Fejn hu ċ-Charger?

Mhux l-ewwel darba li staqsejtha meta rajt il-linji tal-mobile tiegħi qed jitqaxqxu ġmielhom filwaqt li l-imsejknin imsarni bdew jiżfnu f’saqajja. Ajma! L-aktar jekk il-mobile tiegħi issa beda għaddej minn fuqu xebgħa żmien u l-batterija tiegħu għandha ruħ ommha fi snienha!

Quddiem din is-sitwazzjoni tal-biża hi ovvja l-karba: Fejn hu ċ-Charger?! U kemm isir aktar importanti dak iċ-charger ħbiebmeta inkun qed nistenna xi telefonata li jkollha aktar importanti u tkun aktar urġenti mill-bqija! Bħalma daqshekk ieħor isir importanti l-ħaġa jekk inkun qed nistenna xi messaġġ li jkolli bżonn nirċevih ma ndumx. Biex ma ngħidx, għad-dritt, meta jkolli xi lecture jew laqgħa mportanti fuq Zoom u jkolli bżonn li l-mobile jkun iċċarġjat. Ħalli nkun nista’ insegwi dak il-lecture u dik il-laqgħa bil-kwiet kollu. U jekk inkun dahri mal-ħajt almenu nkun nista’ nitfgħu fuq iċ-Charge sakemm il-laqgħa tkun qed isseħħ. Sewwa jgħidu: Ħaġa tassew tapprezzaha meta titlifha!

Kos hux! Anki fl-użu tal-mobile rigward charge wieħed ukoll irid ikollu naqra rasu fuq għonqu. Inkella aqta’ kif jispiċċa offline f’radda ta’ salib!Niftehmu, il-biża li fil-ħajja nispiċċa offline hu rejali u jinkwieta. L-aktar illum meta kollox qiegħed online! Ħallieha li hawn dan in-network kollu u hawn ruxxmata nies li aqta’ kemm iħossuhom waħedhom. Nistgħu, ngħidu aħna, nibdew minn xi nies li jgħixu fil-familji u l-komunitajiet tagħna. Li tħossok waħdek tbatija tat-tbatijiet sieħbi! U, illum, li sirna wisq ikkumplikati, faċli ħafna li dak li jkun jsibu offline f’ ħafna livelli. Bħala bnedmin ilkoll kemm aħna fraġli u vulnerabbli. Lanqas buffura riħ taffettwana ilkoll. U taf tirranġana għall-festi ikkmandati! Ma ngħidu xejn, int ara ftit kif inqumu filgħodu. Jekk ikolli xi lejl sabiħ u mistrieħ, mimli ħolm ta’ kuraġġ u tama, aqta’ kif inqum filgħodu ikkargat biex nibda’ jum ġdid. Qisni r-Real Madrid qabel il-partita jew it-team li iżżomm miegħu int biex ħadd ma jieħu għalih u jaqa’ down! Imma jekk fil-kamra jfettlilha tidħol is-sinjorina nemusa, undercover, allura l-istorja diġà marret fuq is-safety mode! Bix-xogħol kiefer tagħha li terdagħlna demmna, in-nemusa tqanqal fina ikollvirus daqshiex, li jaf jaqra u jikteb, dak tal-burdati!

Ma nieħduhx biċ-ċajt dan l-eżempju tafux! Għal aktar informazzjuoni aslu wasla s’għand min kien rieqed għall-affari tiegħu u, fis-siegħa ta’ filgħodu, kellu orkestra sħiħa madwar widnejh għaddejja! Alla jbierek bla intervalli! ŻŻŻŻŻŻ! Kiefra tafux meta nemusa tkun ħalfet li terdagħlek, jekk jista’ ikun, demmek kollu! Fil-verità, l-esperjenza li tkun trid torqod u ma tkunx tista’ minħabba l-fittaġni krudili ta’ biċċa insett li jagħmel għad-demm uman hi orribbli. Ġieli issib min jgħidlek: Mela int m’għandekx l-ispray? Imma, ngħid jien, il-kimika tal-ispray lin-nemusa biss tagħmel ħsara? Possibbli l-pulmun tiegħi tal-ġebel? Jew inkella tal-irħam? Inkella tal-ħadid? Ma jiġrilu xejn hekk kif qiegħed jieħu ġo fih riħa kimika? Ma naħsibx li l-biċċa tal-ispray hi daqshekk ħafifa biex issolvieha. Intant …

Il-fulkru tad-diskussjoni hu hawn: ħajjitna hi fraġli u vulnerabbli kemm tridha. Faċli ħafna tiġi mweġġa’. Bħalma hu daqs tazza ilma li ssib ruħek f’xi mewġa u aqta’ kemm tibla’ l-ilma! U, biex inżid ma’ dan, kemm hi ħafifa li tispiċċa bla charge tat-tama! Il-ħajja, aktar u aktar hawn, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, il-Mulej dejjem baqa’ jgħallimni li għandna bżonn għajn eterna ta’ kuraġġ, tama, ferħ u qawwa. Għandna kemm għandna pożittività ġewwa fina! Fid-dinja tallum kliem Ġesù, araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa tal-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom (Lq 10:19) ta’ min jerġa’ jiftakru sewwa u jarah ftit fil-fond. Ovvjament ma rridux inkunu arroganti u bla moħħ. U dan ngħidu għalija l-ewwel wieħed! Jekk ma nitlobx u ma rridx naf b’quddies, bi qrar u b’li nagħmel dak li hu sewwa quddiem il-Mulej, tabilħaqq li ma nista’ nagħmel xejn fil-buffuri tar-riħ li jfaqqgħu minn żmien għal żmien f’ħajti. Kelmet Ġesù hi verissma, nemminha jew ma nemminhiex: Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; imbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu (Ġw 15:5-6). Hawn xi eroj minna li jaffordja u taffordja li jintrema barra minn Kristu biex jinxef u jħalli lil min jiġbru u jixħtu fin-nar ħa jinħaraq? Min jiġbru għall-ħruq żgur li ma jkunx Kristu! Kif jista’ ikun Kristu jekk hu stess qal: Jiena hu … l-Ħajja (Ġw 14:6)? Il-ħajja mhux ħajja tagħti mhux mewt? U jekk ma jkunx Kristu min jista’ ikun dan it-taparsi anonimu? M’hemmx fejn tmur għax issa inkixef. Tal-qrun!

Ejjew inħallu lil dan iċ-Charger etern, l-Ispirtu s-Santu, jiċċarġjana! Int, Spirtu s-Santu, Charger tagħna, li ħlaqtna, ejja lill-moħħ dawlilna, imla bil-grazzja tiegħek il-qlub li int ħlaqtilna. Int, Charger tagħna, l-akbar don ta’ Alla, li tieqaf dejjem magħna: għajn, ħajja, nar, imħabba u qawwa tar-ruħ tagħna. Int, Charger tagħna, tqassam seba’ doni, int l-id il-leminija tal-Missier, minnu mwiegħed, fik bl-għerf l-ilsna mogħnija. Int, Charger tagħna, ixgħel id-dawl lis-sensi, kebbes il-qlub bl-imħabba, u saħħaħ dan ġisimna mill-mard li fih jitrabba. Int, Charger tagħna, bogħod minna żomm ’il-għadu, lilna fis-sliem henjin, mexxina int, biex nibqgħu mid-deni meħlusin. Charger tagħna, agħmel li nsiru nafu bik lill-Missier u ’l-Ibnu; li fik, Spirtu li tqaddes, bla nieqfu dejjem nemmnu. Glorja ’l-Missier, lill-Iben li qam minn bejn l-imwiet, int l-Ispirtu, iċ-Charger tagħna, faraġ tagħna, għal dejjem fis-smewwiet.

Fuq talba ġenerali ta’ ħafna li jkellmuni fuq it-talba li nitolbu fuq il-One Radio filgħodu, kuljum, wara t-talba sabiħa u qawwija tar-Rużarju għas-6.00 ta’ filgħodu, qed nagħtiha issa apposta hawn, u bi mħabba kbira. Din il-konsagrazzjoni lill-Ispirtu s-Santu m’għandhiex la copyright u lanqas privacy. Għalkemm il-privacy tal-individwu tħarisha b’mod eċċellenti! Itlobha kuljum, qabel tibda’ il-ġurnata tiegħek. U tista’ ukoll tixxerjaha mal-ħbieb tiegħek ta’ Facebook filwaqt li nħeġġek biex tħeġġiġhom jitolbuha kuljum huma wkoll, malli jqumu filgħodu, mal-ewwel radda tas-salib. Xejn xejn, bis-salib u biha l-Mulej jkeċċilhom in-nemus li ma jidhirx u li moħħu biex jerdagħlna l-ferħ u t-tama ta’ Ġesù biex imbagħad jobżqu ‘l barra minn ħalqu. Għax lilu joqtlu żgur filwaqt li lilna jħallina bla ebda immunità kontra l-ħażen!

Ejja Spirtu s-Santu! O Spirtu s-Santu, ilqa’ il-konsagrazzjoni perfetta u sħiħa tiegħi innifsi lilek. Fl-għemejjel kollha tiegħi agħtini l-grazzja li tkun għalija. Id-dawl tiegħi,
Il-gwida tiegħi,
il-qawwa tiegħi, u l-imħabba ta’ qalbi. Nerħi lili nnifsi f’idejk u nitolbok biex tagħtini l-grazzja li nobdi u nwettaq dak kollu li tnebbaħni nagħmel. Spirtu s-Santu ibdilni permezz ta’ Marija u ma’ Marija fix-xbieha ħajja ta’ Kristu Ġesù għall-glorja tal-Missier u għas-salvazzjoni tad-dinja. Amen.

Meta tħossok imkisser u imkissra mur għand iċ-Charger, l-Ispirtu s-Santu, u għidlu: Spirtu s-Santu iċċarġjani ħalli xejn u ħadd ma jinkwetani u jindannani! Amen!

Patri Mario Attard OFM Cap