L-Ewkarstija tgħallimna li hemm kontinwazzjoni bejn din il-ħajja u l-ġenna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 8 ta’ Awwissu 2021: Omelija tad-19-il Ħadd matul is-sena mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Knisja ta’ San Ġużepp Ħaddiem, ix-Xemxija.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù qiegħed fis-sinagoga ta’ Kafarnahum, il-belt fejn ġie adottat għal tliet snin, il-belt fejn għal tliet snin għallem u fejjaq wara li telaq minn Nazaret. Silta minn dan id-diskors smajnieha fl-Evanġelju tal-lum mill-kapitlu 6 ta’ San Ġwann fejn jitkellem propju dwar id-djalogu ta’ Ġesù bejn il-Lhud ta’ żmienu li tfixklu meta semgħuh jgħid: “Jiena hu l-ħobż li nizel mis-sema” (Ġw 6:41). Huma kienu jafu li hu minn Nazaret li kien mastrudaxxa, infatti jgħid: “Dan mhuwiex Ġesù, bin Ġużeppi? Lil misseru u ’l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid: ‘Jiena nżilt mis-sema?’” (Ġw 6:42).

B’din il-kelma Ġesù qed jidentifika lilu nnifsu u jurina lilu nnifsu bħala l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. L-inżul mis-sema huwa propju dan: l-Iben ta’ Alla li sar bniedem għalina, li tnissel fil-ġuf ta’ Marija ta’ Nazaret, twieled Bethlehem u trabba ma’ dawn in-nies li kienu jafu min hi ommu, kienu jafu min hu Ġużeppi, u anke min hi l-familja ta’ Ġesù. Imma jinsisti: “Jiena nżilt mis-sema”.

In-nies ta’ din id-dinja huma msejħa biex jagħmlu l-ħajja fuq din l-art mill-aħjar li tista’ tkun.

Hu jerġa’ jinsisti: “Il-Missier bagħtni”. “Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu” (Ġw 6:49). Aħna lkoll immutu għaliex qed jgħidilkom li dak li noffrilkom jien mhux għall-ħajja tad-dinja. Fil-ħajja tad-dinja għandna bżonn l-ikel u x-xorb. Dawn huma elementi essenzjali għalina, mingħajrhom immutu. Qed jipprova jispjega li t-tagħlim tiegħu, hu nnifsu, huwa tant essenzjali għalina li hija kwistjoni ta’ ħajja u mewt. “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja” jgħid. “Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem” (Ġw 6: 48.51).

Din importanti ħafna li nifhmuha għaliex Ġesù mhux qed jitkellem fuq din il-ħajja biss imma fuq il-ħajja ta’ dejjem. Mela t-tagħlim tiegħu, il-kelma tiegħu, il-fatt li jiena nsir nafu u nħobbu, mhux se tgħinni biss f’din il-ħajja imma wkoll hija bieb miftuħ għall-ħajja ta’ dejjem. Dan huwa li jwiegħed Ġesù. In-nies ta’ din id-dinja huma msejħa biex jagħmlu l-ħajja fuq din l-art mill-aħjar li tista’ tkun. . Il-Mulej qed iwegħedna wkoll il-ħajja ta’ dejjem.

Hu jgħid xi ħaġa li għan-nies ta’ żmienu kienet xokkanti ħafna. “Il-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja” (Ġw 6:51). Dan hu li qegħdin niċċelebraw bħalissa, il-quddiesa, l-Ewkaristija. Minn hawn u ftit ieħor se ntellgħu l-ħobż, frott tal-art u xogħol il-bniedem; l-inbid hu frott il-għenba u xogħol il-bniedem. Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Mela aħna nippreżentaw lil Alla elementi li jgħinuna għall-ħajja tal-ġisem: il-ħobż, l-inbid, kollox bil-qies imma l-Mulej jibdilhom f’ikel tas-sema, f’ikel li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem.

B’xi mod l-Ewkarstija stess tgħallimna li hemm kontinwazzjoni bejn din il-ħajja u l-ġenna, bħalma sfortunatament hemm ukoll kontinwazzjoni bejn din il-ħajja u l-infern. L-aħwa, it-tnejn minn hawn jibdew Aħna nistgħu nagħmlu did-dinja infern għalina nfusna jekk insiru skjavi tal-mibegħda, tal-għira, u tal-ħażen. L-infern nibdewh minn issa u nkompluh għal dejjem.

