Lezzjoni II: Santa Eliżabetta tal-Portugal

4 ta’ Lulju SANTA ELIŻABETTA TAL-PORTUGAL

TIFKIRA

Bint is-slaten tal-Aragona, twieldet fl-1271; iżżewwġet żgħira lis-sultan tal-Portugall u kellha żewġt itfal. Rat ħafna tbatija u toqol, imma sofriet kollox b’sabar kbir u bit-taħriġ fit-talb u fl-opri tal-ħniena. Wara l-mewt ta’ żewġha qassmet ġidha lill-foqra u daħlet terzjarja Franġiskana. Hi u titħabat biex terġa’ tħabbeb bejniethom lil binha u ’l ħatnu, mietet fl-1336.

Fl-uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari minn Diskors li jingħad li hu tal-isqof San Pietru Krisologu

De Pace

Henjin dawk li jġibu s-sliem

Għeżież, l-Evanġelista: jgħid: Henjin dawk li jġibu s-sliem, għax huma jissejħu wlied Alla. Bir-raġun kollu jikbru l-virtujiet insara f’min jgħix fl-għaqda tas-sliem

nisrani, u wieħed ma jasalx li jissejjaħ bin Alla jekk qabel ma jkunx issejjaħ bin is-sliem.

Għeżież is-sliem huwa dakli jeħles lill-bniedem mill-jasar, jagħti isem tajjeb lil min żgħir fil-poplu, ibiddel il-qagħda tal-bniedem quddiem Alla billi minn qaddej jagħmlu iben u minn ilsir ħieles. Is-sliem bejn l-aħwa huwa r-rieda ta’ Alla, il-ferħ ta’ Kristu, il-perfezzjoni tal-qdusija, il-qjies tas-sewwa, l-imgħallem tat-tagħlim, l-għassa fuq l-imġiba tal-bniedem, u t-trobbija tajba f’kollox. Is-sliem hu għajnuna biex it-talb jinstema’, triq ħafifa biex naqilgħu l-grazzji, il-milja ta’ kull ma nistgħu nixtiequ. Is-sliem huwa ż-żerriegħa tal-imħabba, ir-rabta tal-għaqda tal-qlub, is-sinjal ċar tal-fehmiet safja; huwa jieħu li jrid mingħand Alla, jitlob kull ma jrid u jaqla’ kull ma jitlob.

Aħna għandna nħarsu s-sliem, għax dan hu l-ordni tas-Sultan tagħna, Kristu Sidna, meta qalilna: nħallilkom is-sliem, nagħtikom issliem tiegħi; fi kliem ieħor: Ħallejtkom fis-sliem, u fis-sliem irrid nerġa’ nsibkom. Meta ħalliena, tana dik il-ħaġa li jixtieq isibha f’kulħadd meta jerġa’ jiġi.

Il-Mulej ordnalna nħarsu dak li tana: kelma waħda qalilna, irrid insib dak li ħallejt. Li tħawwel is-sliem, hu xogħol kollu kemm hu ta’ Alla; li tqaċċtu għalkollox, hi ħidma tal-għadu. Għax kif l-imħabba bejn l-aħwa ġejja minn Alla, hekk il-mibegħda mix-xitan; u għalhekk kull mibegħda hi ta’ min jisħetha, għax hemm miktub li kull min jobgħod lil ħuh hu qattiel.  

Qegħdin taraw, ħuti għeżież, l-għala għandna nħobbu s-sliem u: ngħożżu l-għaqda ta’ bejnietna; għax dawn inisslu u jgħajjxu l-imħabba. U tafu wkoll li, kif jgħid l-Appostlu, l-imħabba ġejja minn Alla; mela min ma għandux l-imħabba anqas ma għandu lil Alla.

Għalhekk, ħuti ejjew inħarsu l-kmandamenti, li huma lħajja tagħna; infittxu lix-xirka tagħna ta’ aħwa tibqa’ magħquda bl-irbit qawwi tas-sliem; u jalla tissaħħaħ fl-għożża ta’ bejnietna billi nkunu marbutin tajjeb flimkien b’dik l-imħabba li tgħatti kotra ta’ dnubiet. L-imħabba għandha tkun il-mira tax-xewqat kollha tagħna, għax daqs kemm tista’ thennina, daqshekk ieħor tista’ tiksbilna ġid. Minn dan jiġi li s-sliem għandna nibżgħu għalih fuq kull virtù oħra, għax Alla nnifsu jgħammar dejjem fis-sliem.

Ħobbuh is-sliem, u taraw kif tgawdu l-hedu f’kollox. B’hekk tħejju l-premju tagħna u l-hena tagħkom; b’hekk il-Knisja ta’ Alla, mibnija fuq l-għaqda tas-sliem, tibqa’ tħares sħiħ it-tagħlim ta’ Kristu.

RESPONSORJU                                                                                            ara Iż 58:7-8

1. Aqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u daħħal f’darek lill-imsejknin bla saqaf; * Mbagħad ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek, u quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek.

2. Libbes lil min hu għarwien, u n-nies ta’ darek tinsihomx. * Mbagħad ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek, u quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek.

Talba

O Alla, li tnissel il-paċi u tgħożż lil min jagħti xhieda tal-imħabba, int żejjint lil Santa Eżabetta tal-Portugall bil-grazzja tal-għaġeb li tgħaqqad fil-paċi lil dawk li kienu mifruda bit-tilwim; bit-talb tagħha, agħtina li aħna wkoll naħdmu ħalli nġibu l-paċi, biex nistgħu nissejħu wliedek. B’Ibnek.