Meta l-affarijiet jiżviluppaw

Il-ħajja hi ħajja l-għaliex l-affarijiet ma jibqgħux l-istess. Jinbidlu! Tistkanta! Isir tibdil anki fil-ħwejjeġ l-aktar materjali! Ibda’ minn ġebla. Għax anki din għandha l-istorja u l-ħajja tagħha. Anki din tinbidel! Aħseb u ara aħna mela!

Iva ħbieb! L-affarijiet jinbidlu! L-għaliex l-ebda ħaġa mhi maqtugħa għaliha. Imma kull ħaġa hi bħal ġawhra f’kullana. Liema kullana hi immexxija mir-rieda tagħna l-bnedmin. Issa, b’dan il-kumment, għadni kemm ftaħt bieb daqshiex dwar il-libertà tal-bniedem. Kemm jien tassew responsabbli għal dawk li nwettaq? Safejn tassew tasal ir-responsabbiltà tiegħi? Imma ħalli issa ma nintilifx f’dan id-diskors li ġieli nsibni fih qiegħed indur fuqi nnifsi mingħajr riżultati ċari. Jekk dejjem dawn jeżiżtu tabilħaqq!

Iva! L-affarijiet jinbidlu! Abbli l-għaliex jgħaddi ż-żmien minn fuqhom u allura jkun hemm dak il-bżonn li jidħlu f’fażi oħra tal-eżiżtenza tagħhom. U, allaħares dan ma jsirx għax inkella nispiċċaw ngħixu f’ħajja tal-ilma qiegħed fejn kollox jibqa’ l-istess. U, kif jgħid il-qawl Malti: Min ma jbiddilx, iqammel! U jqammel kemm l-għaliex iħalli l-qamel ta’ qabel jiġri u  kif ukoll l-għaliex jagħlaq kull possibbiltà li xi ħadd isib forsi soluzzjoni ta’ kif għandu jiżbarazza ruħu minn dan il-qamel li jeqred kullimkien.

Iva! L-affarijiet jinbidlu! Għax id-dinja tinbidel. Xi kultant naħsbu li l-kompjuter biss jagħmel l-updates tiegħu. Imma jaħasra kemm sejrin żball! Anki l-ħajja tagħmel l-updates tagħha wkoll! Inkella, jekk dawn ma tagħmilhomx, kif tista’ tibqa’ iġġorr il-ktajjen li ilha iġġorrhom snin sħaħ? Il-ħajja għandha bżonn twettaq updating. Illum qabel għada! Inkella x’ġejjieni se jkollha? Biss irridu nkunu għaqlin u ma naqbdux lanqas nibdlu addoċċ. Millum għall-għada. Mill-grazzja kbira li l-Mulej tani, mingħajr ma jistħoqqli għax midneb, li naqdih fil-Knisja, din l-Omm għallmittni l-kunċett tat-tranżizzjoni. Hemm bżonn bil-bosta li sseħħ din it-tranżizzjoni. Inkella, jekk ma sseħħx, kif nistgħu ngħidu li qed isir żvilupp awtentiku?

Għalhekk, il-frażi meta l-affarijiet jiżviluppaw,aktar tolqotni. U, proprju, tolqotni għal din ir-raġuni: il-kelma żvilupp qed torbot magħha żewġ komponenti importanti: il-passat-preżent u l-futur. Kull ħaġa li teżiżti għandha l-istorja tagħha li wasslitha fejn qiegħdha illum. Tant hu hekk li ma nistgħux ngħidu li għandna xi ħaġa hawnhekk, preżenti, mingħajr ma jkollha riferiment għall-passat tagħha. Fil-fatt, lanqas hu loġikament possibbli li naħsbu f’xi ħaġa tal-preżent mingħajr ma nżurulha l-imgħoddi tagħha. Forsi hawnhekk qed ninsew li dik il-ħaġa li għandna quddiemna, fiha nnifisha stess, hemm maħżun l-imgħoddi tagħha.

U, dan l-imgħoddi, lilna se jgħinna biex lil din il-ħaġa nagħtuha l-valur li jixirqilha. Napprezzawha. U, imqanqlin minn sens kbir ta’ responsabbiltà għaliha fiha nnifisha u għall-persuni l-oħra, inkluż aħna wkoll, li se jiġu f’kuntatt magħha, nagħmlu ħilitna kollha biex naħdmu fuqha. Għalhekk mela l-iżvilupp, fih innifsu, qatt m’għandu jagħtina qatgħa qatgħun iżda kuraġġ kbir biex nimxu ‘il quddiem bil-pakkett tal-passat, tal-preżent u anki tal-futur. Fiċ-ċirkustanzi li qiegħdin, b’rispett għall-persuni kollha nvoluti, inklużi aħna stess u anki bi ftuħ li l-affarijiet jistgħu jieħdu żvolta oħra.

Ħaġa oħra mportanti meta nqisu ftit il-frażi meta l-affarijiet jiżviluppaw hi li mhux biss b’dak li qed jiġri issa m’hemmx qtugħ nett mill-imgħoddi imma wkoll għandna nħallu tiġi imrawma fina l-konvinzjoni li kien b’riħet il-passat li illum qegħdin fejn qegħdin. U ta’ dan aħna irridu nkunu grati ħafna lejn il-Mulej! Fil-ħajja għajr il-prinċipi li jibqgħu sodi daqs il-blat u ma jitħarrkux fis-sitwazzjonijiet li nkunu ħafna affarijiet huma tabilħaqq fluwidi. Li kieku ma kienx hekk kieku kif jiżviluppaw? Għalhekk, irridu nitgħallmu li ninħtieġu, fil-qigħan ta’ dak li aħna, dak li ngħidulu fl-industrija tal-bini seismic base isolation. Jiġifieri, ġabra ta’ elementi strutturali li jifirdu l-istruttura l-kbira mis-sotto struttura li qed tistrieħ fuq art li tiċċaqlaq, u b’hekk qed tħares biċċa bini jew kull struttura milli tiġġarraf. Personalment inqis din il-base isolation bħala r-relazzjoni tagħna mal-Mulej.

Dan jgħallimhuli l-Mulej innifsu f’dak li kiteb il-Papa Emeritu Benedittu XVI fl-enċiklika tiegħu Caritas in Veritate meta jgħid: F’kull verità hemm xi ħaġa aktar milli nistennew, fl-imħabba li nirċievu dejjem hemm element li jissorprendina. Qatt ma għandna nieqfu nistagħġbu b’dawn il-ħwejjeġ. F’kull għarfien u f’kull għemil ta’ mħabba, ruħ il-bniedem tħoss xi ħaġa “aktar”, li tixbah ħafna lil xi rigal li nirċievu, jew lil xi għolja li nitilgħu fuqha. Hekk ukoll l-iżvilupp tal-individwi u l­popli jinsab fuq għolja, jekk inqisu d-dimensjoni spiritwali li trid tkun preżenti biex l-iżvilupp ikun awtentiku. Hu jeħtieġ għajnejn ġodda u qalb ġdida, kapaċi jogħlew ’il fuq minn viżjoni materjalistika ta’ ġrajjiet il-bniedem, kapaċi jilmħu fl-iżvilupp dak li jmur “lil hinn” u li t­teknoloġija ma tistax tagħtih. Minn dit-triq wieħed jista’ jsegwi l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem li jieħu d-direzzjoni tiegħu mill-qawwa li tkaxkar tal-imħabba fil-verità (nru.77).

U x’inhi din id-dimensjoni spiritwali? X’inhi din l-istaffa li tgħinna nħossu u naraw li hemm xi ħaġa “aktar”, xi ħaġa għolja li nitilgħu fuqha ħa naraw ir-rejaltà kollha fis-sħuħija tagħha? Iweġibna Papa Emeritu Benedittu XVI fin-numru 29: Alla huwa dak li jagħti r-rahan tal-iżvilupp veru tal-bniedem, għax billi hu ħalqu xbieha tiegħu, huwa wkoll iwaqqaf id-dinjità traxxendentali tal-irġiel u n-nisa u jsinn ix-xenqa innata tagħhom li “jkunu iżjed”. Il-bniedem mhuwiex atomu mitluf b’univers li sar bl-addoċċ: huwa ħliqa ta’ Alla, li lilu Alla għażel biex jagħnih b’ruħ immortali u li lilu dejjem ħabb.

Għalhekk, meta l-affarijiet jiżviluppaw f’ħajjitna, kemm għalihom infushom u kemm ukoll l-għaliex ikun hemm involuti l-bnedmin, u anki l-għaliex il-Mulej iħalli kollox jintiseġ għall-akbar pjan tiegħu ta’ mħabba u salvazzjoni għall-istess bniedem, ejjew insegwu minn qalbna dak li l-Mulej qed jurina permezz tal-Papa Emeritu Benedittu XVI meta jgħidilna:

L-iżvilupp jeħtieġ l-Insara b’dirgħajhom merfugħin lejn Alla fit-talb, Insara mħarrkin mill-għarfien li l-imħabba mimlija bil-verità, l-imħabba fil-verità, li minnha jiġi l-iżvilupp awtentiku, ma nipproduċuhiex aħna, iżda hi mogħtija lilna. Għal dir-raġuni, anki fi żminijiet mill-aktar diffiċli u kumplessi, barra milli nagħrfu x’inhu jsir, għandna fuq kollox induru lejn l-imħabba ta’ Alla. L-iżvilupp jeħtieġ l­attenzjoni għall-ħajja spiritwali, konsiderazzjoni serja tal-­esperjenzi ta’ tama f’Alla, għaqda spiritwali ma’ Kristu, serħan fuq il-providenza u l-ħniena ta’ Alla, imħabba u maħfra, ċaħda tagħna nfusna, aċċettazzjoni tal-oħrajn, ġustizzja u paċi (nru 79).

Għax meta l-affarijiet jiżviluppaw ilaqqgħuna ma’ Alla nnifsu li, fi Kristu, ma’ Kristu u bi Kristu, narawh jaħdem fina u bina għal ħaddieħor! U f’ħaddieħor għalina!

Patri Mario Attard OFM Cap