Wara raqda babaw …

X’jista’ jiġrilek aħjar milli torqod raqda tajba? L-aktar jekk tkun għadek kemm taħdem mingħajr waqfien?

Din kienet l-esperjenza li ġarrabt dan l-aħħar wara jum xogħol, il-ħin kollu għaddej, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Ix-xogħol hawnhekk tassew li ma jonqosx. Għax in-nies għandha bżonn titkellem. U meta ssib lil min hu disponibbli li jismagħha ovvja li ħa titkellem. Kemm hu sabiħ li tisma’. Li tkun hemm għal min għandu bżonnok! Imma kulħadd għandu l-limiti tiegħu. Għax kulħadd għandu l-batterija. U ġieli din il-batterija, għalkemm ġejja mill-kumpanija ta’ Tlett Diretturi li huma Unlimited, hi Limited miskina! Għax ħlejqa hi! Impjegata u mhux id-direttriċi! Kemm hemm xogħol u tbatija wara dik iċ-ċoqqa hux! Kemm hu ‘l bogħod mid-diskors ta’ vantaġġi taċ-ċoqqa! Intant …

X’ħin intfajt fuq il-friex kelli l-isbaħ raqda. Fil-fatt kienet raqda raqdun! Fil-fond kemm jista’ ikun. U tkun taf li tkun striħajt tafux għax taf kemm tqum ħafif u ħafifa wara! Ma jkollokx aktar miegħek dak it-toqol u l-mażżri li jitfa’ fuqek ħaddieħor meta fetaħ qalbu u qalbha miegħek. Biżżejjed niftakar f’dan it-toqol ħbieb u, dejjem bil-grazzja tal-Mulej, nasal nikkonkludi kemm hawn nies qed ibatu fis-skiet. Imma min ma jbatix fil-ħajja? Dan biżżejjed torqod 4 sigħat mallejl għax moħħok ikun irid jinfaqa’ bl-inkwiet! Fi ftit kliem, ibati kulħadd. Mill-kbir saż-żgħir. U miż-żgħir sal-kbir.

Madankollu, meta l-Mulej tani l-grazzja li norqod u nqum fuqi bdiet ġejja mewġa ta’ fejqan. U, minn frottha, intabħt li kienet mewġa ta’ barka. Mela x’ħassejt hekk kif qomt minn din ir-raqda-fejqan? Kif ftaħt għajnejja ħassejtni mimli kuraġġ! Min jafni jaf kemm inħobb nużaha l-kelma kuraġġ! Jew meta ngħidha la Franċiża Courage! Aktar ma jgħaddi ż-żmien u aktar ma nosserva l-kukkudrillati li jseħħu madwari, aktar nara l-ħtieġa tal-kuraġġ kemm f’ħajti u kif ukoll f’ħajjet in-nies li l-Mulej ilaqqagħni magħhom. Wara kollox, kif jgħid E.E Cummings, tabilħaqq irid ikollok il-kuraġġ biex tikber u issir dak li int tassew. Madankollu, raqda tajba tgħin biex wieħed jidħol f’din il-mode.

It-tieni barka li rċevejt hekk kif ftaħt għajnejja wara raqda papali ta’ mhux aktar minn siegħa u kwart kienet li l-Mulej tani l-grazzja li nemmen aktar fih u fil-fiduċja li hu għandu fija. Din il-ħaġa hi wisq għażiża għalija. Għax hija verità mill-kbar nett. Illum nistaqsi l-għaliex fil-ħajja jkolli u jkollna tant delużjonijiet. U, ir-raġuni tkun li nagħtu wisq importanza fuq x’jaħsbu fuqna dawk ta’ madwarna. Għaliex il-‘fiduċja’(?) li jagħtuna hi kollox? Fil-verità, din m’hi kollox xejn! Fil-fatt, min isejjes ħajtu fuq il-fiduċja li jagħtih ħaddieħor dak il-bniedem qatt m’hu kuntent. Moħħu dejjem itektek. Għax min, fil-verità, se jafdak u jafdani mija fil-mija? Illum ngħidha: ĦADD! U ħadd l-għaliex fil-ġewwieni ta’ dik il-persuna xorta għaddej it-tape tal-biża li lil min fada għad xi darba jagħmilhielu bil-goff jew bil-pulit.

U allura dan iħallina b’għażla waħda: Il-Mulej biss jafda fina! U jafda fina b’innoċenza. Hu BISS jagħmel dan. Għalhekk il-Bibbja, b’tant għaqal, fil-ktieb ta’ Ġeremija, tgħidilna: Dan jgħid il-Mulej: “Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin, li jfittex il-qawwa tiegħu fil-ġisem, u titbiegħed qalbu mill-Mulej. Ikun bħal siġra tal-għargħar fix-xagħri, li ma tara ebda ġid ġej, li tgħammar f’art tikwi fid-deżert, art mielħa fejn ħadd ma jgħammar. Imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej, u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej. Ikun bħal siġra ħdejn l-ilma mħawla,
b’għeruqha mxenxla lejn il-wied;
ma tibżax meta tiġi s-sħana, il-weraq tagħha jibqa’ jħaddar;
fis-sena tan-nixfa ma tinkeddx,
u ma tehdiex milli tagħmel il-frott (Ġer 17:5-7).

