Riflessjoni dwar San Ġwann Battista

Print Friendly, PDF & Email

Forsi meta niftakru fil-missjoni ta’ San Ġwann il-Battista tiġi f’moħħna li kellu missjoni sempliċi iżda fil-fatt dan mhux veru.

1• Iħejji lill-poplu għall-Kristu

L-ewwel parti tal-missjoni tiegħu kien li jipprepara t-triq għall-Messija. Irridu niftakru li Ġwanni l-Battista huwa l-profeta li jgħaqqad it-Testment il-Qadim ma’ dak tal-Ġdid Testment. Bħal kull profeta ieħor Ġwanni kellu messaġġ radikali ta’ bidla. Priedka tiġdid spiritwali li żgur li ma għoġobx lil dawk li kellhom ħafna legaliżmu f’moħħhom iżda ftit spirtu ġenwin. Dan il-fatt insibuh fil-Vanġelu ta’ San Mattew fejn il-Battista xħin ra ħafna Fariżej u Saduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qallhom: “Ja nisel ta’ lifgħat, min għallimkom taħarbu mill-qilla li ġejja? Agħmlu mela frott li jaqbel mal-indiema u la toqogħdux tgħidu fikom infuskom: ‘Għandna lil Abraham b’missier’” (Mt 3, 8).

Mhux biss il-Fariżej u s-Saduċej kienu jmorru għand il-Battista iżda wkoll iżda wkoll il-Pubblikani u s-suldati. Lil tal-ewwel qalilhom biex ma jaħqrux lill-poplu bit-taxxi u lis-suldati wissihom biex ikunu kuntenti bil-paga tagħhom. Fuq kollox il-Vanġelu ta’ San Luqa jgħidilna li kienu jmorru għandu l-“ġmiegħi” (v.7).

F’din il-missjoni li jippriedka u jgħammed filwaqt li jħeġġeġ għat-tiġdid spiritwali żgur li għamillu ħafna għedewwa tant li spiċċa maqful fil-ħabs. Tant kien popolari li kulħadd kien jaħseb  li San Ġwann il-Battista kien il-Messija.

Żgur li waħda mit-tentazzjonijiet li ffaċċja dan il-profeta qaddis kien li jitkabbar. Iżda Ġwanni baqa’ umli u kien jipprietka li għad jiġi min huwa tant aqwa minnu li ma kienx jistħoqqlu jħollu l-qafla tal-qorq tiegħu.

2• Ġwanni jgħammed u juri lil Kristu

Il-Battista kellu l-kuraġġ li jiddikara li “Ara l-ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnubiet tad-dnub tad-dinja” (Ġw 1,29). Hawnhekk naraw il-qofol tal-missjoni tiegħu. Iżda fl-istess waqt mhux talli ħareġ imdarras iżda aċċetta li jgħamed lil Ġesù.

Dan il-qaddis kellu sens ta’ dixxerniment jiġifieri li jagħraf is-sinjali taż-żmienijiet. Dan nistgħu ngħiduh mill-fatt li hu ma kienx jaf min huwa l-Messija; għarfu meta għammdu. Huwa stess jgħid kif għaraf lill-Messija: “U xehed Ġwanni u qal: “Rajt l-Ispirtu, bħall-ħmiema, nieżel mis-sema, u qagħad fuqu. U  jien ma kontx nafu, iżda dak li bagħatni ngħammed b l-ilma qalli: ‘Dak li tara l-Ispirtu nieżel u joqgħod fuqu, dak hu li jgħammed b l-Ispirtu s-Santu.’ U jien rajt u xhidt li dan hu l-Iben ta’ Alla” (Ġw 1, 32-34).

3• Ġwanni jitbaxxa

Meta wieħed jilħaq xi għan li jkollu n-natura umana tittentah biex jikseb aktar. Iżda dan ma ġarax lil Ġwanni l-Battista. Issa l-importanza tiegħu bdiet tonqos. Naqraw fl-Evangelu ta’ San Ġwann: “L-għada rega’ kien hemm wieqaf Ġwanni u t-tnejn mid-dixxipli tiegħu, u, kif ħares lejn Ġesù miexi, qal: ‘Ara l-ħaruf ta’ Alla’. Semgħuh iż-żewġ dixxipli jitkellem u marru wara Ġesù” (1,35-36). Dawn kienu Indri  u l-ieħor li ma jissemmiex kien Ġwanni l-Evanġelista.

Fil-Vanġelu nsibu li wara Ġwanni l-Battista ġie mitfugħ il-ħabs. Iżda anki hemmhekk baqa’ jagħmel il-ġid u jwissi lil Erodi biex iħalli l-ħajja ħażina tiegħu. Insibu li fil-ħabs forsi huwa għadda minn dubju jekk Ġesù kienx il-Messija. Naqraw fl-Evanġelju ta’ San Luqa: “Ħabbru lil Ġwanni d-dixxipli tiegħu fuq dan kollu. U sejjaħ Ġwanni tnejn mid-dixxipli tiegħu u bagħat jgħid lil Ġesù: ‘Inti dak li għandu jiġi jew nistennew ieħor’” (7,18).

Issa Ġwanni l-Battista jidher qisu tellief. Iżda s-suċċess skont il-qies tad-dinja huwa mod u skont il-qies ta’ Alla huwa mod ieħor. Lid-dixxipli ta’ Ġwanni Ġesù għamlilhom eloġju tiegħu tant li qal: “Ngħidilkom li fost l-imweldin min-nisa mhemm ħadd akbar minn Ġwanni; imma l-iżgħar wieħed fis-saltna ta’ Alla huwa akbar minnu” (Lq   7,28).

Il-Battista spiċċa biex ħa l-martirju li bih wieħed jagħti l-aqwa xhieda li jagħti lil Alla l-aqwa ħaġa li għandu jiġifieri ħajtu. Iżda anki l-martirju mhux telf imma tisħib fil-misteru tal-Għid jiġifieri l-passjoni u l-mewt ta’ Kristu.

Il-Battista mhux biss ma ħariġx tellief iżda daħal fil-ħajja eterna u għadna niċċelebraw il-festa u l-kobor tiegħu bħala prekursur ta’ Kristu.

Mill-Battista nitgħallmu li ma npoġġux lilna nfusna u l-interessi tagħna fiċ-ċentru ta’ kollox iżda nippruvaw ninsew lilna nfusna biex inrabbu fina spirtu ta’ qadi nkunu fl-liema stat inkunu. Meta l-bniedem jieħu atteġġjament ta’ qadi allura d-dinja ser tkun aħjar – żgur li jkun hawn aktar paċi kullimkien  filwaqt li Kristu jiġi magħruf u maħbub aktar.

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading