Ġwanni Pawlu II fl-Epifanija

Print Friendly, PDF & Email

SOLENNITÀ TAL-EPIFANIJA TAL-MULEJ 
QUDDIESA TAL-ORDINAZZJONI TA’ ĦDAX-IL ISQOF ĠDID

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Bilika ta’ San Pietru
It-Tlieta, 6 ta’ Jannar 1981

1. “Qum, ilbes mill-ġdid bid-dawl / Ġerusalem, / għaliex ġej id-dawl tiegħek, il-glorja tal-Mulej tiddi fuqek” (Iż 60,1). B’dan il-kliem tal-profeta Iżaija l-liturġija tallum tħabbar iċ-ċelebrazzjoni ta’ festa kbira: is-Sollennità tal-Epifanija tal-Mulej, li hija it-twettiq tal-festa tal-Milied, tat-twelid ta’ Alla.

Il-kliem tal-profeta huwa ndirizzat lil Ġerusalem, lill-belt tal-Poplu ta’ Alla, lill-belt tal-elezzjoni divina. Fdin il-belt l-Epifanija kellha tilħaq iż-żenit tagħha fil-jiem tal-Misteru paskwali tar-Redentur.

Għal issa madankollu, ir-Redentur għadu tarbija ċkejkna. Jinsab jistrieħ ġewwa għar fqajjar qrib Betlem, u l-għar iservi ta’ rifuġju għall-annimali. Hemm huwa sab l-ewwel kenn għalih fuq din l-art, Hemm dawritu bl-imħabba tal-Omm u l-kura ta’ Ġużeppi ta’ Nażżaret. U hemm kien hemm ukoll il-bidu tal-Epifanija: ta’ dak id-dawl kbir li kellu jinfed il-qlub, waqt li jiggwidahom fit-triq tal-fidi lejn Alla, li biss f’din it-triq il-bniedem jistà jiltaqà miegħu: il-bniedem ħaj mal-Alla l-Ħaj.

Illum f’din it-triq tal-fidi naraw lit-tlett irġiel li ġew mil-Lvant, minn barra Iżrael. Huma rġiel għorrief u qawwija, li jiġu mmexxija lejn Betlem mill-kewkba fil-firmament ċelesti u mid-dawl intern tal-fidi fil-profondità ta’ qlubhom.

2. F’dan il-jum, hekk sollenni, hekk elokwenti, tippreżentaw lilkom infuskom hawn imtom, meqjumin u għeżież uliedi, li bl-att tal-Ordinazzjoni għandkom issiru ħutna fl-Episkopat, fis-servizz apostoliku tal-Knisja.

Insellmilkom kordjalment f’din il-Bażilika, li fuqha ġie spustat id-dawl tal-Ġerusalem messjanika flimkien mal-persuna tal-Appostlu Pietru, li hawn ġie, immexxi mill-Ispirtu Santu bir-rieda ta’ Kristu.

Hawn f’dan il-post, nimmedita flimkien magħkom, il-kliem tal-liturġija tallum, li fiha jimmanifestaw ruħhom id-dawl tal-Epifanija u l-missjoni mwielda fi qlub il-bnedmin mill-fidi f’Ġesù Kristu, Jalla dan id-dawl jiddi fuqkom b’mod partikolari f’dan il-jum – jalla jiddi b’mod kontinwu fit-toroq ta’ ħajjitkom u tal-ministeru tagħkom. Jalla dan id-dawl jiggwidakom – bħall-kewkba tal-Maġi – u jgħinkom  tiggwidaw lill-oħrajn b’mod konformi mas-sustanza tal-vokazzjoni tagħkom fl-episkopat  .

“L-Isqfijiet – fakkar il-Konċilju Vatikan II – bħala suċċessuri tal-Appostli, jirċievu mingħand il-Mulej, li lilu hija mogħtija kull potestà fl-art u fis-sema, il-missjoni li jgħallmu lill-ġnus kollha u li jippridkaw il-Vanġelu lil kull maħluq, sabiex il-bnedmin kollha, permezz tal-fidi, tal-Magħmudija u tal-osservanza tal-kmandamenti, jiksbu s-salvazzjoni (cf. Mt 28,18-20; Mk 16,15-16; At 26,17ss). Biex iwettqu din il-missjoni, Kristu l-Mulej wiegħed lill-Appostli l-Ispirtu Santu u f’jum il-Pentekoste bagħtu mis-sema, sabiex bil-qawwa tiegħu ikunulu xhieda sa truf l-art, quddiem in-nazzjonijiet, il-popli u s-slaten (cf. At 1,8; 2,1ss; 9,15). L-uffiċċju mbagħad li l-Mulej fada lir-rgħajja tal-poplu tiegħu huwa servizz tassew, li fl-Iskrittura Mqaddsa hija msejħa b’mod sinifikanti “djakonija”, jiġifieri ministeru” (cf. At 1,17.25; 21,19; Rm 11,13; 1Tm 1,12); (Lumen Gentium, 24).

3. Hemm bżonn tkunu, għeżież Ħuti, konfessuri tal-fidi, xhieda tal-fidi, għalliema tal-fidi. Hemm bżonn tkunu l-bnedmin tal-fidi. Ħarsu lejn din il-ġrajja meraviljuża, li s-sollennità tallum tippreżenta lill-għajnejn ta’ ruħna.

Jum wieħed, wara l-inżul tal-Ispirtu Santu, seħħet fil-komunità tal-Knisja primittiva żvolta kbira. Il-protagonista ta’ din l-iżvolta sar Pawlu ta’ Tarsu. Ejjew nisimgħu kif huwa jitkellem fil-liturġija tallum: “Permezz ta’ rivelazzjoni sirt nagħraf il-misteru…li l-ġentili jiġifieri huma msejħin, fi Kristu Ġesù, biex jieħdu sehem mill-istess wirt, biex jiffurmaw l-istess ġisem u biex ikunu parteċipi tal-wegħda permezz tal-Vanġelu” (Ef 3,3.6).

Dan il-misteru, li bis-saħħa tiegħu Pawlu, u wara l-Appostli l-oħra, wasslu d-dawl tal-Vanġelu ‘il hemm mill-fruntieri tal-poplu tal-patt il-qadim, dan il-misteru jiġi mħabbar ukoll illum. Diġa fil-waqt tat-twelid tal-Messija: fil-maxtura tiegħu ġewwa Betlem, fil-komparteċipazzjoni għall-wegħda li Huwa ġie biex iwettaq, huma msejħa bid-dawl tal-kewkba u bid-dawl tal-fidi tlett irġiel li jiġu minbarra Iżrael.

Dawn it-tlett ieġiel jitkellmu dwar dawk kollha li għandhom isegwu l-istess dawl messjaniku kemm fil-Lvant kif ukoll fil-Punent, kemm fit-Tramuntana kif ukoll fin-Nofsinhar, biex flimkien jerġgħu jsibu “ma’ Abraham, Iżakk u Ġakobb” il-wegħda ta Alla l-Ħaj.

Din il-wegħda titwettaq illum quddiem għajnejn il-Maġi, bħalma twettqet fil-lejl tat-twelid ta’ Alla quddiem ir-rgħajja, qrib Betlem.

Oh, kemm ħwejjeġ jgħidilna llum il-kliem tal-Profeta li jitlob lil Ġerusalem:
“Għolli għajnejk madwarek u ħares…/ tħabbat u tespandi qalbek” ( 60,4-5).

4. Għeżież uliedi u maħbubin ħuti!

Għandkom issiru x-xhieda singolari tal-ferħ tallum tal-Ġerusalem tal-Mulej. Hemm bżonn iħabbtu u jespandu qlubkom quddiem il-Misteru li qegħdin taraw! Quddiem d-dawl li għandkom taqdu!

Kemm hi kbira l-fidi tal-Maġi! Kemm huma sikuri mid-dawl li l-Ispirtu tal-Mulej kebbes fi qlubhom! B’kemm persistenza jsegwuh. B’kemm konsistenza jfittxu l-Messija li għadu kemm twieled. U meta fl-aħħar waslu fejn kellhom jaslu “… jħoss l-ikbar ferħ. Meta daħlu fid-dar, raw it-tarbija ma’ Marija, u nxteħtu mal-art jadurawha. Imbagħad fetħu t-teżori tagħhom u offrewlha bħala rigali deheb, inċens u mirra” (Mt 2,10-11).

Id-dawl tal-fidi ippermettilhom li jiskrutinizzaw dak kollu li ma kinux jafu. Bħal meta sabu ruħhom quddiem it-Tarbija l-ġdida – uman imwieled ġdid, li kien bla saqaf fuq rasu. Huma intebħu bil-miżerja tal-post. X’kuntrast mal-pożizzjoni tagħhom ta’ nies għorrief u soċjalment influwenti. U bdanakollu “inxteħtu quddiemu u adurawh” (cf. Mt 2,11).

Li kieku din it-Tarbija, Kristu, setà jitkellem allura l-istess bħal ma tkellem imbagħad bosta drabi kien jgħidilhom: irġiel, kbira hija l-fidi tagħkom! Kliem simili għal dak li darba, iktar tard, semgħet il-mara Kananina: “kbira hija l-fidi tiegħek” (cf. Mt 15,28).

5. Għeżież ħuti! Minn hawn u ftit ieħor intom ukoll se tbaxxu b’mod profond, se tinxteħtu minn tulkom u, mifruxin mal-art ta’ din il-Bażilika, se tħejju ruħkom għall-miġja l-ġdida tal-Ispirtu Santu, biex tirċievu d-doni divini tiegħu. Dawn huma l-istess doni li lluminaw u qawwew lill-Maġi fi triqthom lejn Betlem, fil-laqgħa mat-Tarbija l-Ġdida, u mbagħad fi triqthom lura u f’ħajjithom kollha.

Għal dawn id-doni huma wieġbu b’don: id-deheb, l-inċens u l-mirra, realtajiet li wkoll għandhom is-sinifikat simboliku tagħhom. Waqt li ssegwu dak is-sinifikat, offru llum id-doni tagħkom, lilkom infuskom f’don, u lesti li toffru għal ħajjitkom kollha l-imħabba, it-talb, u t-tbatija!

U mbagħad, qumu, imxu għal għonq it-triq li fuqha jeħodkom il-Mulej, waqt li jiggwidakom fit-toroq tal-missjoni tagħkom u tal-ministeru tagħkom.

Qumu, imsaħħin fil-fidi! Bħala xhieda tal-Ministeru ta’ Alla. Bħala qaddejja tal-Vanġelu u ferriexa tal-qawwa ta’ Kristu. U imxu fid-dawl tal-Epifanija waqt li tmexxu lill-oħrajn lejn il-fidi u waqt li ssaħħu fil-fidi li dawk kollha li tiltaqgħu magħhom.

Jalla dejjem jakkumpanjawkom l-għaqal, l-umiltà u l-kuraġġ tal-Maġi tal-Lvant.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: