Waħdi m’iniex. Omelija tal-Isqof Joe Galea Curmi

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 17 ta’ Mejju 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Quddiesa tat-Tnejn tas-Seba’ Ġimgħa tal-Għid. Kappella tas-Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Hemm żewġ affarijiet li jgħid Ġesù fl-Evanġelju llum li jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira għall-ħajja tagħna. L-ewwel ħaġa li jgħid Ġesù hi “waħdi m’iniex għax il-Missier hu miegħi”. U jgħid ukoll: “agħmlu l-qalb, jiena rbaħt id-dinja”.

Meta Ġesù jgħid “waħdi m’iniex għax il-Missier hu miegħi” kien qed ikellem lid-dixxipli tiegħu li ftit iktar tard kienu fil-fatt se jħalluh waħdu. Jgħidilhom hu “lili tħalluni waħdi”. Kien diġà qed jgħidhielhom minn qabel – hekk għamlu fil-fatt. Meta lil Ġesù ħaduh biex isallbuh, dawn sparixxew, kważi kollha telqu. Għalhekk, Ġesù kien qed jgħid lid-dixxipli li huma kienu se jħalluh waħdu, u hu kien se jħossha li dawn li kienu miegħu, jitilquh; imma jgħid “waħdi m’iniex għax il-Missier hu miegħi”. Nafu li Ġesù dejjem jitkellem kif hu ħaġa waħda mal-Missier, u għalhekk din dejjem tgħinu biex jimxi ’l quddiem. Anke meta kien fuq is-salib u hemmhekk b’talba – ghax dak hu salm – jgħid “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”, imma fl-aħħar jgħid – bl-istess ħsieb ta’ kif jispiċċa wkoll is-salm – “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi”, għax waħdu m’huwiex.

Li jgħid Ġesù hu importanti ħafna għall-ħajja tagħna, għax aħna kultant inħossuna waħedna. Anke meta n-nies jikbru. Uħud minn dawk li qed isegwuna fuq it-TV llum jgħixu waħedhom, id-dar, jew inkella huma morda u jħossuhom waħedhom. Għalhekk jgħaddu minn din l-esperjenza ta’ dwejjaq kultant għax tħossok waħdek. Illum niftakru b’mod speċjali fihom u nitolbu għalihom, biex iħossu dak li qal Ġesù li m’humiex waħedhom, imma hemm il-Mulej magħhom. Anke meta kultant iħossuhom hekk għax l-oħrajn telqu, imma mhumiex waħedhom għax il-Mulej magħhom u lilhom jagħtihom l-għajnuna u l-qawwa li għandhom bżonn fil-ħajja tagħhom.

Ġesù jgħid ħaġa oħra: “Agħmlu l-qalb, jien irbaħt id-dinja”. Qed jgħidilna li aħna mexjin warajh li hu rebbieħ. Kif rebaħ id-dinja Ġesù? Mhux kulħadd jafu, mhux kulħadd jemmen fih, mhux kulħadd jagħmel dak li jrid Ġesù, anzi hawn ħafna nies jgħixu differenti. Meta Ġesù jgħid “rebaħ id-dinja”, hu rebaħ il-mewt, dik li ġġib kollox fix-xejn. U bis-saħħa ta’ hekk, il-kelma tiegħu hi dejjem rebbieħa. Mhux għaliex ħafna nies jimxu warajh jew il-parti l-kbira tan-nies jaqblu ma’ li jgħid hu, imma ghax hi kelma verament rebbieħa fil-ħajja.

Ħa nġib eżempju, jekk Ġesù jgħidilna biex aħna, jekk xi ħadd jagħmlilna d-deni, ma npattux deni b’deni imma naħfru, Ġesù qed jgħid li dik hi t-triq rebbieħa. Mhux meta aħna nagħmlu dak li nħossu, imma meta nagħmlu dak li hu sewwa. Hemmhekk it-triq rebbieħa. Ikollna nbatu xi kultant. Ġesù jgħidilhom lid-dixxipli. Ma qalilhomx: emmnu fija u kollox jiġi tajjeb, kollox jimxi ħarir. Ma qalilhomx hekk, imma qal: “Fid-dinja tbatu jkollkom”, speċjalment biex tagħmlu dak li hu tajjeb. Imma “agħmlu l-qalb, jien irbaħt id-dinja”.

Għalhekk it-talba li nixtieq nagħmel għalina lkoll u għal dawk kollha li qed isegwuna hi li niftakru f’dawn iż-żewġ punti li semma Ġesù u li huma tant ta’ għajnuna fil-ħajja tagħna. L-ewwel nett, m’aħniex waħedna imma għandna lill-Mulej magħna dejjem fil-ħajja tagħna. U t-tieni, anke jekk inbatu biex nagħmlu t-tajjeb, nagħmlu l-qalb, għax Ġesù rebaħ, u aħna mexjin wara dak li hu rebbieħ.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading