O Qaddisa Trinità Int l-Għalliema tal-karità!

Print Friendly, PDF & Email

It-Trinità! Alla wieħed fi Tlett Persuni magħżulin tabilħaqq minn xulxin! Il-Missier, Missier! L-Iben, l-Iben! U l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu s-Santu!

Dan il-misteru kbir meta moħħi jipprova jifhmu, ir-roti tiegħu jduru fil-vojt! U l-washers tiegħu aqta’ kemm jibdew jirtogħdu imsieken! U mela moħħi jiflaħ għal dil-kedda li nipprova nifhem il-misteru tat-Trinità! Biss, it-Trinità nħossha u naraha! U, bil-moħħ fqajjar tiegħi, meta mdawwal mill-istess Trinità, nista’ nifimha wkoll! X’inti tgħid Patri?

Il-Missier! Li għalih Ġesu qalilna: Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu (Ġw 3:16-17). F’din is-sentenza naraw ukoll kemm iħobbna l-Iben, Ġesù Kristu Sidna! Ġie fid-dinja, f’nofsna, biex isalvana! Qalilna hu stess għalih innifsu: Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf (Lq 19:10). U l-Iben mhux biss tana lilu nnifsu fuq is-Salib imma ħallilna lilu nnifsu fil-Ġisem u d-Demm tiegħu fl-Ewkaristija Mqaddsa. Ħudu, kulu, dan hu ġismi (Mt 26:26). Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna (Mk 14:24). L-Iben jaħfrilna dnubietna.  Dnubietek maħfura (Lq 7:48).

Fadal l-Ispirtu s-Santu, li għalih, Ġesù qalilna: Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom (Ġw 14:26). U meta jippersegwitawna minħabba Ġesù, l-Ispirtu s-Santu jikkowċjana għax jurina kif għandna nwieġbu lil min iħabbatna. Ara, jiena qiegħed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup. Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem. Oqogħdu attenti mill-bnedmin! Għax għad jerħukom f’idejn il-qrati, jagħtukom is-swat fis-sinagogi tagħhom, itellgħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom u quddiem il-pagani. Iżda meta jerħukom f’idejhom, tinkwetawx ruħkom kif se titkellmu jew x’se tgħidu, għax dak il-ħin stess jingħatalkom xi jkollkom tgħidu. Għax mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom ikun qiegħed jitkellem permezz tagħkom (Mt 10:16-20).

Din karità li għandu Alla Trinità! Bgħatilna l-Ibnu biex jifdina! U Ibnu mhux biss ħafrilna dnubietna imma wkoll waqfilna s-sagrament tal-maħfra fl-Isqfijiet u s-saċerdoti tiegħu! Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma (Ġw 20:22-23). U jaħfrilna b’kundizzjoni: Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll. Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom (Mt 6:14-15).

O Qaddisa Trinità Int l-Għalliema tal-karità!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: