Ġwanni Pawlu fil-Parroċċa tan-Natività

VISTA PASTORALI  LILL- PARROĊĊA TAN- NATIVITÀ.

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħadd, 14 ta’ Diċcembru 1980

Għeżież ħuti!

1. Jiena ferħan minħabba l-fatt li llum nistà nkun f’nofskom. Infatti dan huwa l-waqt li fih tassew qorbu ħafna lejna l-festi tal-Milied tal-Mulej, u l-Parroċċa tagħkom hija appuntu ddedikata lin-Nativita. Huwa minħabba dan li l-perijodu tal-Avvent fil-Komunità tagħkom huwa migħux b’mod partikolarment profond, u jiena kuntent għaliex ingħatali li llum naqsam f’dan il-metodu tagħkom tal-għixien tal-Avvent.

Nixtieq, qabel xejn, insellem b’mod kordjali lil kull wieħed u waħda minnkom, billi nibda mill-persuna tas-Sinjur Kardinal Vigarju li, bil-mandat tiegħi, għandu r-responsabiltà tat-tmexxija pastorali fuq Ruma kollha.

Flimkien miegħu nsellem kemm lill-Awżiljarju Mons. Ġulju Salimei, li propju f’dawn il-jiem qiegħed iwettaq żjara pastorali bil-għaqal fostkom. Kif ukoll lill-kappillan tagħkom flimkien mas-Saċerdoti tal-presbiterju, li b’mod opportun ħafna għenu ideal ta’ ħajja mutwu fil-forom tal-koabitazzjoni u tal-kondiviżjoni. Indur lejhom, bħal ma għas-Saċerdoti li jikkollaboraw magħhom, b’eloġji meritati għal tali xhieda ta’ komunjoni, biss ma nistax ninsa l-Istituti Reliġjużi preżenti u operanti fil-parroċċa, xejn inqas l-komunitajiet differenti ta’ apostolat lajk organizzat. Imma mbagħad hemm l-iktar Familja vasta tal-fidili: li għalkemm massa anonima, hija formazzjoni vitali li, ukoll jekk ta’ oriġni relattivament riċenti, setgħet sa mill-bidu tibbenefika biż-żelu eżemplari ta’ Mons, Luigi Rovigatti (li lilu ngħolli issa ħsieb ta’ tifkira) u wettqet fi ftit iktar minn erbgħin sena itinerarju twil u pożittiv ta’ fidi, billi ħadmet sintesi feliċi bejn elementi tat-tradizzjoni u l-eċċitament tal-Konċilju.

Huwa għalikom ilkoll, għalhekk, għeżież ħuti u wliedi, li issa tmur it-tislima tiegħi li rrid li tkun u hi, fl-istess ħin, espressjoni ta’ sodisfazzjon u stedina għal iktar progress.

2. “Inti dak li għandu jiġi jew irridu nistennew li xiħadd ieħor?” (Mt 11,3).

F’dan it-tielet Ħadd tal-Avvent il-Knisja ttenni l-mistoqsija, li kienet saret l-ewwel darba  l-Battista: Inti dak li għandu jiġi?

Hekk staqsew id-dixxipli ta’ dak li ddedika l-missjoni kollha tiegħu għat-tħejjija tal-miġja tal-Messija, id-dixxipli ta’ dak li “ħabb u ħejja l-miġja tal-Mulej” sal-ħabs u sal-mewt. Issa aħna nafu li, meta d-dixxipli tiegħu għamlu din id-domanda lil Ġesù, Ġwanni l-Battista ma setax joħroġ iktar.

U Ġesù wieġeb billi fakkar l-opri tiegħu, kliemu u fl-istess ħin, il-profezija messjanika ta’ Iżaija:
“L-għomja jaraw, / iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiequ, / it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, / lill-foqra tkun ippridkata l-bxara t-tajba…/ Morru u għidu lil Ġwanni dak li intom tisimgħu / u taraw” (Mt 11,5.4).

Fiċ-ċentru stess tal-liturġija tal-Avvent aħna nsibu, mela, din il-mistoqsija ndirizzata lil Kristu u t-tweġiba messjanika Tiegħu.

Għalkemm tali domanda saret darba waħda biss, madankollu aħna nistgħu nagħmluha dejjem mill-ġdid. Din għandha ssir. U fir-realtà ssir!

Il-bniedem jagħmel din id-domanda rigward Kristu. Diversi bnedmin, minn diversi partijiet tad-dinja, tal-pajjiżi u l-kontinenti, mid-diversi kulturi u ċivilizzazzjonijiet, jagħmlu din id-domanda rigward Kristu. F’din id-dinja, li tant sar fiha u dejjem isir biex indawru lil Kristu bil-komplott tas-silenzju, biex niċħdu l-eżistenza u l-missjoni tiegħu, jew biex innaqsuhom u ngħawġuhom, dejjem terġà lura mill-ġdid id-domanda rigward Kristu. Din terġà lura wkoll meta donnha tidher li diġa ġiet meqruda b’mod essenzjali.

Il-bniedem jistaqsi: Inti hu, Kristu, dak li għandu jiġi? Inti dak li se jispjegali s-sens definittiv tal-umanità tiegħi? Is-sens tal-eżistenza tiegħi? Inti dak li se jgħinni biex norganizza u nibni ħajti ta’ bniedem sa mis-sisien?

Dan jistaqsu l-bnedmin, u Kristu kostantament iwieġeb. Hu jwieġeb hekk kif diġa wieġeb lid-dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista. Din id-domanda rigward Ġesù hija d-domanda tal-Avvent, u hemm bżonn li aħna nagħmluha fl-intern tal-komunità nisranija tagħna. Hawn hi: Min hu għalija Ġesù Kristu?

Min hu tassew għal ħsibijieti, għal qalbi għall-aġir tiegħi? Kif jien, li jien nisrani u nemmen FiH, nagħraf jew kif infittex li nagħraf lil dak li nistqarr? Nitkellem dwaru mal-oħrajn? Nagħti xhieda tiegħu, talinqas quddiem il-ġirien tiegħi: f’dar missieri, fl-ambjent tax-xogħol, tal-università jew tal-iskola, f’ħajti u l-kondotta kollha? Hija propju din id-domanda tal-Avvent, u hemm bżonn li, a bażi tagħha, aħna nqanqlu dak li semmejna hawn fuq, domandi oħra, sabiex huma japprofondixxu l-koxjenza nisranija tagħna u hekk iħejjuna għall-miġja tal-Mulej.

3. L-Avvent jiġi kull sena, u kull sena jiżvolġi fil-kors ta’ erbà ġimgħat, u jċedi l-post għall-ferħ tal-Milied Imqaddes.

Hemm, mela, diversi avventi: hemm l-avvent tat-tarbija nnoċenti u l-avvent taż-żgħożija mqarqċa (spiss Kritika): hemm l-avvent tal-għarajjes; hemm l-avvent tal-miżżewġin, tal-ġenituri, tal-irġiel ħaddiema ta’ forom multipli ta’ xogħol u ta’ responsabiltà spiss gravi. Hemm fl-aħħarnett, l-avventi tal-bnedmin anzjani, morda, batuti, abbandunati. Hemm f’din is-sena l-avvent tal-konnazzjonali tagħna milquta mid-diżastru tat-terremot, li baqgħu bla saqaf fuq rashom.

Hemm diversi avventi. Dawn jirrepetu ruħhom kull sena, u kollha huma orjentati lejn direzzjoni unika.

Kollha jħejjuna għall-istess realtà. Illum fit-tieni qari liturġiku, nisimgħu dak li jikteb l-Appostlu San Ġakbu: “Ħuti, kunu paċenzjużi sal-miġja tal-Mulej. Ħarsu lejn il-bidwi: huwa jistenna bis-sabar il-frott prezzjuż tal-art, sakemm wara li jkun ircieva x-xita tal-Ħarifa u x-xita tar-Rebbiegħa. Kunu paċenzjużi wkoll intom, qawwu qlubkom, għaliex il-miġja tal-Mulej hi fil-qrib”. U wara jżid minnufih: “hekk hu l-imħallef jinsab wara l-bibien” (Gc 5,7-9).

Propju tali rifless għandhom ikollhom dawn il-ġrajjiet fi qlubna. Huma għandhom ikunu jixbħu l-istennija tal-ħsad. Il-bidwi jistenna l-frott tal-art is-sena kollha jew għal xi xhur.

Il-ħsad tal-ħajja umana iżda, nistennewh tul ħajjitna kollha. U kull avvent huwa mportanti. Il-ħsad tal-art jiġi miġbur meta jkun matur, biex nużawh għas-sodisfazzjon tal-bżonnijiet tal-bniedem. Il-ħsad tal-ħajja umana jistenna l-waqt li fih jidher fil-verità kollha quddiem Alla u Kristu, li huwa l-imħallef ta’ rwieħna.

Il-miġja ta’ Kristu, il-miġja f’Betlem ta’ Kristu tħabbar bil-quddiem dan il-ġudizzju wkoll. Din tgħid lill-bniedem għalxiex ingħata li jimmatura fil-kors ta’ dawn l-avventi kollha, li jikkomponu ħajtu fuq l-art, u kif hu għandu jimmatura!

Fil-Vanġelu tallum Kristu, quddiem il-folol miġbura, jagħti l-ħaqq li ġej dwar Ġwanni l-Battista: “Fis-sewwa ngħidilkom: fost dawk imwielda minn mara ma dherx wieħed ikbar minn Ġwanni l-Battista: bdanakollu, l-iżgħar wieħed fis-saltna tas-smewwiet huwa ikbar minnu” (Mt 11,11).L-awgurju tiegħi huwa li aħna, għeżież ħuti, nkunu nistgħu naraw il-waqt li fih nisimgħu kliem simili mill-Feddej tagħna, bħala l-verità definittiva dwar ħajjitna.

4. Qiegħed nimmedita dwar dan il-messaġġ tal-Avvent, marbut mal-liturġija ta’ dan il-Ħadd, flimkien magħkom, għeżież parruċċani tal-komunità ddedikata lin-Natività tal-Mulej.

Huwa meħtieġ, għalhekk, li kull wieħed u waħda jqisuh bħala ndirizzat lilhom u hemm bżonn ukoll li intom ilkoll tilqgħuh fil-komunità tagħkom

Il-parroċċa, infatti, teżisti, sabiex il-bnedmin mgħammdin fil-komunità, jiġifieri waqt li jgħinu u jikkumplimentaw lil xulxin b’mod reċiproku iħejju ruħhom għall-miġja tal-Mulej.

F’dan il-waqt nixtieq nistaqsi, kif tiżvolġi u kif għandha tiżvolġi fil-komunità tali tħejjija għall-miġja tal-Mulej? It-tweġiba tistà tkun doppja: mill-punt di vista mmedjat, wieħed jistà jgħid li din it-thejjija titwettaq billi nsegwu “f’sintonija” l-azzjoni pedagoġika tal-Knisja fil-preżent, perijodu tipiku l-Avvent: billi nilqgħu, jiġifieri, l-istedina mġedda għall-konverżjoni u billi nimmeditaw l-misteru etern ta’ Bin Alla li,  billi sar bniedem fil-ġuf purissmu ta’ Marija, twieled f’Betlem. Imma minn punt di vista iktar wiesà mhemmx biss l-Avvent ta’ din is-sena, jew il-Milied li jingħex b’atteġġjament ta’ fidi iktar żelanti, hemm ukoll il-miġja kostanti ta’ kuljum ta’ Kristu fil-ħajja tagħna grazzi għal preżenza li titgħajjex bil-katekeżi u, b’mod speċjali, bil-parteċipazzjoni liturġika-sagramentali.

Jiena naf li fil-parroċċa tagħkom din hija waħda mil-linji pastorali fundamentali: hemm, infatti, il-katekeżi sistematika u permanenti skont l-etajiet differenti, u tingħata attenzjoni speċjali lil-Liturġija Sagra. Fir-realtà il-ħajja sagramentali, meta tkun imdawla minn aħbar parallela u profonda ta’ Kristu, hija t-triq l-iktar mgħaġġla biex inmorru niltaqgħu miegħu. Huwa fit-talb u, qabel kollox, bis-sehem fil-Quddiesa tal-Ħadd li appuntu niltaqgħu miegħu. Biex ngħidu s-sewwa dan is-sehem huwa t-tiġdid, ta’ kull ġimgħa, tal-koxjenza tal-“miġja tal-Mulej”. Jekk dan jonqos, tali koxjenza titferrex, tindebolixxi ruħha u fi żmien qasir tinqered. Għal dan nixtieq nindirizza l-eżortazzjoni tal-Konċilju dwar il-valur permanenti tal-Ħadd, bħala “festa” primordjali li għandha tinżamm għall-ħniena tal-fidili “ sabiex jiltaqgħu f’assemblea biex jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jieħdu sehem fl-Ewkaristija” (cf. Sacrosanctum Concilium, 106).

Imma – kif nafu sewwa – Kristu jiġi għandna wkoll fil-persuni ta’ ħutna, b’mod speċjali tal-ifqar, tal-emarġinati u tal-imbegħdin. Ukoll f’dan ir-rigward jiena naf li l-Komunità tagħkom hija mpenjata skont linja pastorali oħra, li tieħu forma ta’ opzjoni preċiża u qalbiena. Naf, per eżempju, li huma bosta l-Assoċjazzjonijiet u l-gruppi ekkleżjali li jipprattikaw l-ilqugħ evanġeliku bħala “attenzjoni sinċiera għad-deni kollu, id-dwejjaq u t-tamiet tal-bniedem tallum” (cf. Relazzjoni Pastorali): Taħt l-ordinanza tal-Kunsill Pastorali, tali nteress jiffjorixxi f’opri ta’ assistenza, ta’ promozzjoni u ta’ karità numerużi.

Għal dak li intom tagħmlu favur l-anzjani, iż-żgħażagħ f’diffikultà, il-morda, il-familji fil-bżonn, kif għall-interess u l-għajnuna li toffru lill-Missjoni ta’ Matany fl-Uganda, nixtieq pubblikament nesprimilkom l-apprezzament tiegħi u wkoll il-ħajr tiegħi.

5. U issa ppermettuli li ntemm din il-meditazzjoni dwar l-Avvent bil-kliem issuġġerit mill-profeta Iżaija: “Saħħu jdejkom debboli, / issodaw irkubbtejkom xejn sodi. / Għidu lill-qlub mitlufa: / kuraġġ! La tibżgħux, hawn hu Alla tagħkom… / Huwa ġej biex isalvakom” (Is 35,3-4).

Jalla ma tonqos qatt f’ħajjitkom, għeżież parruċċani tan-Natività ta’ Sidna Ġesù Kristu, din it-tama li l-miġja tiegħu tiddepożità fil-qalb ta’ kull bniedem u li fiha tikkonferma b’mod salutari.

Migjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.