Imma l-ġenna, minkejja dnubietna, nistgħu nibdewha wkoll minn issa. Tgħidli kif? Daqskemm għandi tbatija! Kultant xi ftit inkwiet ma jonqosx, nuqqas ta’ saħħa, allura kif nibda l-ġenna? Ħabib, inti tobgħod lil xi ħadd? Le. Tgħin lill-proxxmu? Iva. Għandek paċi fil-qalb tiegħek? Nipprova. Allura inti qiegħed fuq l-għatba tal-ġenna. Tgħidli: ‘Imma taf kemm għamluli ħsara?’ Imma jekk inti tara lil xi ħadd minn dawn fil-bżonn se tagħmillu l-ħsara? Le. Jekk tarah ħassu ħażin fit-triq, tibqa’ għaddej jew tobżoqlu?  Nieqaf. Mela qiegħed fit-triq it-tajba, għaliex Ġesù meta jgħidilna li “hu l-ħobż tal-ħajja ta’ dejjem,” qed jgħidilna minn issa għaliex il-ħobż li joffrilna nirċevuh issa f’din id-dinja.

Le, aħna mhux fl-aħħar biss nirċevuh lil Ġesù, iżda anke matul it-triq ta’ ħajjitna.

Kemm hi ħaġa sabiħa, anke meta nkunu fl-isptarijiet u fid-djar tagħna, li lill-kappillan tal-parroċċa jew tal-isptar tal-isptar nibagħtulhom risposta li nixtiequ nirċievu l-Ewkaristija. Li t-tfal tagħkom ikunu jafu li tixtiequ titqarbnu. Illum, fir-residenzi tal-anzjani u fl-isptarijiet mhux bilfors jiġi l-patri bil-qanpiena, bħalma kien jagħmel qabel it-tqarbin. Le. Biex kulħadd ikun fil-libertà, irid jistaqsi hu. Imma ħafna drabi din ma nkunux nafuha. Tagħmel ġimgħa l-isptar u tgħid li ħadd ma qarbnek. Sinjura, daż-żmien inti trid titlob għaliha. L-infermiera għandhom id-dover javżaw biex imbagħad is-saċerdot jew il-ministru tat-tqarbin jagħtik l-Ewkaristija. Għaliex? Għax għandna bżonnu ’l Ġesù. Is-sagramenti ma nħalluhomx għall-aħħar ta’ ħajjitna! Le, aħna mhux fl-aħħar biss nirċevuh lil Ġesù, iżda anke matul it-triq ta’ ħajjitna.

Għalhekk l-għażla ta’ dak il-qari sabiħ li smajna tal-profeta Elija li qata’ qalbu u ntelaq għal mejjet. L-anġlu taptalu fuq spallejh jgħidlu: “Qum, kul” (1 Slat 19:5) ħalli tkompli timxi fit-triq għal darba, darbtejn. Dak huwa xbieha sabiħa tal-Ewkaristija li hija vjatku. ‘Vjatku’ huwa xi ħaġa li tieħu miegħek għal mat-triq, qisu packed lunch. L-Ewkaristija għalhekk hija viaticumvia, għax huwa l-ħobż tal-pellegrini u ta’ dawk mexjin fil-ħajja.

Mela llum nitolbu ’l Mulej biex aħna nersqu lejn dan l-ikel. Jekk tgħidli li inti mimli dnubiet, mela allura qerr. Itlob lis-saċerdot jaħfirlek f’isem Ġesù. It-tqarbina stess taħfer id-dnubiet venjali, dawk nagħmlu minnhom bil-gzuz matul il-ġurnata. It-tqarbina stess taħfirlek dawk id-dnubiet. Meta jkollna xi wieħed naqra iżjed oħxon, immorru għand is-saċerdot midneb bħalna u ngħidulu: ‘Imma l-Mulej tak din il-qawwa li jien m’għandix, li taħfirli dnubieti, f’ismu’. Kemm hi ħaġa kbira din il-ħaġa u hekk inħejju ruħna biex nilqgħu dan il-ħobż tal-ħajja li huwa għall-ħajja mhux għall-punt tal-mewt u li jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Slat 19:4-8
Salm: 33(34):2-3,4-5,6-7,8-9
Qari II: Efes 4:30–5:2
Evanġelju: Ġw 6:41-51

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: