Lezzjoni II: San Anton Marija Zaccaria

Print Friendly, PDF & Email

5 ta’ Lulju S. ANTON MARIJA ZACCARIA, SAĊERDOT

TIFKIRA

Twieled fi Cremona, il-Lombardija, fi-1502; ta’ tnejn u għoxrin sena laħaq tabib f’Padova, u mbagħad ordna qassis u waqqaf il-Kongregazzjoni tal-Kjeriċi ta’ San Pawl, jew Barnabiti, li kienet ta’ fejda kbira għat-tiġdid fil-ħajja tal-insara. Hu kien iqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu jipprietka fil-knejjes u fit-toroq, ġeneralment fuq il-passjoni ta’ Ġesù. Kienet bil-ħila tiegħu li xterdet id-devozzjoni tal-Kwaranturi, jiġifieri adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija għal erbgħin siegħa konsekuttivi bħala tifkira ta’ kemm Ġesù dam fil-qabar mid-difna sal-qawmien tiegħu. Kien hu wkoll li daħħal fil-Knisja d-drawwa li jindaqqu l-qniepen kull nhar ta’ Ġimgħa fit-tlieta ta’ wara nofsinhar. Miet ta’ 37 sena fil-5 ta’ Lulju fl-1539. Ġie kkanonizzat fis-27 ta’ Mejju, 1897 mill-Papa Ljun XIII.

Fl-Uffiċċju tal-qari

Lezzjoni II

Qari minn Diskors ta’ San Anton Marija Zaccaria, saċerdot, lil ħutu r-reliġjużi

(Historia Congr, Cler Regularium S. Pauli, 1:8)

Dixxiplu ta’ Pawlu l-appostlu

Il-mexxej u missier qaddis tagħna, San Pawl, qal: Aħna sirna boloh minħabba Kristu. Din il-kelma qalha għalih innifsu u għall-Appostli l-oħra, ukoll għal dawk kollha li jgħixu l-ħajja nisranija u appostolika. Imma, ħuti għeżież, ma għandniex għalfejn nistagħġbu jew nibżgħu, għax id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu, anqas il-qaddej ma hu aqwa minn sidu. Dawk li huma kontra tagħna jagħmlu ħsara lilhom infushom għax jiġbdu fuqhom il-korla ta’ Alla; imma lilna jagħmlulna l-ġid u jkabbrulna l-premju tal-glorja ta’ dejjem. Għalhekk iżjed għandna nħennu għalihom u nħobbuhom milli nisħtuhom u nobogħduhom. Anzi għandna nitolbu għalihom, u ma nħallux il-ħażen jegħlibna, imma negħlbuh aħna billi nagħmlu l-ġid, u naqduhom b’servizz ta’ tjieba. Jekk nagħmlu hekk, inkunu qegħdin niġimgħu ġamar jaqbad ta’ mħabba fuq ras l-għedewwa tagħna, kif iwissina l-Appostlu missierna, biex huma jaraw is-sabar u l-ħlewwa tagħna, u għandhom mnejn jibdlu ħajjithom u jitħeġġu bl-imħabba ta’ Alla.

Għalkemm ma jistħoqqilniex, Alla għażilna mid-dinja fit-tjieba tiegħu, biex naqduh u ngħaddu minn virtù għal oħra, nagħmlu ħafna opri ta’ mħabba bis-sabar kollu, u niftaħru mhux biss bil-glorja ta’ wlied Alla li għad niksbu, kif nittamaw, iżda wkoll bis-sofferenzi tagħna.

Qisu s-sejħa tagħkom, ħuti. Għax jekk aħna nqisuha bid-dehwa kollha, malajr naraw li min-natura stess tagħha titlob minna dan li qegħdin ngħidu. Aħna qbadna t-triq tal-Appostli mqaddsa u tal-qalbiena l-oħra ta’ Kristu, biex nimxu warajhom, mqar jekk mill-bogħod; mela ma għandniex niċħdu li naqsmu magħhom fit-tbatijiet. B’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq li għandna quddiemna, waqt li nżommu għajnejna merfugħa lejn Gesu, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna.

Aħna għażilna lil dan l-appostlu hekk kbir bħala mexxej u missier tagħna, u tajna kelma li nimxu warajh. Ejjew infittxu li ngħixu skond it-tagħlim u l-eżempji tiegħu. Mexxej bħal dan ma jixraqlux li jkollu taħtu suldati mitluqa jew ġwejjef; missier hekk kbir ma jmissux ikollu wlied li ma jagħmlulux ġieħ.

RESPONSORJU                                                        ara Att:20:21. 24; Rum I:l6a

1.Jiena nixhed dwar il-fidi f’Ġesu Sidna. * Jien lil ħajti xejn ma nqisha għażiża għalija jekk mhux biex intemm il-mixja tiegħi u l-missjoni li ħadt mingħand il-Mulej Ġesu li nagħti xhieda tal-Evanġelju tal-grazzja ta’ Alla.

2. Jien ma nistħix mill-Evanġelju; għax l-Evanġelju hu l-qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu, Lhud l-ewwel, u mbagħad Griegi. * Jien lil ħajti xejn ma nqisha għażiża għalija jekk mhux biex intemm il-mixja tiegħi u l-missjoni li ħadt mingħand il-Mulej Ġesu li nagħti xhieda tal-Evanġelju tal-grazzja ta’ Alla.

Talba

Agħtina, Mulej, li nimxu fuq l-għerf ta’ Kristu, li jisboq kull għerf ieħor, u nitgħallmuh skond l-ispirtu tal-Appostlu San Pawl, kif tgħallmu San Anton Marija Zaccaria, biex seħħlu jxandar bla heda l-bxara tas-salvazzjoni lill-Knisja tiegħek. B’Ibnek.