L-Isptar tat-Tfal tal-Vatikan jagħmel l-ewwel trapjant tal-qalb minn donatur pożittiv għal Covid

L-Isptar Bambino Gesù wettaq l-ewwel trapjant fid-dinja t’organu minn donatur pożittiv għas-SARS-CoV-2 lil pazjent li huwa negattiv.

Skond stqarrija għall-istampa maħruġa mill-Isptar tat-Tfal tal-Vatikan, it-tifel ta’15-il sena, li rċieva qalb ġdida, ġie kkurat b’antikorpi monoklonali biex jeliminaw r-riskju li jista’ jiżviluppa Covid-19. Il-komunikat spjega li l-proċedura kienet teħtieġ l-approvazzjoni kemm taċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trapjanti (NTC) kif ukoll tal-Aġenzija Farmaċewtika Taljana (AIFA).

Il-Professur ta’ Bambino Gesù, Antonino Amodeo spjega li “fil-qasam pedjatriku huwa iktar ikkumplikat li ssib qalb kompatibbli għal trapjant milli għall-adulti. Fl-aħħar sena, minħabba l-pandemija u r-restrizzjonijiet adottati biex tiġi miġġielda l-firxa tal-virus, dawn id-diffikultajiet komplew jiżdiedu. Li ssib qalb kompatibbli għal trapjant spiss hija opportunità unika. Huwa għalhekk li għamilna dak kollu li stajna biex it-tifel li kien fuq il-lista ta’ stennija jkun jista’ jikseb l-organu li kien qed jistenna. Hija għażla li tista’ tagħmel id-differenza bejn il-ħajja u l-mewt.”

Il-pazjent ta’ 15-il sena li għamel trapjant tal-qalb kellu kardjomijopatija dilatata, kundizzjoni li tfixkel il-kapaċità tal-qalb li tippompja d-demm b’mod effiċjenti lill-ġisem. Il-frekwenza ta’ din il-marda fil-popolazzjoni adulta ġenerali hija ta’ madwar wieħed f’2,500 każ, iżda fit-tfal hija meqjusa rari, b’ 0.57 każijiet għal kull 100,000 persuna.

Iż-żagħżugħ kien ilu fuq il-lista ta’ stennija għat-trapjanti minn Settembru tas-sena li għaddiet. Il-kundizzjonijiet tiegħu marru għall-agħar u kien għadda minn operazzjoni biex jimplimenta qalb artifiċjali, li hija “soluzzjoni temporanja sakemm tkun qed tistenna qalb kompatibbli għal trapjant.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2021-06/vatican-childrens-hospital-heart-transplant-covid19-donor.html

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.