L-Ewwel Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – L-Erbgħa.
Qari I
Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.
1 Sam 3, 1-10.19-20
Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel
F’dak iż-żmien, iż-żagħżugħ Samwel kien jaqdi l-Mulej ma’ Għeli; imma l-kelma tal-Mulej kienet rari f’dak iż-żmien, ftit kien hemm dehriet. Ġara li, jum wieħed, Għeli kien mistrieħ f’postu, għax għajnejh kienu bdew jintfew, u ma kienx jista’ jara. Il-musbieħ ta’ Alla kien għadu ma ntefiex, u Samwel kien mimdud fit-tempju tal-Mulej, fejn kien hemm l-arka ta’ Alla.
Il-Mulej sejjaħ: “Samwel!” U dan wieġeb:”Hawn jien!”. U mar jiġri għand Għeli u qallu: “Hawn jien, għalfejn sejjaħtli?” Wieġeb: “Ma sejjaħtlekx, erġa’ mur imtedd”. U raġa’ mar jorqod.
U ssokta l-Mulej isejjaħ: “Samwel!” U Samwel qam u mar għand Għeli u qallu: “Hawn jien! Għalfejn sejjaħtli?” Wieġeb: “Ma sejjaħtlekx, ibni, erġa’ mur orqod”. Samwel kien għadu ma għarafx il-Mulej, u anqas kienet għadha ma ttgħarrfitlu l-kelma tal-Mulej. U ssokta l-Mulej isejjaħ: “Samwel!” għat-tielet darba. U dan qam, u mar għand Għeli, u qallu: “Hawn jien! Għalfejn sejjaħtli?”. U Għeli fehem li l-Mulej kien qiegħed isejjaħ iż-żagħżugħ. U qal lil Samwel: “Mur orqod. Jekk jerġa’ jsejjaħlek, wieġeb: “Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’”.“ U Samwel mar jorqod f’postu. U l-Mulej ġie, waqaf ħdejh, u sejjaħ bħal drabi oħra: “Samwel! Samwel!” U Samwel wieġeb: “Tkellem, għax ilqaddej tiegħek qiegħed jisma’!”. Samwel kiber, u l-Mulej kien miegħu, u ma ħalla ebda kelma milli qal tmur fix-xejn. U Iżrael kollu, minn Dan sa Birsaba, għaraf li Samwel kien tassew profeta tal-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 39 (40), 2 u 5.7-8a.8b-9.10
R/. (ara 8a u 9a): Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek
Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej;
hu niżel ħdejja u sama’ l-għajta tiegħi.
Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu,
u ma jmurx mal-kburin, mogħtija għall-gideb. R/.
Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti;
imma widnejja inti ftaħtli;
ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.
Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej. R/.
Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi
li nagħmel ir-rieda tiegħek.
Alla tiegħi, dan jogħġobni;
il-liġi tiegħek ġewwa qalbi”. R/.
Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;
xufftejja ma żammejthomx magħluqa.
Mulej, dan inti tafu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 10, 27
Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej,
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard.
Mk 1, 29-39
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù ħareġ mis-sinagoga u baqa’ sejjer ma’ Ġakbu u Ġwanni għand Xmun u Indrì. Issa omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda bid-deni, u malajr qalulu biha. Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha. U d-deni ħallieha, u bdiet isservihom. Filgħaxija, imbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan. U quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha. U fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard, u ħareġ għadd kbir ta’ xjaten li hu ma kienx iħallihom jitkellmu, għax huma kienu jafu min kien. L-għada filgħodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob. Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh. Kif sabuh, qalulu: “Kulħadd jistaqsi għalik”. U qalilhom: “Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nipprietka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt”. U dar il-Galilija kollha, jipprietka fis-sinagogi tagħhom u joħroġ ix-xjaten.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu