Uliedi għeżież u fidili li qed iżżuruna,
Jidhrilna li jkun nuqqas ta’ sinċerità u ħniena jekk qabel ma ngħaddielkom il-messaġġ spiritwali mħejji għal din l-udjenza, ma ngħaqqdux ma’ tagħkom in-niket li nifdilna qalbna minħabba l-qtil barbaru tal-Onorevoli Aldo Moro, li intom żgur smajtu dwaru mill-aħbarijiet.
Aħna issa se ngħidulkom biss li dal-fatt omiċida hu gravi fih innifsu, u wkoll minħabba r-riperkussjonijiet morali u soċjali li jista’ jħalli warajh. Iżda aħna nixtiequ li l-istess riflessjoni dwar dil-ġrajja tkun sejħa għal kulħadd biex jirrifletti serjament u bil-prattika dwar is-sehem, privat jew pubbliku, hu x’inhu, fil-ħajja soċjali ta’ żmienna, li permezz tiegħu għandna nħossu li mhux biss qed nagħtu sehemna imma wkoll inħossuna b’xi mod responsabbli dwar kif qed tissawwar, fis-sens li lkoll kemm aħna għandna naraw li l-mentalità u d-drawwiet tagħna jkunu mmexxijin minn kuxejnza morali qawwija.
Hemm bżonn li l-ideat u l-opri tajba ta’ kulħadd ikunu aktar preżenti u ta’ fejda akbar fid-dinja tagħna, biex nevitaw id-deġenerazzjoni li t-tmien inġust u traġiku ta’ Statista, twajjeb, seren, kolt u qaddis bħalma kien Aldo Moro ma terġax isseħħ u tkun għalina sinjal li jbeżżana u li jħammrilna wiċċna. Għaldaqstant aħna nixtiequ nitolbu għalih, għall-familjari tiegħu u għal din is-soċjetà kollha li aħna mdawrin biha u li tagħha aħna għandna interess pastorali u mħabba paterna daqskemm jidher li se jkunu ta’ swied il-qalb iż-żminijiet li ġejjin. Itolbu, sofru u ħobbu intom ukoll.
Ara wkoll Talba tal-Papa Pawlu VI fil-funeral ta’ Aldo Moro … https://www.laikos.org/pvi_talba_funeral_aldo_moro_13051978.htm
Aktar mill-Papa Pawlu VI fil-Laikos … https://www.laikos.org/pawluvi.htm