Il-Papa ser jiltaqa’ ma’ delegazzjoni ta’ Nies Indiġeni tal-Kanada

Nhar it-Tlieta, l-Isqfijiet tal-Kanada ħarġu stqarrija fejn qalu li delegazzjoni ta’ Nies Indiġeni ser ikollhom laqgħa mal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku. Din ser issir bejn 17 sal-20 ta’ Diċembru 2021, “biex trawwem laqgħat sinifikanti ta’ djalogu u fejqan”. Din l-aħbar waslet wara d-dikjarazzjoni tal-10 ta’ Ġunju mill-Isqfijiet li fiha esprimew l-impenn tagħhom li jimpenjaw ruħhom b’qalbhom kollha ħalli “jieħdu passi attivi tassew u sinifikanti flimkien mal-Popli Indiġeni fid-dawl ta’ futur mimli b’rispett u kooperazzjoni akbar.”

“L-iskoperta reċenti tal-fdalijiet tat-tfal f’sit tad-dfin ta’ skola residenzjali f’Kamloops, il-British Columbia, tfakkarna f’wirt traġiku li għadu jinħass sal-llum,” qalu l-Isqfijiet. Għalhekk, f’konversazzjoni ma’ nies u komunitajiet indiġeni, kemm fil-livelli lokali, kif ukoll nazzjonali, u bilateralment mal-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-Ewwel Nazzjonijiet, Métis u Inuit, l-Isqfijiet, l-isponsors tal-inizjattiva, qed iħejju delegazzjoni biex jiltaqgħu mal-Papa.

“Il-Papa Franġisku huwa mpenjat ħafna li jisma’ direttament mingħand il-Popli Indiġeni, jesprimi l-qrubija mill-qalb tiegħu, u jindirizza l-impatt tal-kolonizzazzjoni u r-rwol tal-Knisja fis-sistema tal-iskejjel residenzjali”, qalet l-istqarrija tal-Isqfijiet. Iż-żjara se tipprovdi wkoll lill-Papa bl-opportunità li jwieġeb għat-“tbatija tal-Popli Indiġeni u l-effetti kontinwi ta’ trawma interġenerazzjonali”.

L-istqarrija nnutat li ż-żjara pastorali se tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ grupp divers ta’ Anzjani/Mgħallmin tal-Għerf, superstiti ta’ skola residenzjali u żgħażagħ minn madwar in-nazzjon, akkumpanjati minn grupp żgħir t’Isqfijiet u mexxejja Indiġeni. Bħala konklużjoni, l-Isqfijiet Kattolici tal-Kanada esprimew t-tama tagħhom li l-laqgħat li ġejjin se “jwasslu għal futuru komuni ta’ paċi u armonija bejn il-Popli Indiġeni u l-Knisja Kattolika fil-Kanada”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-06/pope-francis-indigenous-people-canada-bishops-dialogue.html

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.