Ġwanni Pawlu II fil-bidu tas-sena 1981

QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TA’ MARIJA SS.MA OMM ALLA
XIV-IL ĠURNATA MONDJALI TAL-PAĊI

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Bażilika ta’ San Pietru,
Il-Ħamis, 1° ta’ Jannar 1981

1. “…meta waslet il-milja taż-żmien, / Alla bsagħat lil Ibnu, imwieled minn mara”(Gal 4,4).

Dan huwa kliem ta’ San Pawl, ikkwotat fil-liturġija tallum.

“Il-milja taż-żmien…”.

Dan il-kliem għandu llum elokwenza partikolari, mistenni li għall-ewwel darba ingħatalna li nippronunzjaw id-data l-ġdida, u jiġifieri l-isem tas-sena solari l-ġdida: l-1981. Hekk iseħħ kull sena fil-jum tal-ewwel ta’ Jannar. Jgħaddu s-snin, jimbidlu d-dati, itir iż-żmien. Maż-żmien tgħaddi wkoll in-natura kollha, titwieled, tiżviluppa, tmut. U jgħaddi wkoll il-bniedem, imma huwa jgħaddi b’mod koxjenti. Għandu l-koxjenza tal-mogħdija tiegħu, il-koxjenza taż-żmien. Bil-metru taż-żmien huwa jkejjel l-istorja tad-dinja u fuq kollox l-istorja tiegħu. Mhux biss is-snin, l-għaxriet tas-snin, is-sekli, il-millenji, imma wkoll il-jiem, is-sigħat, il-minuti, is-sekondi.

Il-liturġija tallum tgħidilna, bil-kliem ta’ San Pawl, li ż-żmien, li huwa l-metru tal-mogħdija tal-esseri umani fid-dinja, hu sottomess ukoll għal kejl ieħor, u jiġifieri, il-kejl tal-milja, li tiġi minn Alla: il-milja taż-żmien. Infatti fiż-żmien – fiż-żmien uman, terren – Alla jwassal għat-twettiq il-proġett etern tiegħu ta’ mħabba. Permezz tal-imħabba ta’ Alla, iż-żmien jiġi sottomess għall-Eternità  u għall-Verb.

Il-Verb sar bniedem… fiż-żmien.

Is-snin, li jgħaddu, li jintemmu fil-31 ta’ Diċembru u jibdew mill-ġdid fl-ewwel ta’ Jannar, jgħaddu fir-realtà billi jiffaċċjaw lilhom stess ma’ dik il-milja, li tiġi minn Alla. Jgħaddu quddiem l-eternità u l-Verb. Kull sena tal-kalendarju uman iġġib, flimkien maż-żmien, ċerta partiċella tal-kairós divin. Kull- waħda tibda, iddum u tgħaddi f’relazzjoni ma’ dik il-milja taż-żmien li hija minn Alla. Hemm bżonn nirrejalizzaw dan, b’mod partikolari llum, li huwa l-ewwel jum tas-Sena l-Ġdida.

2. Kemm b’mod qawwi u splendidu din ir-realtà tispikka, meta nirrejalizzaw li dan l-ewwel jum tas-Sena l-Ġdida huwa fl-istess ħin l-ottava tal-Milied. Is-sena l-ġdida titwieled fis-sbuħija tal-misteru li fih ġiet rivelata il-“milja taż-żmien”.

“Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara”.

U appuntu lejn din il-Mara, lejn l-Omm tal-Iben ta’ Alla, lejn it-Theotokos iduru llum, fil-bidu tas-sena l-ġdida, b’mod speċjali, il-ħsieb u l-qalb tal-Knisja. Marija hija preżenti tul l-ottava kollha; madankollu l-Knisja tixtieq tqimha b’mod speċjali llum, b’jum kollu kemm hu tagħha: il-festività tal-maternità Divina ta’ Marija.

Lilha, mela, lill-maternità tal-għaġeb tal-Verġni ta’ Nażżaret, marbuta mal-“milja taż-żminijiet”, aħna nduru permezz ta’ dan il-bidu tas-sena li ġġib fiha il-jum tal-lum.

U ejjew niftakru li huwa l-bidu tas-Sena 1981, li fih se jidwu b’diwi mbiegħed fis-sekli id-dati kommemorattivi ta’ żewġ Konċilji mportanti tal-ewweel żminijiet tal-Knisja, li baqgħet waħda u unika minkejja l-qawmien tal-ewwel ereżiji l-kbar. Infatti fis-sena 381 seħħ l-ewwel Konċilju ta’ Kostantinopli li wara l-Konċilju ta’ Nicea, kien it-tieni Konċilju Ekumeniku tal-Knisja u li lilu nafu il-“Kredu” li jiġi reċitat b’mod kostanti fil-Liturġija, Wirt partikolari ta’ dak il-Konċilju hija d-duttrina dwar l-Ispirtu Santu hekk ipproklamata fil-liturġija Latina: “Credo in Spiritum Sanctum Dominum et vivificantem, qui ex Patre Filioque procedit (il-format tat-tejoloġija orjentali minflok jgħid hekk: “Qui a Patre per Filium procedit”). Qui cum Patre et Filio simul adoratur et conglorificatur, qui locutus est per prophetas”.

U wara, fis-sena 431(1550 sena ilu) kien iċċelebrat il-Konċilju ta’ Efesu, li wettaq, b’ferħ immens tal-pateċipanti, il-fidi tal-Knisja fil-maternità Divina ta’ Marija. Dak, li “twieled minn Marija Verġni”, bħala bniedem huwa fl-istess ħin il-veru Iben ta’ Alla, “mill-istess sustanza tal-Missier”. U Dik, li minnha Huwa “kien ikkonċeput mill-Ispirtu Santu” u li ġabet fid-dinja fil-lejl ta’ Betlem, hija verament Omm Alla: Theotokos.

Biżżejjed nirreċitaw b’attenzjoni l-kliem tal-Kredu tagħna, biex nintebħu kemm b’mod profond dawn iż-żewġ Koncilji, li se nfakkru matul is-sena 1981, huma b’mod organiku marbutin wieħed mal-ieħor bil-profondità tal-Misteru divin u uman. Fuq dan il-misteru tinbena l-fidi tal-Knisja.

3. Fl-ewwel jum tas-Sena l-Ġdida nixtiequ nerġgħu naqraw fil-profondità ta’ dak il-misteru l-messaġġ ta’ paċi, li, darba għal dejjem, kien irrivelat fil-lejl ta’ Betlem: Paċi lill-bnedmin ta’ rieda tajba! Paċi fl-art! – hawn hu dak li l-misteru tat-twelid ta’ Alla jrid jgħidilna kull sena, u dak li l-Knisja trid tenfasizza wkoll illum, l-ewwel jum tas-sena l-ġdida.

“Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara…” sabiex aħna nkunu nistgħu nirċievu l-filjolanza tal-addozzjoni.

“U li intom ulied huwa l-prova l-fatt li Alla bagħat fi qlubna l-Ispirtu ta’ Ibnu li jgħajjat: Abbà, Missier! Mela mintix iktar ilsir, imma iben…” (Gal 4,6-7).

L-umanità kollha tixtieq b’mod imxennaq il-paċi u tara l-gwerra bħala l-ikbar periklu tul l-eżistenza terrena tagħha. Il-Knisja tinsab totalment preżenti f’dawn ix-xewqat u, fl-istess ħin, fil-biżgħat u l-preokkiupazzjonijiet li jinkwetaw lill-bnedmin kollha, billi juru dawn is-sentimenti b’mod speċjali f’dan l-ewwel jum tas-Sena l-Ġdida.

X’inhija l-paċi? X’tistà tkun il-paċi fuq l-art, il-paċi bejn il-bnedmin, jekk mhux il-frott tal-fraternità, li turi ruħha iktar qawwija minn dak li jifred u jikkontestaw b’mod reċiproku lill-bnedmin? Dwar tali fraternità jitkellem appuntu San Pawl, meta jikteb lill-Galatin “intom ulied”. U jekk ulied – ulied Alla fi Kristu – allura wkoll aħwa.

U wara jikteb: “Mela mhux iktar ilsir, imma iben”. F’dan il-kuntest tidħol it-tema tal-messaġġ magħzul għall-Jum tal-Paċi tal-ewwel ta’ Jannar 1981: dan jgħid: “Biex taqdi l-paċi, irrispetta l-libertà”.

4. Iva! Għall-fraternità rridu nagħmlu appell, għeżież ħuti, jekk irridu negħlbu l-mekkaniżmi mostrużi, li, fil-ħajja u fl-iżvilupp tal-qawwiet tad-dinja kontemporanja, jaħdmu favur il-gwerra.

Hemm bżonn li aħna nqisu l-umanità bħala familja kbir unika, li fiha l-kategoriji kollha tal-persuni għandhom jintagħrfu u jintlaqgħu bħala aħwa. Fuq l-għatba ta’ sena ġdida, ejjew indawru b’mod speċjali ħsiebna u l-interress tagħna għal-dawk, fost dawn l-aħwa, li jinsabu f’sitwazzjonijiet partikolari ta’ neċessità u jistennew li r-riżorsi enormi, iddestinati biex jinbnew strumenti ta’ qerda reċiproka, jkunu minflok użati għall-opri urġenti ta’ għajnuna u ta’ titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja.

5. Kif inhu magħruf, l-1981 ġiet ipproklamata mill-Ġnus Magħquda bħala “Is-Sena Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità” Dawn huma miljuni ta’ persuni milquta minn diżabiltajiet konġenitali, mard kroniku, jew inkella effetti ta’ forom differenti ta’ defiċjenza mentali jew diżabiltà sensorjali, tul din is-sena se jsejħu b’mod iktar akut il-koxjenza umana u nisranija tagħna. Skont statistiċi riċent, in-numru ta’ dawn jitlà għal iktar minn 400 miljun. Dawn huma ħutna wkoll. Hemm bżonn li d-dinjità umana tagħhom u d-drittijiet fundamentali tagħhom jirċievu għarfien effettiv sħiħ tul l-ark kollu tal-eżistenza tagħhom.

F’Novembru li għadda, waqt il-laqgħa ta’ grupp tax-xogħol, l-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi, fl-opra kostanti tagħha għas-servizz tal-umanità permezz tar-riċerka xjentifika, żiedet l-istudju ta’ kategorija partikolari ta’ persuni b’diżabiltà, dawk mentali. L-indeboliment mentali, li jolqot madwar it-tlieta fil-mija tal-popolazzjoni mondjali, għandu jinghata konsiderazzjoni speċjali, għaliex jikkostitwixxi l-ostaklu l-iktar gravi għat-twettiq tal-bniedem. Ir-rapport tal-grupp tax-xogħol imsemmi enfasizza l-possibiltà ta kuri preventivi tal-kawżi tal-indeboliment mentali, permezz ta’ terapiji opportuni. Ix-xjenza u l-mediċina joffru mela messaġġ ta’ tama u fl-istess ħin ta’ mpenn għall-umanità kollha. Jekk parti minima tal-“budget” għall-korsa tal-armamenti kellha tiġi mogħtija għal dan il-għan, jistgħu jiġu miksuba suċċessi mportanti u tiġi ffaċilitata x-xorti ta’ numerużi persuni milquta.

Fil-bidu ta’ din is-sena nixtieq nafda lill-persuni b’diżabiltà kollha lill-protezzjoni materna ta’ Marija. Fl-Għid tal-1971 erbat elef persuna b’diżabiltà mentali. Maqsumin fi gruppi żgħar akkumpanjati minn familjari u edukaturi, kienu Pellegrini f’Lourdes u għexu jiem ta’ paċi u ta’ serenità flimkien mal-pellegrini l-oħra kollha. Nawgura minn qalbi li, taħt il-ħarsa materna ta’ Marija, jimmultiplikaw l-esperjenzi ta’ solidarjetà umana u nisranija, fi fraternità mġedda li tgħaqqad id-dgħajfin u l-qawwijin fil-mixja komuni tal-vokazzjoni divina tal-persuna umana.

6. Waqt li naħseb, fuq l-għatba ta’ din is-sena ġdida, għall-iktar bżonnijiet gravi  tal-umanità, irrid, imbagħad, niġbed l-attenzjoni fuq dik il-parti tal-familja umana li tinsab fi bżonn erstrem minħabba s-sitwazzjoni alimentari. Il-ġuħ u l-malnutrizzjoni illum jikkostitwixxu, effettivament, problema drammatika ta’ sopravivenza għal miljuni ta’ esseri umani, speċjalment ta’ tfal f’żoni wiesà tal-globu tagħna. Il-ħsieb tiegħi imur b’mod partikolari għal ċerti reġjuni kbar tal-Afrika, milquta min-nixfa, bħas-Sahel, u tal-Asja, milquta minn diżastri naturali jew li jridu jiffaċċjaw influss konsiderevoli ta’ rifuġjati.

Skont rapport tal-FAO talinqas sitta u għoxrin Pajjiż kellhom ħsad inferjuri għal dak tal-imgħoddi. F’xi partijiet ta’ dak il-kontinent jippersisti l-ġuħ u jseħħu karestiji perjodiċi, li jaħsdu mhux ftit vittmi. Skont il-kalkoli tal-esperti, imbagħad, ir-riservi ċerejekoli mondjali se jonqsu għat-tielet sena konsekuttiva, kemm-il darba tkompli din it-tendenza.

Nagħmel minn qalbi wegħdi sabiex ir-responsabbli kollha, l-organizzazzjonijiet kollha u l-bnedmin kollha ta’ rieda tajba jagħtu l-kontribut tagħhom għat-twettiq ta’ miżuri li jippermettu għajnuna iktar effettiva għal ħutna li jinsabu fil-faqar u, fl-istess ħin, timħoloq Sistema effikaċi ta’ sikurezza alimentari. Il-kelma ta’ Kristu “Kont bil-ġuħ u tajtuni niekol” hija sejħa, urġenti u partikolarment attwali, għar-responsabiltajiet tagħna.

Penetranti huwa l-kliem ta’ Pawlu tal-liturġija tallum. Hemm bżonn li l-ħajja tal-familja umana l-kbira fid-dinja kollha tinbidel taħt is-sinjal tal-fratellanza universali tal-bnedmin. Infatti aħna wlied: Alla bagħat fi qlubna l-Ispirtu ta’ Ibnu li jgħajjat: Abba!, Missier. Mela ħadd m’għadu iktar ilsir, imma iben!

7. Matul is-sena li għadha kemm intemmet kienet imfakkra b’mod partikolari l-figura ta’ San Benedittu, bħala Patrun tal-Ewropa, in konnessjoni mal-1500° anniversarju tat-twelid tiegħu.

Waqt li nimmedita dwar l-iżvilupp tal-ġrajjiet l-iktar antiki u dwar dawk kontemporanji, dehret ħaġa ġusta tipproklama bħala kompatroni tal-Ewropa, fl-aħħar tas-sena, il-qaddisin Ċirillu u Metodju, li jirrapreżentaw parti kbira oħra fil-missjoni nisranija u fl-opra tal-ekonomija tas-salvazzjoni fil-kontinent tagħna. Din hija l-parti marbuta mal-wirt tal-Greċja antika u tal-Patrijarkat ta’ Kostantinopli, minn fejn dawn iż-żewġ aħwa intbagħtu f’missjoni fost il-popli tal-Ewropa tan-Nofsinhar u tal-Lvant, preċiżament fost is-Slavi. Infatti l-Ewropa saret nisranija taħt l-azzjoni ta’ dawn iż-żewġ elementi.

Dehrilna mela li, b’mod partikolari fi tmiem is-sena li fiha nbeda d-djalogu tejoloġiku definittiv bejn il-Knisja kattolika u l-Ortodossija kollha, li enfasizzajna l-missjoni tal-qaddisin Ċirillu Metodju kienet elokwenza ġusta. Din hija l-elokwenza tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi, li fit-toroq kollha tal-umanità għandha turi ruħha iktar qawwija mill-forza tal-firda jew mit-theddida reċiproka.

8. Nikkonkludi, billi, mill-ġdid għal darb’oħra nerġa nfakkar il-kliem tal-liturġija tallum: “Alla jkollu ħniena minna u jberikna, / jagħmel li fuqna jiddi wiċċu; / sabiex tingħaraf triqtek fuq l-art, / fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek. / Alla jberikna bid-dawl ta’ wiċċu” (Salm responsorjali).


Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni

Liż-żgħażagħ “Pueri Cantores”

Qabel ma nagħti l-barka, nixtieq nesprimi l-apprezzament ħaj u rikonoxxenti tiegħi lill-“Pueri Cantores ” ġejjin minn Pajjiżi numerużi, li bl-ilħna kandidi tagħhom ħolqu nota ta’ ferħ partikolari u ta’ entużjażmu għal din iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika.

A tous les membres de la Fédération Internationale des “ Pueri Cantores ”, à leurs responsables et à leurs accompagnateurs, j’exprime ma joie, mon affection et ma reconnaissance pour leur si belle participation à cette Messe du 1er janvier, célébrée pour la Paix.

Chers petits chanteurs, et vous tous qui éduquez leurs jolies voix et leur amour du Seigneur, continuez avec ardeur le magnifique travail que vous accomplissez dans les cathédrales, les églises des villes et des campagnes! Aidez toujours mieux le Peuple de Dieu à grandir dans la foi, à s’ouvrir à l’espérance, à avancer sur les chemins de la charité et de la paix! Vous aussi, vous construisez l’Eglise!

As I express my special gratitude to the young singers here today, I send my greetings back with them to their parents and their brothers and sisters, and to all their friends. May the peace and joy of Jesus Christ, our Lord and Saviour, be always in your hearts.

Agradezco vivamente a los niños cantores su participación en este acto, en el que nos han alegrado con sus bonitas melodías.

Que el Señor os bendiga, queridos niños, y os aliente en vuestra vida cristiana y en la hermosa tarea de alabanza al Creador. Muchas gracias.

Liebe junge Sänger! Ich danke euch für euer Singen – jetzt in der Peterskirche, vor allem aber in all den vergangenen und – hoffentlich! – auch künftigen Jahren. Möge euer Dienst zur Ehre Gottes und zur Erbauung der Menschen auch für euch selbst immer ein Gebet sein!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.