IT-TLUGĦ FIS-SEMA TA’ MARIJA —- IFAKKARNA FIL-VALURI SPIRITWALI
Il-festa tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija tgħallimna li aħna li qegħdin ngħixu f’din id-dinja qatt ma għandna nitilfu l-perspettiva tal-eternità.
1• Nagħmlu l-almu tagħna f’din id-dinja
Dment li aħna f’din id-dinja rridu nagħmlu l-almu tagħna biex ngħixu diċenti. Veru li Alla jipprovdi iżda kien huwa stess li waqqaf il-liġi tax-xogħol. Bih il-bniedem jiżviluppa t-talenti tiegħu u permezz tal-paga jgħix huwa flimkien ma’ dawk li jiddependu minnu. Iżda hemm it-tentazzjoni li l-bniedem jingħalaq fiċ-ċirku ta’ din il-ħajja – xogħol u xi ftit divertiment u jinsa l-ħwejjeġ spiritwali.
Il-Vanġelu ma jgħallimniex li ma għandniex nagħtu kas ta’ din il-ħajja. Iżda filwaqt li nkunu responsabbli u nagħmlu l-aħjar tagħna ma għandniex ninsew il-ħwejjeġ spiritwali. Il-ħajja ta’ din id-dinja rridu nanimawha permezz tat-tjubija, tal-karità tal-proxxmu, il-ħniena, mogħdrija, u maħfra tal-għedewwa.
Dan kollu jgħinna nikkonkludu li fid-dinja għandna nħarsu daqqa ʾl isfel biex nagħmlu dmirijietna u daqqa ʾl fuq lejn id-dar tagħna fis-Sema. Inkunu niżbaljaw jekk inħarsu dejjem ʾl isfel u ninsew l-eternità jew dejjem ʾl fuq u nittraskuraw l-impenji tagħna li jitlob l-istat ta’ ħajitna.
2• L-Assunta tistedinna nħarsu lejn is-Sema
Il-festa tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija tgħinna nħarsu ʾl fuq filwaqt li tfakkarna li għandna ngħixu ħajja tajba f’din id-dinja. Talba mill-Liturġija tas-Sigħat għal din il-festa tgħidilna: “O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int tellajt fil-glorja tas-Sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa, Marija, Omm Ibnek; agħmel li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjeġ tas-Sema, biex jistħoqqilna sehem magħha fil-glorja li tajtha.”
Din il-festa tgħallimna li l-qagħda tagħna f’din id-dinja għad tispiċċa. Il-ħwejjeġ materjali huma hemm biex nużawhom u mhux biex norbtu qalbna magħhom. Santu Wistin jgħidilna li qalbna ma ssibx mistrieħ jekk mhux f’Alla. Dan narawh mill-esperjenza li dejjem rridu u nixtiequ ħwejjeġ jew sitwazzjonijiet ġodda. Din hija turija li dejjem qegħdin infittxu u dawn ix-xewqat għall-ġdid isibu l-mistrieħ tagħhom fil-ġenna.
U proprju dan tfakkarna din il-festa tal-lum. Il-Verġni Marija wara ħajja ta’ tbatija f’din id-dinja hija ġiet mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem mill-anġli. Issa Marija waslet fid-destinazzjoni finali tagħha. Hija ta’ konsolazzjoni kbira li waqt il-provi tal-ħajja naraw xbiehat tal-Assunzjoni mdawwra mill-anġli u l-Appostli qegħdin iħarsu ʾl fuq mimlija kollha stagħġib.
3• L-Asssunta tfakkar li d-dar aħħarija tagħna hija l-ġenna
Din id-dehra tal-Assunta tfakkarna dak li jgħid San Pawl fit-tieni ittra lill-Korintin: “Għax aħna nafu li jekk it-tinda tal-għamara tagħna fl-art tiġġarraf, għandna dar oħra, xogħol ta’ Alla. Għamara mhix maħduma minn id il-bniedem, li ddum għal dejjem, fis-sema” (5,1).
Jekk għandna dar fis-Sema għandna nagħmlu kuraġġ u nieħdu b’viżjoni ta’ fidi l-ġrajjiet u s-sitwazzjonijiet li ngħaddu minnhom. Dan ikun pass kbir lejn il-mixja tagħna lejn is-sema pajjiżna. Jekk ngħixu dan l-istil ta’ ħajja nkunu qegħdin nimxu fuq il-passi tal-Verġni Marija li Alla għamel magħha ħwejjeġ kbar.
Inkunu niżbaljaw jekk naħsbu li l-Assunzjoni ta’ Marija għandha tfakkarna biss fis-salvazzjoni tar-ruħ fil-ġenna. Iżda għandha tfakkarna wkoll fil-qawmien tal-ġisem fl-aħħar jum. Kif Kristu qam minn bejn l-imwiet bir-ruħ u l-ġisem aħna għad inqumu wkoll b’ġisem glorjuż. Alla għamel dan b’mod mill-aktar speċjali mal-Verġni Marija.
Dan kollu jfakkarna li r-reliġjon nisranija hija waħda ta’ ferħ. Toffri salvazzjoni mhux biss għar-ruħ iżda għall-ġisem ukoll. Mhux ta’ b’xejn li din il-festa tissejjaħ ukoll l-Għid tal-Assunta.
Minn Angelo Xuereb