-istess ħin, jibqà d-dlam. Kultant, saħansitra, jidher jitqawwa…

Għalxiex nistà nitlob f’dan il-lejl ta’ Betlem 1980, jien qaddej ta’ Kristu u amministratur tal-misteri ta’ Alla – għalxiex nistà nitlob maġġorment, flimkien magħkom ilkoll, li qegħdin tieħdu sehem f’dan id-dawl ta’ dan il-lejl jekk mhux sabiex dan id-dawl jilħaq kullimkien, sabiex isib aċċess fil-qlub kollha, sabiex jerġà lura hemm, fejn donnu li ntefa…? Sabiex huwa “jqajjem”!

L-istess bħal ma kien qajjem lir-rgħajja fl-għelieqi fil-viċinanzi ta’ Betlem.

3. “Immultiplikajt il-ferħ, / inti żidt  il-kuntentizza”; kliem ta’ Iżaija l-profeta.

Dawk li f’dak il-lejl laqgħuh sabu ferħ kbir. Il-ferħ li jiġi mid-dawl. Id-dlam tad-dinja mħassar mid-dawl tat-twelid ta’ Alla!

Ma jimpurtax li dan id-dawl, għal issa, kien ipparteċipat biss minn ftit qlub: li jipparteċipaw fih il-Verġni ta’ Nażżaret u l-Għarus tagħha, il-Verġni li lilha ma kienx mogħti li ġġib fid-dinja lil Binha taħt is-saqaf ta’ dar f’Betlem, “Għaliex ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Lq 2,7).U ħadu sehem f’dan il-ferħ tr-rgħajja, imdawla minn dawl kbir fl-għelieqi qrib il-belt  .

Ma jimpurtax li f’dak l-ewwel lejl, il-lejl tat-twelid ta’ Alla, il-ferħ ta’ tali ġrajja jasal biss lil dawn il-ftit qlub.

Ma jimpurtax.

Dan huwa ddestinat għall-qlub umani kollha. Dan huwa l-ferħ tal-ġeneru uman, ferħ sovruman! Jistà jewwilla jkun hemm ferħ ikbar minn dan, jistà jkun hemm aħbar aħjar minn din li l-bniedem ġie aċċettat minn Alla biex isir iben f’dan l-Iben ta’ Alla, li sar bniedem.

U huwa, dan, il-ferħ kożmiku. Dan jimla mill-ġdid id-dinja kollha maħluqa: maħluqa minn Alla – imbegħda minn Alla minħabba d-dnub – u hekk hu: irritornata mill-ġdid lil Alla permezz tat-twelid ta’ Alla fil-ġisem uman.

Dan huwa l-ferħ kożmiku.

Dan jimla mill-ġdid il-ħolqien kollu, li dan il-lejl mill-ġdid huwa msejjaħ biex jinqasam minn dan il-kliem li jinżel mis-sema:
“Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet / u paċi fl-art lill-bnedmin li huwa jħobb” (lill-bnedmin ta’ rieda tajba) (Lq 2,14).

Dan il-lejl irrid li jkun qribkom b’mod partikolari: tagħkom u ta’ dawk kollha li jbatu
u tagħkom, milquta mit-terremot,
u tagħkom, li tgħixu fil-biżà tal-gwerer jew tal-vjolenzi,
u tagħkom, li intom miċħuda mill-ferħ ta’ din il-quddiesa ta’ nofsillejl tal-Milied tal-Mulej,
u tagħkom imsammrin mas-sodda tad-dulur,
u tagħkom, li waqajtu fid-disperazzjoni, fid-dubju dwar is-sens tal-ħajja u dwar is-sens ta kollox.

Qrib tagħkom ilkoll.

Lilkom b’mod partikolari huwa ddestinat dan il-frħ, li jimla mill-ġdid il-qlub tar-rgħajja ta’ Betlem: dan huwa b’mod speċjali għalikom. Għaliex dan huwa l-ferħ tal-bnedmin ta’ rieda tajba, ta’ dawk li għandhom ġuħ u għatx tal-ġustizzja, ta’ dawk li jibku, ta’ dawk li jbatu persekuzzjonijiet għall-ġustizzja.

Jalla jitwettaq fuqkom il-kliem tal-profeta:
“Immultiplikajt il-ferħ, / żidt il-kuntentizza…” (9,2).

4. “Jifirħu quddiemek / bħal ma jifirħu fi żmien il-ħsad”; kliem ta’ Iżaija.

Hekk huma: il-bnedmin sempliċi, li jgħixu mix-xogħol ta’ jdejhom. Ma jippreżentawx ruħhom quddiem l-imwieled ġdid b’idejhom vojta. Ma ppreżentawx ruħhom bi qlubhom vojta.

Iġibu r-rigali.

Iwieġbu bir-rigal lir-Rigal.

 Għeżież ħuti, intom miġbura fil-Bażilika ta’ San Pietru u intom kollha li qegħdin tisimgħu f’dan il-waqt u fi kwalunkwè punt tal-globu terrestri: f’dan il-lejl l-umanità kollha kemm hi irċeviet ir-Rigal l-iktar kbir! F’dan il-lejl kull bniedem jirċievi r-“rigal” l-iktar kbir! Alla nnifsu sar ir-Rigal għall-bniedem. Huwa jagħmel minnu nnifsu “ir-Rigal” għan-natura umana. Jidħol fl-istorja tal-bniedem mhux biss permezz tal-kelma li mingħandu tasal għand il-bniedem, imma permezz tal-Verb li sar laħam!

Nistaqsikom ilkoll: għandkom koxjenza ta’ dan ir-Rigal?

Lesti twieġbu bir-rigal lir-Rigal? Hekk bħal dawk ir-rgħajja ta’ Betlem, li wieġbu…

U nawguralkom mill-profond ta’ dan il-lejl ġdid ta’ Betlem 1980 li taċċettaw ir-Rigal ta’ Alla, li sar bniedem.

Nawguralkom li twieġbu bir-rigal lir-Rigal!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.