Jgħinu biex iħares ’il quddiem b’fiduċja

Il-Ġimgħa, 21 ta’ Mejju 2021: Omelija mill-tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Quddiesa tal-Ġimgħa tas-Seba’ Ġimgħa tal-Għid. Kappella tas-Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù.

Omelija mill-tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Kemm jolqotna li l-kliem ta’ Ġesù qatt ma hu kliem li jweġġa’, jew li lill-bniedem ibaxxih,  jew kliem li jaqta’ l-qalb jew li jxerred l-sfiduċja, imma hu kliem li jfejjaq, kliem li jerfa’ lill-bniedem, li jagħtih il-kuraġġ u li jsaħħaħ il-fiduċja.

Dan narawh ħafna f’din il-ġrajja li smajna llum fl-Evanġelju meta Ġesù jitkellem ma’ Pietru, wara li Ġesù qam mill-mewt. U jistaqsih tliet darbiet:  “Tħobbni?” L-ewwel waħda “Tħobbni int aktar minn dawn?”, imbagħad “Tħobbni int?”; u jerġa: Trid tkun ħabib tiegħi? Niftakru li Pietru kien dak li lil Ġesù ċaħdu tliet darbiet. Kien qal tliet darbiet li ma jafux. Ġesù, meta qed jiltaqa’ miegħu, jistaqsih tliet darbiet: “Tħobbni int?”

Għaliex jagħmel hekk Ġesù? Ma jagħmilx hekk biex lil Pietru jweġġgħu jew jumiljah. Anke jekk mat-tielet darba Pietru ħass għafsa ta’ qalb, imma fehem li dak li ried jagħmel Ġesù hu li lilu jgħinu biex jibda mill-ġdid. Ifejqu mill-passat, minn dak li għadda, u jgħinu biex ma joqgħodx iħares lejn li għadda – nafu li Pietru kien iddispjaċih ħafna li ċaħad lil Ġesù – imma issa jħares ’il quddiem. Għalhekk għal tliet darbiet jagħtih l-okkażjoni li jgħidlu: “Iva, int taf li nħobbok”. Hekk jagħmel tajjeb għat-tliet ċaħdiet tiegħu. Ġesù qisu jħollu mill-ktajjen li jorbtuh ma’ dak li ġara, ħalli issa jħares ’il quddiem.

Fil-fatt, x’jgħidlu Ġesù? Meta Pietru jwieġbu “Iva, int taf li nħobbok”,  Ġesù ma jgħidlux: “issa ħa naraw kemm iżżomm kelmtek!”. Ma jgħidlux: “Ħa naraw tergax tiċħadni!”. Ma jgħidlux hekk Ġesù. Jgħidlu xi ħaġa vera sabiħa: “irgħa n-ngħaġ tiegħi”. Jiġifieri qed jafdah, qed jerġa’ jafdah biex issa jaqdi din il-missjoni ta’ ragħaj. Bħal Kristu li hu r-ragħaj it-tajjeb, hekk ukoll ikun Pietru. Għalhekk, kien sejjaħlu biex ikun sajjied tal-bnedmin, u issa jagħmlu ragħaj tal-poplu – “irgħa n-ngħaġ tiegħi”. Araw x’fiduċja! Ġesù ma qagħadx jara x’għamillu fil-passat, imma jgħinu biex iħares ’il quddiem b’fiduċja.

Jgħidlu xi ħaġa oħra sabiħa. Innutaw meta Pietru jwieġbu “Int taf li nħobbok”, Ġesù jagħtih il-missjoni ta’ ragħaj biex jurih li dak li għandu jagħmel bħala ragħaj irid ikun ħiereġ minn din l-imħabba lejn Ġesù. Inħobbu ħafna lil Ġesù, u għalhekk nistgħu naqduh fil-ħidma, li hi tiegħu, qalb il-poplu. Kemm hi sabiħa din! Tfakkarna li Ġesù dejjem għamel din ir-rabta. Tiftakru x’kien qal: “dak li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.” Issa hawnhekk qed jgħid: Jekk tħobbni, irgħa n-ngħaġ tiegħi.

Ejjew nitolbuh biex aħna, bis-sinċerità tal-qalb, lil Ġesù ngħidulu, kull wieħed u waħda minna: “Iva, Mulej, int taf li nħobbok”. Għinni, Mulej, biex il-ġid li jien nagħmel ikun ħiereġ mill-imħabba lejk, u biex ikolli l-istess spirtu tiegħek, li wrejt ma’ Pietru; biex il-kliem tagħna qatt ma jkun kliem li jweġġa’, jew li jbaxxi lill-oħrajn, jew li jaqta’ l-qalb jew li jxerred l-isfiduċja, imma kliem li jfejjaq, li jerfa’ lill-bniedem, kliem li jagħti kuraġġ u li jsaħħaħ il-fiduċja. Hekk inkunu tassew nixbhu lil Ġesù.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply