Il-bullying

Print Friendly, PDF & Email

L-aħjar parir li xi ħadd seta’ jtini kontra l-bullying

Mary Martin (1913-1990) kienet stilla tal-films, bl-akbar suċċess tagħha kien fil-film mużikali South Pacific.  Darba stqarret ma’ xi ġurnalisti:

Meta kont għadni l-iskola, kien hemm tifla li għamlitha l-missjoni tagħha biex tikxef id-difetti kollha tiegħi: kemm jien niexfa, injoranta fl-iskola, ngħajjat biex nitkellem, imnieħri mxammar, eċċ.  Darba ma flaħtx aktar u mort irrabjata nibki għand missieri.   Hu qagħad jismagħni bil-paċenzja kollha.  Kif spiċċajt, saqsieni: “Dawn il-ħwejjeġ huma kollha vera?” Qbist jien u għidtlu: “X’għandu x’jaqsam jekk humiex vera jew le?”  U hu qabadli idi u qalli: “Mary, qatt saqsejt lilek innifsek x’tip ta’ tifla int?  Kif iħarsu lejk sħabek tal-klassi?  S’issa  għandek opinjoni ta’ waħda biss minnhom.  Ara x’għandek tagħmel: poġġi bil-qiegħda u ikteb kulma qaltlek dik it-tifla.  Ara liema minnhom huma vera u ara tistax tirranġa xi ħaġa fihom. L-oħrajn tagħtix kashom.”

Għamilt kif qalli u  b’sorpriża kbira sibt li nofshom kienu vera. Minnu li kont niexfa imma fuq dan ma stajt nagħmel xejn. Fuq l-oħrajn sibt li nista’ nirranġa ħafna. Mort nuri l-lista lill-missieri, imma hu qalli:  “ Dik il-lista għalik biss.  Ħadd ħliefek mhu se jkun jaf il-verita’ dwarek  innifsek, dment li tkun smajtha.  Imma trid titgħallem tisma’, mhux tingħalaq fik innisfsek bir-rabja u bl-uġigħ.  Meta tisma’ xi ħaġa dwarek li hi vera, int se tkun taf, għax tirbombja fil-fond ta’ qalbek.”   “Imma ‘l dik it-tifla se nħalliha b’xejn wara li xandritni mal-iskola kollha?” ipprotestajt jien.  Weġibni missieri li kien avukat u president tal-bord tal-iskola: “L-aħjar li ma tagħmel xejn u ma tgħid xejn.  Jew tista’ turiha kemm apprezzajt is-suġġerimenti tagħha li għenuk biex issir bniedma aħjar.  U tara kif ma ddejqetx aktar.”

Dal-parir ta’ missieri reġa’ għeni kemm-il darba f’ħajti, l-aktar meta tħajjart inkanta u nirreċta fuq il-palk.  Wara ħafna  provi fejn ma ġejtx aċċettata, darba ltqajt mad-direttur famuż Jerome Kern li qalli: “Mary, għax qed tipprova timita stilel oħra?  Kun naturali, kun dak li vera int, u kanta u rreċta kif taf int.”

Dan ta bidu għas-suċċess tal-karriera tiegħi.

Minn Edward Tagliaferro

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.