Niket tal-Papa għas-sejba fi skola Kanadiża

Il-Papa jesprimi niket għas-sejba xokkanti fl-Iskola Residenzjali Kanadiża u jitlob għall-fejqan

Il-Papa Franġisku nhar il-Ħadd esprima l-weġġa tiegħu “għas-sejba xokkanti fil-Kanada tal-fdalijiet ta’ 215 tifel u tifla, studenti tal-Kamloops Indian Residential School, fil-provinċja tal-British Columbia.”

Meta tkellem wara r-reċita tat-talba tal-Anġelus, il-Papa qal li hu “jingħaqad mal-Isqfijiet Kanadiżi u l-Knisja Kattolika kollha fil-Kanada biex jesprimi l-qrubija tiegħu mal-poplu Kanadiż, li ġie trawmatizzat b’din l-aħbar xokkanti.”

Il-Papa kompla jgħid: din is-sejba ta’ niket tkompli tkabbar il-fehim tal-uġigħ u t-tbatija tal-passat” u ħareġ appell lill-awtoritajiet politiċi u reliġjużi tal-Kanada “biex ikomplu jaħdmu flimkien b’determinazzjoni biex jitfgħu dawl fuq dan l-avveniment ta’ dieqa u biex jimpenjaw ruħhom umilment għal triq ta’ rikonċiljazzjoni u fejqan.”

“Dawn iż-żminijiet diffiċli,” żied jgħid, “huma sejħa qawwija għalina lkoll biex nitbiegħdu mill-mudell kolonjali u mill-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi, u biex nimxu spalla ma’ spalla fi djalogu, rispett reċiproku u rikonoxximent tad-drittijiet u l-valuri kulturali tal-bniet u s-subien kollha tal-Kanada.”

Il-Papa Franġisku temm b’appell għat-talb u qal: “Aħna nafdaw f’idejn il-Mulej l-erwieħ tat-tfal kollha li mietu fl-Iskejjel Residenzjali tal-Kanada u nitolbu għall-familji mnikkta u l-komunitajiet tal-Kanadiżi indiġeni.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-06/pope-appeal-canada-residential-school-discovery-healing-reconcil.html

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.