Bil-maltempati u mhux bix-xalati!

Il-ħajja hi tiżwiqa minn kull ħaġa u minn kull kull lewn li hawn taħt is-sema! Kieku tajjeb tkun il-lewn li jogħġob lili biss! Kieku aqta’ kemm nixxala! Imma, b’daqshekk, ikun tabilħaqq fiha sens ħajti? Jew inkella tispiċċa biss qabda fwar tad-duħħan u xejn konkret? Inħalli lilek taħseb u tixtarr …

Irridu jew ma rridux, il-ħajja hi mimlija bil-waqtiet tal-maltemp. Kolp wara kolp ta’ l-imwieġ. Daqqa żgħar u daqqa Alla jberrikom! U l-mewġ dejjem ġej għal fuq id-dgħajsa ta’ ħajjitna! Mà x’biża! Kemm nixtieq jaħasra li ħajti tkun xorta oħra! U mhux hekk! Bl-imwieġ dejjem ġejjin għaliha miskina! Imma ħajja mingħajr problemi teżiżti ħbieb? Ħajja mifqugħa bil-ħlewwa tagħmel sens? Ara x’dijabete eżiżtenzjali jkollha eh! Għalhekk, ikolli ngħid li ma tagħmel sens ta’ xejn! Għax, u fis-sewwa kollu, m’hix rejali! Għax bil-qabda artifiċjali! Imma allura għandi nqatta’ ħajti f’dan il-mewġ jien? U mela jien irrid inbati x’kull waħda tnejn?

L-aħwa, ġieli għaddewli dawn il-ħsibijiet! U ġieli irraġunajt hekk jiena wkoll. Wara kollox jiena bniedem bħalkom. Nagħmilha man-nies u nisma’ dak kollu li jidħol u ma jidħolx fil-qjies ukoll! Għax kulħadd għandu l-libertà tal-espressjoni. Imma ejja ma ninsiex li l-libertà tal-espressjoni taf ittellagħli l-pressjoni! U jekk ma nikkalmax naf nispiċċa ma narax!

Issa x’irridu nagħmlu meta l-ħalel jibdew ituha kemm jifilħu lid-dgħajsa ta’ ħajjitna? Mhux aħjar li aktar milli nindannaw nibdew niddjalogaw? U hawn se nislet kelmtejn minn messaġġ li bgħatuli WhatsApp fuq erba’ kelmiet mustaċċuni li jekk ngħixuhom ibegħduna milli nidħlu ta’ Frankuni! Isimgħu naqra x’jgħidilna Papa Franġisku li meta jitkellem irridu nisktu:

“Irrispettivament kemm hi diffiċli … Il-ħajja hi sabiħa meta tkun ferħan. Imma ħafna aħjar meta l-oħrajn ikunu ferħana minħabba fik. Ejjew ilkoll niftakru li kull lewn li jinbidel ta’ werqa hu sabiħ u kull sitwazzjoni li tinbidel tal-ħajja hemm marbuta magħha tifsira. It-tnejn li huma għandhom bżonn viżjoni ċara. Għalhekk tgergirx u teqridx. Minflok ejjew niftakru li l-uġiegħ hu sinjal li aħna ħajjin, li l-problemi huma sinjal li aħna qawwija u li t-talb hu sinjal li m’aħniex waħedna!

Jekk nindafru fix-xalati u naħarbu l-problemi se ngħixu ħajjitna frustrati! Imma jekk ngħixu l-problemi tagħna id f’id ma’ Kristu ħajjitna tkun sabiħa u minn xejn ma jkollna mniex nistħu! U jekk din hi l-verità x’hemm isbaħ issa milli nagħmlu din it-talba ħierġa mill-qalb mimlija umiltà:

Mulej, żommi maqgħud miegħek fil-maltempati għax huma se jsalvawni u mhux ix-xalati! Amen!

Patri Mario Attard OFM Cap