Stedina biex niftħu tieqa fuq realtà lil hinn minn dik li qed naraw

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 21 ta’ Lulju 2021: Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna fl-inawgurazzjoni tar‑restawr tal‑oratorju fil‑Konkatidral u l‑ftuħ tal‑Caravaggio Wing. Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Membri Parlamentari, Rev. Prof. Emmanuel Agius, il-membri kollha tal-Kunsill tal-Fondazzjoni, membri tal-Kapitlu Metropolitan, Sinjura Kuratriċi, Sindku, rappreżentanti ta’ Heritage Malta, Supretendent tal-Beni Kulturali Kurt, u tant personalitajiet distinti, merħba u grazzi tal-preżenza tagħkom.

L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja lill-kelliema ta’ qabli talli wrewna propju dak li qed nistennew li naraw illejla: ambjenti li reġgħu ħadu l-ħajja fis-sbuħija kollha tagħhom. Nixtieq nagħmel riflessjoni qasira fuq il-kelma ‘oratorju’. Illejla se ninawguraw ir-restawr ta’ ambjent ta’ talb, oratorju. Qegħdin ukoll f’ambjent ta’ talb, bħalma qal il-Ministru Herrera, tempju li għal sekli sħaħ kien il-knisja konventwali tal-Ordni ta’ San Ġwann, u minn Napuljun ’il quddiem konkatidral, knisja prinċipali flimkien mal-Katidral tal-Imdina.

Huwa tajjeb li ninsistu fuq l-aspett mużejali ta’ dan il-monument straordinarju, imma jkun jum ta’ biki meta ma jibqax tempju u jsir biss mużew. Anke l-oratorju li aħna se ngawdu r-restawr straordinarju tiegħu b’dawl ġdid, ikun ħasra jekk jispikka l-aspett mużejali a skapitu tal-fatt li huwa oratorju, u min iżuru għandu jikkontempla fuq l-għoti estrem tal-Iben t’Alla magħmul bniedem fiċ-ċiklu tal-passjoni ta’ Ġesu imma wkoll l-għoti tax-xhieda estrema tal-prekursur tiegħu San Ġwann il-Battista, imbagħad is-serje tal-qaddisin tal-Ordni. Aħna ma rridux ninsew li n-narrattiva li qed nammiraw għandha għeruq profondi li jmorru lil hinn mis-sbuħija tanġibbli. Din hi stedina biex niftħu tieqa fuq realtà lil hemm minn dik li qed naraw.

Aħna għandna xorti tajba f’Malta li għandna eżempji straordinarji ta’ sbuħija li kważi mingħajr ma rridu jmexxuna lil hemm mill-materja. Mattia Preti, per eżempju, hu u jpinġi kien kapaċi jħalli l-kulur naturali tal-ġebla tal-franka u jpinġi mhux biss ekonomija kromatika imma f’apprezzament tas-sbuħija tal-materja prima li sab fuq il-gżira. Aħna għandna din ir-responsabbiltà li l-istedina li jagħtina kull oġġett sagru u sabiħ, iwassalna għall-għan tiegħu.

Huwa tajjeb li ninsistu fuq l-aspett mużejali ta’ dan il-monument straordinarju, imma jkun jum ta’ biki meta ma jibqax tempju u jsir biss mużew.

Nixtieq ningħaqad mal-kliem ta’ ringrazzjament ta’ Mons. President lill-Kapitlu Metropolitan talli b’ġenerożità kbira kkonċeda li ngawdu l-Appostolat fuq l-artal li għalih twieled. Aħna grati ħafna lejn il-Kapitlu, għaliex kif qal Mons. Agius, dan il-kapolavur fil-fidda tal-arti Barokka ma sarx muniti tal-fidda mis-suldati Franċiżi għax il-Kapitlu fdieh darba u mbagħad reġgħu kkonfiskawh u reġa’ fdieh darb’oħra.

Dawn huma deċiżjonijiet ibsin li ħadu ta’ qabilna u jabbuna b’ċertu responsabbiltà, kif qal l-Ministru u kif qal ukoll is-segretarju parlamentari. Imma l-ġenerazzjonijiet l-ġodda li qed iżuru dan it-tempju, jifhmu x’inhu tempju? Iċ-ċiklu tal-ħajja tal-Battista li pinġa l-Preti fuq il-volta jagħmel sens għalihom? Jgħidilhom xi ħaġa? Meta jidħlu fl-oratorju u jaraw il-qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann, jafu min hu San Ġwann Battista?

Ruma jgħidulu ‘San Giovanni Decollato’. Hawn min jaħseb li huwa qaddis ieħor peress li qatgħulu rasu. Iċ-ċiklu tal-passjoni għadu jkellem? Jiġifieri l-kultura reliġjuża li minnu ħarġet din is-sbuħija, għad għandha għeruq? Għad għandha futur? Jalla dawn il-mistoqsijiet nagħmluhom aħna u mhux bilfors ikollna risposta.

Jiena kelli x-xorti wkoll inżur ir-restawr waqt li qed isir. Impressjonajt ruħi bil-professjonalità, impressjonajt ruħi wkoll kemm l-oratorju kellu bżonn restawr b’mod speċjali x-xogħol tal-injam li hemm li llum huwa straordinarjament sabiħ. Nirringrazzja lil tant ħaddiema, issemmew kollha, li ħadmu f’sinerġija biex jagħtuna riżultat verament straordinarju.

Nawgura li din il-koperazzjoni sabiħa bejn l-Istat u l-Knisja, li kif qal il-Ministru Herrera se testendi minn hawn u ftit ieħor anke għall-Knisja straordinarjament sabiħa tal-Ġiżwiti, għandha futur. Dawn l-aħħar 20 sena wrew l-għaqal tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca u tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dr Eddie Fenech Adami li ddeċidew jagħmlu din il-fondazzjoni u jaqtgħu darba għal dejjem il-ħafna kwistjonijiet ta’ x’se nagħmlu b’dan il-monument u min se jgawdih l-iżjed. Igawdih kulħadd! Kienet a win win situation. Nawgura li l-fondazzjoni tkompli fiż-żmien.

Nixtieq ukoll nirringrazzja lill-Istat għaliex anke permezz tar-rappreżentanti fil-kunsill u permezz tal-impenn tiegħek, Ministru Herrera, aħna nifhmu li hemm ir-rieda li naħdmu flimkien biex dan il-monument u dan it-tempju jibqa’ jattira nies minn kullimkien mid-dinja u nuruhom x’għandna noffru, u jibqa’ jkun xi ħaġa li tattira l-folol għas-sbuħija li għandna d-dover inkompli nħarsu u nippromwovu. Grazzi ħafna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply