Ġwanni Pawlu II f’Manila

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAGG APOSTOLIKU FIL- PAKISTAN, IL- FILIPPINI,
GUAM (USA), IL-ĠAPPUN U ANCHORAGE (USA)
QUDDIESA GĦALL-BEATIFIKAZZJONI TA’ LORENZO RUIZ
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Manila (Filippini), 18 ta’ Frar 1981

Għeżież ħuti fil-Mulej,

1.Il-belt ta’ Manila u l-Filippini kollha huma mimlijin bil-ferħ f’dan il-jum ladarba qegħdin ikantaw innu ta’ glorja lil Ġesù Kristu. Infatti, skont il-wegħda tal-Vanġelu tiegħu, Kristu verament jagħraf, lill-preżenza ta’ Missieru fis-sema, dawk il-martri fidili li jagħrfuh quddiem il-bnedmin (cf. Mt 10,32).U minħabba  il-viċinanza ta’ Luneta Park lejn Manila l-qadima  “intra muros”, l-innu ta’ glorja lil Alla li issa ġie kantat minn tant ilħna huwa eku tat-“Te Deun” kantat fil-Knisja ta’ Santo Domingo fl-għaxija tas-27 ta’ Diċembru 1637, meta waslet l-aħbar tal-martirju ta’ grupp ta’ sitt insara f’Nagasaki, Fosthom kien hemm il-mexxej tal-missjoni, Patri Antonio Gonzales, Dumnikan Spanjol oriġinarju ta’ Leon, u Lorenzo Ruiz, raġel miżżewweġ, bil-familja, imwieled f’Manila “extra muros”: fis-subborg ta’ Binondo (cf. Positio super Martyrio, Roma, 1979, pp. 478-479).

Dawn ix-xhieda wkoll min-naħa tagħhom kantaw is-salmi lill-Mulej qawwi u ħanin, kemm meta sabu ruħhom fil-ħabs, kif ukoll waqt l-esekuzzjoni tagħhom permezz ta’ forka u qabar li damet tlett ijiem,.

Il-kant ta’ dawn il-martri “maħtura” magħżula, – biex nużaw terminu utilizzat mill-predeċessur tiegħi Benedittu XIV – kien segwit f’Manila, dak iż-żmien bħallum, mill-kant ta’ ringrazzjament għall-martri issa “kkumsmati” u “gglorifikati””. “Te martyrum candidatus laudat exercitus”: huma tassew jappartienu verament għax-xirka b’ilbies abjad, li l-membri tagħha jinkludu dawk tal-leġġjun abjad tal-Ordni tal-Predikaturi.

2. Fl-istess ħin l-innu tagħna huwa innu ta’ fidi li jirbaħ id-dinja (cf. 1Ġw 5,4). Il-predikazzjoni ta’ din il-fidi ddawwal bħax-xemx lil dawk kollha li jixtiequ jiksbu l-għarfien tal-verità. Huwa verament, ukoll jekk hemm lingwi differenti fid-dinja, li l-qawwa tat-tradizzjoni nisranija hija l-istess. U hekk, bħal jew fi Spanja jemmnu u jgħallmu b’mod mhux differenti mill-Knejjes imwaqqfa fil-Lvant jew fir-reġġjuni ċentrali tad-dinja (cf. Sant’Irinew, Adversus haereses, I, 10, 1-3: PG 7, pp. 550-554).

Għalhekk insellem b’imħabba profonda fi Kristu Ġesù lill-Knejjes Ewropej tal-Italja, Franza u Spanja u lill-Knejjes Ażjatiċi fit-Taiwan, il-Macao, il-Filippini iu l-Ġappun, hawn rappreżentati jew talinqas spiritwalment għal din iċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni tas-sittax-il martri li jappartienu lilhom minħabba twelid, xogħol spiritwali jew martirju.

