Papa lis-seminaristi ta’ Ancona: Kunu disponibbli għal oħrajn

Il-Papa Franġisku fetaħ l-indirizz tiegħu lis-seminaristi mir-reġjun tal-Marche tal-Italja billi talabhom jimmaġinaw is-Seminarju “bħala l-familja ta’ Nazaret”, fejn Ġesù ġie milqugħ, imħares u ffurmat fid-dawl tal-missjoni fdata lilu mill-Missier. Is-saċerdot huwa filfatt “kontinwament dixxiplu li jimxi fuq il-passi tal-Imgħallem”, u l-formazzjoni tiegħu, kompla l-Papa, tibda fis-seminarju.

Il-Qdusija Tiegħu ndirizza lill-formaturi. Huwa talab biex is-seminaristi jitgħallmu aktar mill-ħajja tal-formaturi tagħhom milli minn kliemhom, kif ġara fid-dar ta’ Nazaret, fejn Ġesù ġie ffurmat fl-iskola tal-“kuraġġ kreattiv” ta’ Ġużeppi. “Jalla jitgħallmu d-doċilità mill-ubbidjenza tagħkom; ħawtiela mid-dedikazzjoni tagħkom; ġenerużi lejn il-foqra mix-xhieda tal-moderazzjoni u d-disponibbiltà tagħkom; paternità mill-għajxien u l-affezzjoni kasta tagħkom”, qal il-Papa.

Il-Papa reġa’ dawwar il-ħsibijiet tiegħu fuq is-Seminaristi. Jalla s-Seminarju jkun għalikom ukoll bħad-dar ta’ Nazaret, “fejn l-Iben t’Alla tgħallem mill-ġenituri tiegħu l-umanità u l-qrubija”. Il-Papa wissa li l-mezzi tal-midja soċjali mhumiex biżżejjed biex tikkomunika. Huwa biss “it-trasformat bil-Kelma t’Alla li tkunu tistgħu tikkomunikaw l-kliem tal-ħajja”. Sabiex jagħmel dan il-Papa Franġisku ħeġġeġ lis-seminaristi biex jiġbdu l-umanità ta’ Ġesù mill-Evanġelju, biex jaqraw, u jaħsbu fl-eżempji tal-ħajja tiegħu. Is-seminarju għandu jresqek eqreb lejn Alla, kompla l-Papa.

Huwa hu jagħlaq id-diskors tiegħu, l-Papa Franġisku ssuġġerixxa ftit ideat rigward l-erba’ dimensjonijiet tal-formazzjoni: umana, spiritwali, intellettwali u pastorali. “L-ewwelnett, titbiegħdux mill-umanità tagħkom” qal il-Papa, imma “iftħuha bis-sinċerità kollha mal-formaturi tagħkom, billi tiġġieldu kontra kull forma ta’ falsità interna”. Rigward l-ispiritwalità, “t-talb m’għandux ikun ritwali, imma opportunità għal laqgħa personali m’Alla, għal djalogu u fiduċja fih”, sostna l-Papa, kif ukoll talab biex l-istudji bħala seminarista “jgħinuh jidħol b’kuxjenza u b’kompetenza fil-kumplessità tal-kultura u l-ħsieb kontemporanju, biex ma jibżax minnhom jew ikun ostili għalih”. U fl-aħħar il-Papa tkellem fuq il-formazzjoni pastorali, li għandha “tħeġġihkom toħorġu b’entużjażmu biex tiltaqgħu man-nies”. Intom saċerdoti biex taqdu lill-Poplu t’Alla, qal il-Papa, “biex tieħdu ħsieb il-feriti ta’ kulħadd, speċjalment il-foqra”. Disponibbiltà għal oħrajn: din hija l-prova żgura tal-iva tagħkom lil Alla.

Fl-aħħarnett, il-Papa Franġisku rringrazzja lil-mexxejja u l-komunitajiet djoċesani għax-“xhieda tal-komunjoni ekkleżjali” mogħtija mid-deċiżjoni tagħhom li jtejbu l-istituzzjoni interdjoċesana u reġjonali tas-Seminarju. Jalla San Ġużepp jakkumpanjakom u jalla l-Madonna tipproteġikom, temm jgħid il-Papa.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-06/pope-audience-seminarians-italy-marche-region.html

Jew id-diskors kollu tal-Papa fuq is-sit: https://www.vatican.va/content/francesco/it/speeches/2021/june/documents/papa-francesco_20210610_seminario-ancona.html

Fil-Laikos issib id-diskors kollu bil-Malti …

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.