X’inhu qassis?

Il-Qassisin huma nies misterjużi. Issibhom b’kull xorta ta’ qisien, eta’, piż u kullari. Ikunu kullimkien: jgħaġġlu fit-triq, għarqanin, jaqsmu kelma jew ċajta ma’ xi ħadd, jippritkaw, jgħallmu, jaħfru, jilgħabu xi sport u jdoqqu xi strument. It-tfal jiġru lejhom, iż-żgħażagħ jammirawhom, l-anzjani jistennewhom bil-ħerqa u Marija tħarishom.

Qassis hu Prudenza liebes T-shirt, Qawwa bil-brevjar f’idu, Ġustizzja f’kull argument, u Qies waqt xi festin.  Huwa Fidi mħawla fuq blata, Tama mżejna b’ċertu sense of humour, u Mħabba mibnija fuq kemm jifhem lill-bnedmin.

Qassis jista’ jkun patri f’kunvent, editur ta’ gazzetta, medjatur f’xi għawġ tal-ħaddiema, student, professur jew personalita’ fuq ix-xandir. Dari kienu jafuh bħala t-tifel ta’ dik tal-kantuniera, issa bħala membru ta’ kull familja.  Jaf  jippenetra sigrieti, jaqsam l-inkwiet u jfejjaq il-ġrieħi.  Għandu għatx għall-erwieħ, tjubija ta’ ħabib tal-qalb, dixxiplina ta’ surġent, kuraġġ ta’ ljun, awtorita’ ta’ enċiklopedija u versatili f’kull okkażżjoni.

Għalkemm ħawtiel f’diversi karigi, dejjem jibqa’ umli. Is-siegħat ta’ xogħol tiegħu huma twal, il-paga baxxa, imma għandu Mgħallem ma ssibx bħalu. Iħobb it-tbissima tat-tfal, prietka tajba, ikla kif kienet issajjar ommu, u min isejjaħlu “Father,”

Qassis hu kollox għal kulħadd f’għajnejn il-Mulej. Jistgħu jikkwotah ħażin, ma jifhmuhx u jista’ jiżbalja. Imma dejjem jaħfer għax hu strument tal-paċi u medjatur bejn is-Sema u l-art. Mhux ta’ b’xejn Alla jħobbu. Hu l-bniedem wieqaf ħdejn l-altar, liebes il-paramenti sagri li, fil-waqt li hu konxju tax-xejn tiegħu, ikellem lil Alla għalina, u jkellem lilna f’isem Alla. Għalkemm l-akbar att li jista’ qatt jagħmel hu li joffri s-sagrifiċċju tal-Quddiesa, l-akbar konsolazzjoni għalija hi li jgħidli: “Mur fil-paċi –dnubietek maħfura.”

(Meħud minn fuljett ta’ parroċċa Awstraljana)

Minn Edward Tagliaferro

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.