San Ġwann Bosco li kellu kariżma għaż-żgħażagħ u t-tfal twieled f’Murialdo fil–Piemonte il–parti tat-Tramuntana tal-Italja, fis- 16 ta’ Awwissu 1815 minn Francesco u Margerita. Ta’ sentejn miet missieru u kellu ħolma fl-età ta’ disa’ snin, fejn Alla ħabbarlu li kien se jinqeda bih u bl–għajnuna tal–Madonna biex imexxi t-tfal u ż-żgħażagħ. Meta sar saċerdot fis-sena 1841 il-ħolma dehret li ser tibda’ titwettaq għax kien ltaqa’ ma’ tifel fqir u ltim u beda jgħallmu l- Katekiżmu. Fis- sena 1859 beda s-soċjetà Salesjana bi sbatax–il ġuvni, u ried li r-reliġjużi tiegħu jaħdmu u jimxu fuq l-Ispirtu ta’ San Franġisk De Sales. Għażel lil Marija bħala Protettriċi tas- Salesjani, u sejħilha Marija Awsiljatriċi jew Marija Għajnuna tal- Insara.
L-ewwel żgħażagħ ipprofessaw fis- sena 1862 u s-Salesjani jħaddnu t-tlett voti bħala mezz ta’ Qdusija. Għalkemm jaħdmu għall–ġid Spiritwali u materjali għandhom il- Kariżma speċjali tagħhom Ii jaħdmu fost it- tfal fqar u ż- żgħażagħ mwarrba mis- soċjeta. Jiftħu oratorji, skejjel u orfanatrofji, u djar oħra għaż- żgħażagħ li għandhom il- vokazzjoni saċerdotali u reliġjuża. Don Bosco kien jemmen fl- Appostolat bill- publikazzjonijiet li kellhom messaġġ Nisrani. Bgħat l-ewwel missjunarji tiegħu fis- sena 1875 fl- Arġentina. Matul ħajtu hu fetaħ 64 dar, u kellu madwar 800 salesjan f’sitt pajjiżi. Hu miet fil -31 ta’ Jannar 1888 f’Turin.
Huma edikaturi li jgħallmu l-iskola u s-snajja, li malajr infirxu madwar id- dinja u llum huma l-aktar fin – numru mill- istituti ta’ ħajja kkonsagrata. Is- Salesjani daħlu Malta fiż- żmien is- suċċessur ta’ Don Bosco r– Rettur Maġġur Don Rua. Bosta tfal u żgħażagħ skoprew lill- Alla u mpenjaw ruħhom fil- ħajja nisranija. Fis- sena 1883 Mons Dun Alfred Farrugia ltaqa ma’ Don Bosco f’Turin, u ħajru biex jintbagħtu s- Salesjani f’Malta, u saħansitra l- Kappillan tal – Parroċċa ta’ Stella Maris ta’ dak iż- żmien Dun Franġisk Vinċenz Manche ried ukoll jiftaħ oratorju. Fis- sena 1889, kiteb lill – Don Rua. L-aqwa benefattur u l-ewwel ko-operatur kien Alfons Maria Galea li għen biex is- Salesjani jidħlu f’Malta fis- sena 1903 hu kien dak li ħejjilhom dar biex igħinu t-tfal fqar u ltima f’Saint Patrick.
L-ewwel Salesjani kienu jew Ingliżi jew Irlandizi iżda dan iż- żmien qed jitmexxa mis- Salesjani Maltin. Is- Salesjani kellhom ukoll dar fejn igħixu u oratorju li beda fis –sena 1908 flimkien ma skola taħt il – ħarsien ta’ Sant Alfons. Dan l-oratroju tmexxa mid- diretturi Sqallin. Illum jilqa bħalha ċentru bosta ġuvintur u xebbiet bejn il- 14 u l-25 sena. Twaqqfu bosta għaqdiet bħal ‘Past Pupils’ u l- ko-operaturi Salesjani li jipprovdu bosta għajnuna biex il- Kariżma Salesjana timxi il- quddiem. Qabel kellna l-Atturi Salesjani li kienu jaħdmu l-aktar drammi sbieh iżda sfortunatament din l-għaqda siewja kellha twaqqaf il- ħidma tagħha minħabba li t- Teatru Salesjan beda jinkera.
Id- Delegat Provinċjali kellu dar fit- Triq San Ġwann Bosco f’Tas Sliema. Is- Salesjani għandhom id- dar Osanna Pija fi triq Rudolfu u infetħet dar oħra ġdida fit- triq Mrabat, imsemmija għal mamma Margerita, Omm Don Bosco biex jilqgħu ż- żgħażagħ li ma għandhomx fejn imiddu rashom. Dan iż-żmien infetah ħanut ġdid tal- kotba fi triq Dingli jismu Librerija Tagħlim Nisrani. Tajjeb li ngħidu li llum, is- Salesjani saru Provinċja għalihom.
Matul is- sena 1910 – 1914, is- Salesjani ħadu ħsieb l- Oratorju li kellhom f’Birkirkara msejjah ‘Domenico Savio’ fejn wieħed mill- akbar benefatturi tiegħu kien in – nutar Mikiel. L. Casolani. Wara dan l- Oratorju għadda f’idejn il- Freres ta’ De La Salle, u wara ħadu f’idejhom is- soċjeta Missjonarja ta’ San Pawl li għada tmexxieh sall- llum. Fis- sena 1946 inbena oratorju f’Għawdex min Dun Pawl Micallef u s- Salesjani bdew imexxuh għal madwar sbatax -il sena, izda sfortunatament, dawn iż- żewġ postijiet ma baqgħux taħt is- Salesjani minħabba nuqqas ta’ vokazzjonijiet. Fis- sittinijiet sar żvilupp sostanzjali għax inbena kulleġġ Savio ġewwa Ħad – Dingli bħalha livell sekondarju, u tfassal proġett ta’ oratorju biex jilqa liż- żgħażagħ ġuvintur u xebbiet u kien jinkludi qasam għal- adulti. Maż żmien l – oratorju resaq aktar lejn ir- Raħal biex is- Salesjani jibdew jipparteċipaw fil- ħajja Parrokjali.
Fil- Kulleġġ Savio qed isir ħidma siwja fost iż-żgħażagħ u laqat importanti ta’ Formazzjoni, għal dawk l-istudenti li għandhom vokazzjoni Salesjana biex jimxu l- quddiem fil- Formazzjoni tagħhom. Dak li qabel kien isir f’Tas Sliema issa beda jitwettaq f’Ħad Dingli. Dan il- Kulleġġ hu mgħammar ukoll bi ‘ground’ eċċezjonali fejn tista issir fih kull xorta ta’ attivita sportiva. Is- Salesjani dan l-aħħar snin fetħu oratroju u għandhom prezenza fl- Isla. Is- Salesjani qed iwettqu fl- artijiet tal- Missjoni speċjalment f’Manouba ġewwa t- Tuneżija fejn għandhom prezenza f’ambjent Musulman li hu diffiċli. Irnexxielhom jifthu skola ta’ livell Primarja li tilqa madwar 650 tifel u tifla. Hija meqjusa bħalha waħda mill- ahjar skejjel, u l- Musulmani jħabirku bis- sħiħ biex uliedhom jirċievu l-aħjar edukazzjoni fiha.
Is- Salesjani jinsabu jaħdmu f’bosta artijiet oħra fl – Indja qalb komunitajiet diversi u għandhom prezenza ukoll fi Suażiland ġewwa l-Afrika, u insibuhom ukoll fl- Awstralja, fl- Ingilterra u l-Italja.
Nitolbu lil qaddis tagħna biex inissel aktar vokazzjonijiet fiż- żgħażagħ li b’ġenerożita’ jilqgħu u jikkollaboraw mas- sejħa tal- Mulej.
Nieħdu l-okkazjoni biex inroddu ħajr ‘l Alla għal – ġid kollu li s- Salesjani qed iwetqu fi gżiritna, u nibqgħu nitolbu biex il- vokazzjonijiet ikomplu jitkattru.
Minn Patri Hermann Duncan O.Carm