L-Afrika teħtieġ il-paċi

Il-Papa jitlob għall-Burkina Faso: ‘L-Afrika teħtieġ il-paċi’

Il-Papa Franġisku, lbieraħ, qal li qed jitlob għall-vittmi tal-massakru li seħħ fil-lejl bejn il-Ġimgħa u s-Sibt f’belt żgħira fin-nazzjon tal-Afrika tal-Punent ta’ Burkina Faso.

“Jien viċin il-familji tagħhom u tal-poplu Burkinabé kollu li qed ibati ħafna minn dawn l-attakki ripetuti. L-Afrika għandha bżonn il-paċi u mhux il-vjolenza”, huwa qal.

Il-Papa, li kien qed ikellem lill-fidili miġbura għat-talba tal-Anġelus, kien qed jirreferi għal attakk fil-provinċja ta’ Yagha li fih inqatlu mill-inqas 132 persuna, fosthom 7 itfal.

Filwaqt li ddeskrivih bħala l-agħar attakk militanti fil-Burkina Faso f’dawn l-aħħar snin, il-gvern iddikjara perjodu ta’ luttu nazzjonali ta’ 72 siegħa, u ddeskriva lill-attakkanti bħala terroristi, għalkemm l-ebda grupp ma ħa responsabbiltà. Allegatament 40 resident ieħor ġew midruba.

L-awtoritajiet qalu li l-aggressuri armati assedjaw matul il-lejl lill-villaġġ ta’ Solhan fil-grigal qrib il-fruntiera tan-Niġer. Huma ħarqu wkoll djar u s-suq.

Minkejja l-preżenza t’eluf ta’ gwardjani tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti, l-attakki minn ġiħadisti marbuta ma’ al Qaeda u l-Istat Iżlamiku fir-reġjun tas-Saħel tal-Afrika tal-Punent żdiedu drastikament mill-bidu tas-sena, partikolarment fil-Burkina Faso, l-Mali u n-Niġer, biċ-ċivili jġorru l-piż. Il-vjolenza ċaqilqet aktar minn 1.14 miljun persuna fi ftit iktar minn sentejn, filwaqt li l-pajjiż fqir qed jilqa’ madwar 20,000 refuġjat minn viċin Mali.

Il-Papa Franġisku qal lill-fidili wkoll li għada, t-Tlieta 8 ta’ Ġunju, fis-1pm, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Azzjoni Kattolika qed tistieden lil kulħadd biex jiddedika minuta għall-paċi, skont it-tradizzjoni reliġjuża tagħhom stess.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-06/angelus-pope-prayers-burkina-faso-massacre-peace-holy-land-myanm.html

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.