Appell tal-Papa lill-Kattoliċi fl-Art Imqaddsa

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku jappella lill-Kattoliċi tal-Art Imqaddsa hekk kif l-isqfijiet ikkonsagraw il-Lvant Nofsani lill-Familja Mqaddsa

Il-Papa Franġisku, nhar il-Ħadd, ħeġġeġ lill-Kattoliċi fil-Lvant Nofsani biex “ikunu l-melħ tal-artijiet tagħhom” hekk kif l-isqfijiet tagħhom ikkonsagraw ir-reġjun lill-Familja Mqaddsa.

Fis-27 ta’ Ġunju, l-Papa appella f’messaġġ lill-patrijarki Kattoliċi tal-Lvant Nofsani hekk kif il-Mexxejja tal-Knisja nġabru fil-Bażilika tal-Lunzjata f’Nazaret għall-att ta’ konsagrazzjoni.

“Tassew kunu il-melħ tal-artijiet tagħkom, agħtu togħma lill-ħajja soċjali, uru x-xewqa li tikkontribwixxu għall-bini tal-ġid komuni, skond dawk il-prinċipji tad-duttrina soċjali tal-Knisja li tant jeħtieġu li jkunu magħrufa,” kiteb.

Fil-messaġġ, il-Papa esprima l-ferħ tiegħu għall-inizjattiva tal-isqfijiet biex jitlobu għall-paċi fil-Lvant Nofsani u jikkonsagraw r-reġjun lill-Familja Mqaddsa.

Huwa fakkar fiż-żjarat tiegħu fl-Art Imqaddsa, l-Eġittu, l-Emirati Għarab Magħquda, u l-Iraq, kif ukoll fl-appelli tiegħu għall-pajjiżi milquta s-Sirja u l-Libanu. Huwa ħares ‘il quddiem ukoll għal laqgħa tal-mexxejja Nsara Libaniżi fil-Vatikan fl-1 ta’ Lulju.

Huwa qal lill-Mexxejja Kattoliċi tar-reġjun li l-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Ġużeppi, u Marija “tirrappreżenta sew l-identità u l-missjoni tagħkom.”

“Il-Konsagrazzjoni lill-Familja Mqaddsa tlaqqa’ lil kull wieħed minnkom biex terġa’ tiskopri, bħala ndividwi u bħala komunità, l-vokazzjoni tagħkom bħala Insara fil-Lvant Nofsani, mhux biss billi titlobu għarfien xieraq tad-drittijiet tagħkom bħala ċittadini indiġeni ta’ dawk l-artijiet maħbuba, iżda wkoll billi tgħixu il-missjoni tagħkom bħala kustodji u xhieda tal-ewwel oriġini appostolika,” huwa qal.

Il-Papa nnota li matul il-vjaġġ tiegħu fl-Iraq, f’Marzu li għadda, huwa qabbel is-soċjetà ma’ tapit magħmul minn diversi ħjut “li huwa biss meta dawn ikunu ġenb ma’ ġenb li jsir kapulavur.”

“Jekk il-vjolenza, l-għira, l-firda, jistgħu jwaqqgħu anke waħda minn dawk il-ħjut, t-tapit kollu jispiċċa sfigurat. F’dak il-mument, il-proġetti umani ftit li xejn jistgħu jagħmlu effett jekk ma nafdawx fil-qawwa tal-fejqan t’Alla,” huwa qal.

“Tfitxux li taqtaw l-għatx tagħkom minn tnixxijiet avvelenati tal-mibegħda, imma ħallu l-għalqa ta” qalbkom tkun misqija bin-nida ta’ l-Ispirtu, bħalma għamlu l-qaddisin il-kbar tat-tradizzjonijiet rispettivi tagħkom: Koptiku, Maronit, Melkit, Sirjak, Armenjan, Kaldew, Latin.”

Huwa rringrazzja lill-Kattoliċi tal-Lvant Nofsani għax-xhieda u l-perseveranza tagħhom fil-fidi, u ħeġġiġhom biex “jgħixu l-profezija tal-fraternità umana”, li qal ġie espress waqt iż-żjarat tiegħu f’Abu Dhabi u Najaf, u fl-enċiklika tiegħu Fratelli tutti.

Il-konsagrazzjoni tal-Lvant Nofsani lill-Familja Mqaddsa seħħet waqt Quddiesa live-streaming fil-Bażilika tal-Lunzjata li timmarka l-inawgurali “Jum il-Paċi għall-Lvant.”

Il-ġurnata tkun osservata kull sena fil-pajjiżi li jappartjenu għall-Kunsill tal-Patrijarki Kattoliċi fil-Lvant Nofsani: l-Eġittu, l-Iraq, l-Iżrael, il-Libanu, it-territorji Palestinjani, u s-Sirja.

Il-konsagrazzjoni u l-inizjattiva tal-jum tal-paċi tħabbru mill-Patrijarka Pier-battista Pizzaballa f’ittra tal-11 ta’ Ġunju lil ħutu l-isqfijiet.

L-ittra tal-Patrijarka Latin ta’ Ġerusalemm ikkonkludiet bit-test tal-Att ta’ Konsagrazzjoni tal-Lvant lis-Sagra Familja.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.catholicnewsagency.com/news/248159/pope-francis-appeals-to-holy-land-catholics-as-bishops-consecrate-middle-east-to-holy-family

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.