Ktieb li jitħaddet fuq il-wiċċ

Waħda mill-frażijiet li lili tant laqtugħni f’dan iż-żmien ta’ Pandemija li pajjiżna, flimkien mad-dinja kollha kemm hi qed iħabbat wiċċu magħha, hi din: Wiċċ il-ħaddiema fil-Pandemija. Din il-frażi laqtitni ħafna l-għaliex fiha hemm maħżun il-kuraġġ, il-kura, ir-rispett u l-imħabba li persuna nħarsu lejn wiċċha u qatt lejn il-pandemija tal-Covid-19 li taf għandha jew inkella qed tħokk magħa. Persuna tibqa’ persuna u qatt m’għandha tiġi marbuta ma’ xi marda!

Dan il-ħsieb għeni nifhem tassew minn qalbi l-għaliex Ġesù jgħidilna fil-vanġelu skont San Mattew: Kont marid u ġejtu iżżuruni (Mt 25:36). Qatt ma jgħidilna “kelli t-tali marda …” Le! Jgħidilna li kien Hu l-marid u l-marida f’dik il-persuna! Mela miegħu urejna ħniena jekk waqafna ma’ dik il-persuna! MiegħU personali!

Kemm timlini bil-paċi ħbieb din ir-rejaltà! U kemm tagħtini kuraġġ ta’ sur biex nissokta nħalli lill-Mulej jaħdem fija u bija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija! Mhux biss mal-pazjenti imma, u speċjalment, mal-membri tal-istaff ukoll li, b’għażla tagħhom, iwieġbu għall-istedina ta’ mħabba li l-Mulej jagħmlilhom kull darba li Hu, ir-Ragħaj it-Tajjeb, joħodni f’nofshom.

F’dawn il-ġimgħat il-Mulej tani grazzja nippubblika l-ktieb, Ilħna mill-Onkoloġija. Dan il-ktieb ħareġ eżattament f’għeluq is-sena li l-Mulej poġġieni ngħix u naħdem fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija. Il-ktieb jitħaddet dwar Ilħna mill-Onkoloġija. U l-ilħna ta’ min? Huma l-ilħna tal-pazjenti tagħna! Li magħhom jien ukoll pazjent. Kemm għallmuni u għadhom qed jgħallmuni l-pazjenti tagħna! Il-kuraġġ, id-determinazzjoni u l-għaqal li l-Mulej żera u kabbar fihom lili tabilħaqq li jkellmuni bil-bosta. Għalhekk, leħinhom hu mportanti. Anzi, importantissmu! X’jaf l-aħwa min ma ġarrabx?

Barra minhekk, l-ilħna tal-pazjenti tagħna magħhom hemm, maqgħud f’għalenija, dak tal-istaff. Tgħid l-istaff jgħallmuni? Kemm nieħu gost meta l-Mulej jagħtini l-grazzja li wara l-quddiesa li ssir f’xi sala, jiena ngħid, minn qalbi: Grazzi kbira kbira lill-istaff li jħobbuna u jieħdu ħsiebna! Illum nasal ngħid li din il-frażi l-istaff ikun qed jistennieha! Mhux l-għaliex għandhom bżonn il-grazzi tiegħi tafux! Imma kelma ta’ kuraġġ mingħand xi ħadd li, mingħajr ma jistħoqqlu, jirrappreżenta l-għajn ta’ kull kuraġġ, tħeġġiġ u l-qawwa tal-qalb, tabilħaqq li jkunu qegħdin jistennewha.

Mal-istaff lanqas ma rrid inħalli barra lill-ħaddiema kollha taċ-Ċentru tal-Onkoloġija li jaħdmu fl-uffiċini u barra minnhom. Hu x’inhu x-xogħol tagħhom. Anki huma, kemm jekk għas-sħana jew għall-frisk (skont xi jkun l-istaġun) tal-uffiċju jew barra minnu, anki lilhom il-Mulej uża bis-sħiħ biex lili jgħallimni fuq bosta ħwejjeġ tal-ħajja. Il-preżenza tagħhom għalija hi importanti l-għaliex, u b’mod konkret, f’ħidmieti fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija għenuni bis-sħiħ biex il-Mulej għoġbu jwassalni s’hawn.

U fl-aħħar lanqas ma rrid ninsa lill-familjari tal-pazjenti. L-istejjer tagħhom għalija huma minjiera kbira ta’ għerf. X’potenzjal qawwi hemm meta tkun qiegħed u qiegħdha issegwi lill- persuna mill-għeżież tiegħek li tkun fuq il-Kalvarju! Ġieli kienet diskussjoni twila, drabi oħra ċajta, inkella xi bikja jew sempliċiment demgħa li kienet tfisser ħafna biex jinfetaħ mill-ġdid is-separju għall-aktar tagħlim dwar il-ħajja, ir-relazzjoni, ir-rikonċiljazzjoni, u, iwa, l-għajn tagħhom, il-Mulej, l-għajn ta’ kull qdusija!

Issa, dawn in-nies kollha, m’għandhomx biss leħen iżda ġew imżejna wkoll b’wiċċ. Bl-espressjonijiet u b’dak kollu li wiċċ uman jġib miegħu. Mill-ħarsa ta’ wiċċhom u mill-bixra li tkun fiha din il-mera tal-qalb, quddiemi jinżel bħal screen l-istorja ta’ ħajjithom kollha. Kull wiċċ għandu storja. Mhux daqshekk meħtieġ jekk dik l-istorja tingħadx bil-kliem. Fil-fatt, uħud mill-istejjer lanqas hemm bżonn li jirrikorru għall-kliem biex juru ruħhom lill-oħrajn. Il-wiċċ waħdu kapaċi jwettaq dan ix-xogħol importanti hu. U, dan ix-xogħol, jagħmlu mingħajr ħafna ħabi jew tqanżieħ ta’ kliem. Il-wiċċ jobżoq ‘il barra l-istorja kif inhi. Għarwiena ħuta minn kull kumment li wieħed, biex iħossu komdu jew anqas skomdu, jista’ jitfa’. Il-wiċċ din l-istorja jgħidha kif inhi. Mingħajr ħafna tidwir ta’ kliem u tiftix għall-kliem diplomatiku biex ma jdarrasx u ma jweġġax.

Il-wiċċ ma jistax jonqos li jirrakkonta, bil-mod tiegħu, il-ġrajja li għaddej minnha. Hu innifsu jinsab fuq vjaġġ. Mhux inkwantu biex isib eżatt kif se jitfejjaq mill-marda li ħakmietu jew li ħakmet lil dawk li hu jħobb. Ħafna aktar minhekk, il-wiċċ qed jipprova jfittex it-tifsira tiegħu nnifsu fl-istat li qiegħed fih bħalissa. Liema stat mhux qed iħallieh joqgħod fis-skiet u l-mistrieħ (S 131:2) ġaladarba tifsira m’għandux.

Tgħid il-wiċċ se joqgħod fis-skiet? Tgħid ħa jsib il-mistrieħ? Jaf isibu l-mistrieħ fil-ġrajja li għaddej minnha. Jaf isibu wkoll minn xi ħaġa li jaqra. Bħalma jaf isibu minn xi ħsibijiet li jgħaddulu minn ġo moħħu. Imma, dan kollu, iseħħ b’kumbinazzjoni? Jew inkella, minn wara l-kwinti? Inkella fi skiet perfett u għal kollox taħt imnieħru? Hu x’inhu l-każ il-wiċċ qed jiġi mgħejjun mill-Wiċċ, il-Wiċċ tal-Ħallieq u l-Feddej tagħna!

Minn mindu l-Mulej tani grazzja nikteb, jew aħjar nikkopja dak li żera f’qalbi bl-Ispirtu tiegħu, dan il-ktieb, aktar saret tagħmel sens kbir għalija l-frażi tas-Salm 27: Isma’, Mulej, leħen l-għajta tiegħi, ħenn għalija u weġibni.Ejja,” għedt f’qalbi, “fittex ’il wiċċu”; jien wiċċek infittex, Mulej. La taħbix wiċċek minni, la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek. Inti l-għajnuna tiegħi; tħallinix u titlaqnix (S 27:7-9). Interessanti hux kif fis-Salm 27, wara li jissemma’ il-leħen, mill-ewwel jidħol fix-xena l-wiċċ! Għax il-leħen mingħajr il-wiċċ mhux sħiħ tant li meta nisimgħuh nibdew nimmaġinaw il-wiċċ tal-leħen. Filwaqt li l-wiċċ mingħajr il-leħen hu bħal karozza mingħajr il-fuel.

Fl-aħħar nett, il-leħen u l-wiċċ wassluni nikkonkludi fuq nota tassew qawwija dan il-ktieb, li kulma hu 82 paġna kollox: Ħajja li mhix mgħixha għal ħaddieħor mhix ħajja. Dan mhux qed ngħidu jien, il-Patri, imma dik li magħha niċċelebra għeluq snini u anki l-konsagrazzjoni tiegħi lill-Mulej, Santa Teresa minn Calcutta. Ejjew mela nagħtu każ tal-wiċċ, flimkien mal-leħen li jsieħbu. It-tnejn huma mportanti. Għalkemm il-wiċċ dejjem jibqa’ jiġbed għax fil-qalba tiegħu hemm moħbija l-qalba tal-qalb!

Filwaqt li nirringrazzja minn qalbi lil MUMN (Malta Union of Midwives and Nurses) li ġentilment ippubblikat dan il-ktieb nistieden lil dawk kollha li jixtiequ kopja tiegħu biex jew jiksbuh mill-Uffiċċju tal-MUMN, Les Lapin, Court B, Flt 3 Independence Avenue Mosta, MST 9022. Inkella tistgħu tibgħatu email lil  mumn@go.net.mt jew lili personali fuq frmarioa@gmail.com. Donazzjoni ta’ €10 hi apprezzata.

Il-kittieba Amerikana Laurie Halse Anderson, fin-novella tagħha ndirizzata lejn l-adulti żgħażagħ Speak, tgħid hekk: “Meta n-nies ma jesprimux lilhom infushom huma jmutu biċċa biċċa”. B’rispett u mħabba kbira lejn il-Mulej, lejkom u lejja nnifsi ma rridx immut biċċa biċċa! Anzi! Irrid nibqa’ ngħix! U, se nibqa’ ngħix magħkom fil-kitbiet li l-Mulej jagħtini minn żmien għal żmien. Fosthom, Ilħna mill-Onkoloġija.

Patri Mario Attard OFM Cap