Il-bniedem li jafda fil-bniedem għax jagħmlu alla tiegħu malajr jieħu tisbita. Kif jista’ siġra tal-għargħar tgħix f’art niexfa, maħruqa, bla ilma? U kif tista’, xi darba, tara l-ġid ġej fuqha, l-aktar jekk qiegħdha fl-ambjent u fil-kumpanija żbaljata? Għalhekk, jekk trid li l-fiduċja tfejqek ifraħ f’kemm il-Mulej jafda fik! Alla qed ngħidu u mhux bniedem li, nice kemm hu nice u smart kemm hu smart,xorta waħda jiġbed lejh. Għax lilu nnifsu jrid isalva. Ejjew nafdaw f’dak li ta lilu nnifsu għalina mhux biss fuq is-salib imma wkoll kuljum, fil-Ġisem u d-Demm Qaddisa tiegħu. Dan hu ta’ min jafdah u jħobbu. U, minn Dan nistennew tassew l-imħabba. U minn Dan biss mhux ħa nkunu delużi!

Meta qomt, għax kont mgħarraq fil-preżenza ta’ Dak li jimla kollox f’kollox (Efes 1:23), aktar bdejt nara d-dinja ħanina u li fiha kollox jista’ jiġi issuperat. Ovvja! Mhux id-dinja tasal li se tagħmlu dan. Għax id-dinja hi wkoll tastiera fejn ġieli tħalli lill-Mulej iddoqilha n-noti eżiżtenzjali tiegħu u ġieli tħalli lix-xitan idoqq il-kakofanija tiegħ ukoll. Biżżejjed nisimgħu l-bullettin tal-aħbarijiet inkella nagħtu daqqa t’għajn u naraw dak li qed jiġri madwarna u lil hinn minna. Mela, kemm hu importanti li nibqa’ niftakar li meta nistrieħ fiH kollox nara sabiħ għax li nibda’ nara hu d-dawl tiegħu fuq ir-rejaltà li mhux dejjem tkun rejali.

Ma’ raqda tajba, almenu għall-mument, il-Mulej tani l-grazzja nifhem li l-ħajja hi misteru. Kemm hawn min jiddarras b’din il-kelma. U jirvella u jikkukkudrilla wkoll! X’jirrifletti fik sieħbi li int trid tifhem kollox? Għaliex trid taħkem kollox, anki lil Alla li ħalqek? Ma għejjejtx tikkontrolla? Trid u ma tridx ħiereġ mid-dinja u fin-naqra li fadallek minflok li tgħix sura ta’ nies ħa tibqa’ tikkontrolla! Għal darba intelaq! Xejn xejn l-imrar li ġabek mal-kukkudrilli jkollu ċans joħroġ minnek u tmut fil-paċi!

F’dik il-ħemda, hekk kif qomt minn din ir-raqda, stajt nifhem il-ġmiel li taħfer. U taħfer mill-qalb. Kemm nista’ ngħix aħjar jekk inħalli lill-Mulej Ġesù jaħfer fija u bija! U hi l-maħfra ħbieb li tagħtina l-qawwa li nħejju ruħna għall-kolpi tal-imwieġ li għad iridu jiġu fuqna! Għax il-maħfra hi l-virtù tal-qawwija. F’kelma waħda, ta’ dawk li għalkemm huma dgħajfa jagħrfu li ħajjithom tagħmel sens biss jekk jintelqu f’idejn il-Mulej. Li l-Mulej jagħmel ġustizzja f’ħajjithom. U li meta ħajjithom imexxielhom Hu, u f’idejh ipoġġulu l-weġgħat tagħhom, huma jistgħu jimxu b’kuraġġ, b’qawwa u b’determinazzjoni għal dak li jkunu se jħabbtu wiċċhom miegħu.

Wara din ir-raqda tajba ġew quddiem għajnejja u fil-qalba ta’ qalbi l-kelmiet tant sbieħ tas-Salm 131: Mulej, ma tkabbritx qalbi, anqas ma ntrefgħu għajnejja; jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, jew wara ħwejjeġ ogħla minni. Imma żammejt ruħi fis-skiet u l-mistrieħ, bħal tarbija f’ħoġor ommha; bħal tarbija miftuma, hekk hi ruħi ġewwa fija. Ittama, Iżrael, fil-Mulej, minn issa u għal dejjem! (S 131:1-3). Emmnuni ħuti li aktar kemm niftakar fihom, nixtarrhom u nagħrbilhom aktar inħossni riġenerat, f’saħħti u mifhum. Xi ġmiel meta nibda’ nemmen li l-Mulej tassew jifhimni. U għandu immur biex nitfarraġ! Ħa nfarraġ!

Din ir-raqda ħelwa ġabitni aktar f’sensija tal-fatt li biex nagħti aktar irrid nistrieħ. Għax l-enerġija titlob Enerġija oħra li timlieha biha. Din ir-raqda għallmitni li moħħi u qalbi jinfetħu meta jistrieħu fil-Mulej waqt l-irqad. Huwa f’dan il-mument daqshekk sabiħ u intimu li l-Mulej joħlom il-ħolmiet tiegħu fija. Biex jagħmilni persuna oħra mhux biss għax inħossni hekk imma għax hekk tassew inkun qed insir. Li rrid biss hu … LI NAFDAH NAQRA OĦRA!

Patri Mario Attard OFM Cap