3. Il-Mulej Ġesù b’demmu tassew feda lill-qaddejja tiegħu, miġbura minn kull razza, lingwa, poplu jew nazzjon, biex jagħmel minnhom saċerdozju rjali għal Alla tagħna (cf. Ap 5,9-10). Is-sittax-il martri beati, bl-eżerċizzju tas-saċerdozju tagħhom – dak tal-Magħmudija jew tal-Ordni Sagri –  wrew l-ikbar att ta’ adorazzjoni u ta’ mħabba lejn Alla bis-sagrifiċċju ta’ demmhom magħqud mas-Sagrifiċċju ta’ Kristu, propju dak tas-Salib. B’dan il-mod huma imitaw lil Kristu, saċerdot u vittma, fil-mod l-iktar perfett possibbli għall-krejaturi umani (cf. San Tumas, Summa theologiae, II-II, q. 124, a. 3). Fl-istess ħin kien l-ikbar att ta’ mħabba li wieħed jistà jagħmel għal ħutu għall-imħabba ta’ liema aħna lkoll imsejħa biex nissagrifikaw ruħna, billi nsegwu l-eżempju ta’ Bin Alla li ssagrifika lilu nnifsu għalina (cf. 1Ġw 3,16).

4. Dan huwa dak li għamel Lorenzo Ruiz. Immexxi mill-Ispirtu Santu lejn terminu mhux mistenni wara vjaġġ avventuruż, huwa qal lill-imħallfin li kien nisrani, u li kellu jmut għal Alla, u li kien lest jagħti ħajtu għalih ukoll elf darba (cf. Positio super Martyrio, p. 417).

“Kahit maging sanglibo man / Ang buhay n’yaring katawain / Pawa kong ipapapatay, / Kung inyong pagpipilitang/ Si Kristo ‘y aking talikdan” (Ukoll li kienu elf darba / l-ħajjiet ta’ dan il-ġisem / kont nara li jinqerdu kollha / jekk intom tisfurzawni / biex nagħti dahri lil Kristu).

F’dan il-kliem insibu sintesi tal-personalità tiegħu, deskrizzjoni tal-fidi tiegħu u tar-raġuni ta’ mewtu. Kien f’dan il-waqt li dan iż-żagħżugħ  missier ta’ familja ipprofessa u wassal għat-twettiq il-katekeżi nisranija li kien irċieva fl-iskola tal-Patrijiet Dumnikani ta’ Binondo: katekeżi li ma setgħetx tkun oħra għajr kristoċentrika, kemm minħabba l-misteru li tiġbor fiha kif ukoll minħabba l-fatt li huwa Kristu li jgħallem permezz tax-xuftejn tal-messaġġier tiegħu (cf. Ġwanni Pawlu II, Catechesi Tradendae, 5-6).

 Din hija l-essenza nisranija tal-ewwel Beatu tan-nazzjon Filippin, li l-eżaltazzjoni tiegħu tallum hija l-punt kulminanti tassew adegwat għaċ-ċelebrazzjoni tar-rabà ċentinarju tal-Arċidijoċesi ta’ Manila. Propju kif il-Knisja żagħżugħa ta’ Ġerusalem ħolqot l-ewwel martri għal Kristu fil-persuna tad-djaknu Stiefnu, hekk il-Knisja żagħżugħa ta’ Manila, imwaqqfa fl-1579, tat il-ħajja lill-ewwel martri tagħha fil-persuna ta’ Lorenzo Ruiz, li kien serva fil-Knisja parrokkjali ta’ San Gabriel f’Binondo. Il-parroċċa lokali u l-familja, knisja domestika, huma tassew iċ-ċentru tal-fidi li hija migħuxa, mgħallma u mistqarra.

5. L-eżempju ta’ Lorenzo Ruiz, iben missier Ċiniż u ta’ omma Tagala, ifakkarna li l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda, il-ħajja kollha għandha tkun għad-dispożizzjoni ta’ Kristu. Li nkunu nsara jfisser li nagħtu kull jum, bi tweġiba għad-don ta’ Kristu li ġie fid-dinja sabiex ilkoll inkunu nistgħu ikollna l-ħajja u li jkollna din b’abbundanza (cf. Ġw 10,10). O, kemm eżatt dan huwa espress fit-tema taż-żjara tiegħi f’dan il-Pajjiż: Tmut għall-fidi huwa don għal xi wħud; tgħix bil-fidi hija sejħa għal kulħadd. Jiena ġejt mill-belt tal-martri Pietru u Pawlu f’din il-kapitali biex inkellimkom dwar is-sinifikat tal-eżistenza tagħna, dwar il-valur tal-għixien u l-mewt għal Kristu. U dan huwa dak li nixtieq insostni b’dan l-att ta; beatifikazzjoni, mixtieq minni u mill-predeċessur tiegħi Pawlu VI, u mitlub mid-diversi knejjes lokali u mill-Ordni Dumnikana.

6. Imma l-figura amabbli tal-ewwel martri Filippin ma tkunx mifhuma għal kollox fil-kuntest tagħha storiku jekk ma tkunx iċċelebrata x-xhieda mogħtija mill-ħmistax sħabu, li kienu mmarterizzati fl-1633, 1634 u 1637. Dawn jiffurmaw grupp immexxi minn żewġt irġiel: Domingo Ibañez de Erquicia, vigarju provinċjali tal-missjoni Ġappuniża imwieled f’Regil fid-dijoċesi Spanjola ta’ San Sebastjan: u Jacobo Kyuhei Tomonaga, imwieled f’Kyudetsu fid-dijoċesi ta’ Nagasaki. It-tnejn kienu jappartienu lill-Provinċja Dumnikana tar-Rużarju Mqaddes fil-Filippini, imwaqqfa fl-1587 għall-evanġelizzazzjoni tal-Lvant imbiegħed. Il-grupp kollu ta’ sħab Lorenzo kien magħmul minn disà saċerdoti, żewġ brothers ipprofessati, żewġ membri tat-Terz Ordni, katekista u  gwida-interpretu. Disà kienu Ġappuniżi, erbà Spanjoli, Franċiż u Taljan, Kellhom mottiv għax-xhieda evanġelika tagħhom: il-mottiv ta’ San Pawl, mgħammed minn Ananija, “li jwasslu lil Kristu lill-ġnus kollha” (cf. At 9,15): “Aħna ġejna l-Ġappun biss biex nippridkaw il-fidi f’Alla u ngħallmu s-salvazzjoni liċ-ċkejknin, lill-innoċenti u lill-kuplament tal-poplu kollu”. B’dan il-mod il-martri Guillaume Courtet ġabar fil-qosor il-missjoni tagħhom quddiem l-imħallfin ta’ Nagasaki (cf. Positio super Martyrio, pp. 412 e 414).

7. Se jkolli l-pjaċir li nitkellem mill-ġdid dwar dawn l-appostli qalbiena fi ftit jiem oħra ġewwa Nagasaki, qrib l-għolja mqaddsa msejħa Nishizaka, fejn huma ġarrbu l-martirju. Għall-post tal-mewt huma kienu kollha Ġappuniżi. Dak l-arċipelagu kien l-art tat-twelid definittiv tagħhom, it-twelid li jwassal lil ulied addottivi ta’ Alla fid-dawl etern.

8. Għal issa, ladarba inqisu l-post fejn huma se jkunu bbejatifikati, irrid nieqaf fuq il-fatt li l-belt ta’ Manila, il-gżira ta’ Luzon u l-gżira ta’ Formosa, li f’dak iż-żmien kienu jinsabu taħt gvern ċivili uniku, kienu l-punt tat-tluq wiesà u providenzjali tad-disà saċerdoti li iktar tard salpaw għal Nagasaki. Huma eżerċitaw il-ministeru saċerdotali fost iċ-Ċiniżi tas-subborgi ta’ Binondo, fost il-kolonja Ġappuniża ta’ Manila, fost il-ġnus tar-reġġjuni ta’ Bataan, Pangasinan, Cagayan u fit-tramuntana estrema ġo Formosa.

Uħud minnhom kienu nkarigati li jgħallmu fil-Kulleġġ ta’ San Tumas f’Manila, li fl-1645 sar l-Università Pontifiċja attwali, l-iktar waħda antika u kbira tal-Lvant imbiegħed.

Erbgħa mill-beati l-ġodda kienu professuri tal-Kulleġġ, wieħed kien ukoll Rettur, u l-ħames wieħed kien studja hemm. Fl-ewwel seklu ta’ evanġelizzazzjoni tal-Lvant imbieghed, mibdi bil-predikazzjoni ta’ San Franġisk Saverju, il-gżejjer Filippini kienu diġa, f’din l-istituzzjoni universitarja, mezz ieħor biex iwettqu l-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni (cf. Ġwanni Pawlu II, Sapientia Christiana: AAS 71 [1979] 478).Programm fruttuż immirat għat-tagħlim tat-tejoloġija u għall-propagazzjoni tal-fidi, li sallum għadu jikber fil-valur mill-wirt kulturali tal-Filippini u mħeġġeġ mill-ispirtu nisrani, huwa strument idoneju għat-tixrid tal-Vanġelu  (cf. Ġwanni Pawlu II, Sapientia Christiana, AAS 71 [1979] 479). L-amalgamazzjoni armonjuża tal-fidi u tal-kultura hija espressa mill-poeta Filippin u eroj nazzjonali, José Rizal, f’dawn il-versi:

Traduzzjoni Maltija tal-versi ppronunzjati bil-lingwa Spanjola

Hekk l-edukazzjoni allejanza stretta / mar-reliġjon alma tingħaqad sinċiera: / għaliha l-edukazzjoni tikseb interess’ / gwaj tkun għama billi tirrifjuta / mir-reliġjon qaddisa id-duttrini għorrief, / mill-kurrent pur tagħha taħrab vilment (cf. José Rizal, Alleanza Intima tra la Religione e l’Educazione, 19 aprile 1876).

Għal din ir-raġuni jibqà iktar qawwi dmiri u l-ispeċifiku tal-ministeru tiegħi li nwettaq lil ħuti fil-verità (cf. Lq 22,32), u li ntenni lill-missjunarji, lill-istudenti tax-xjenzi tejoloġiċi u umanistiċi, kif ukoll lill-kattoliċi kollha tal-Asja Orjentali, il-kliem ta’ Kristu: “Intom ix-xhieda tiegħi… sa truf l-art” (At 1,8).

9. Ejjew nisfurzaw biex “nimitaw l-impenn tal-fidi u l-fedeltà tal-impenn” ta’ dawk, li permezz tad-dmir missjunarju diffiċli, aċċettaw b’ferħ u b’determinazzjoni, vjaġġi iebsin, diffikultajiet ta’ klima, tradiment saħansitra minn ħbiebhom, privazzjonijiet ta’ kull xorta u torturi terribbli. Huma kienu hekk namrati tal-Passjoni ta’ Kristu li setgħu jgħajtu: bħal Miguel de Aozaraza fil-meditazzjoni tal-feriti ta’ Kristu: “X’karattru kkulurit, x’ward aħmar imferrex għal imħabbtek, Alla tiegħi!” (cf. Positio super Martyrio, p. 446). Huma talbu lil Marija kif għamel biex tfejjaqhom mill-mard b’mod li jkunu jistgħu jmutu biss bħala vittmi għal Kristu  (cf. Positio super Martyrio, p 298).

Jiena nafda dan kollu lil Marija, li, bir-rużarju tagħha, għenet lill-martri tagħna biex jimitaw u biex iħabbru lil Binha biex ikunu għassiesa bla biżà ta’ kelmtu, bħan-nisa qalbiena Maddalena ta’ Nagasaki u Marina ta’ Omura.  Jiena nafda d-destin tal-Filippini u tal-Asja kollha lil Marija, Sultana tar-Rużarju, li bit-titolu ta’ “La Naval” hija meqjuma bħala għassiesa tal-libertà tal-fidi kattolika.

10. Dan huwa s-sinifikat sħih ta’ din il-beatifikazzjoni: li nagħti l-kuraġġ lill-insara kollha tal-Lvant imbiegħed u biex inferrex il-kelma ta’ Alla (cf. 2Ts 3,1). U b’mod speċjali dan ngħidu lilkom Filippini, li tikkostitwixxu l-uniku nazzjon predominantement kattoliku f’din il-parti orjentali tal-kontinent Ażjatiku. Din hija stedina li nestendi wkoll għall-insara kollha tal-artijiet viċini li jmissu l-Oċejan Paċifiku li huwa bħala simbolu tat-tiftix ta’ Alla deskritt minn Santa Katerina ta’ Siena: “Baħar profond, li fih iktar ma nissogra jien, iktar insib: u iktar ma jien insib, iktar jien infittxek. Int ma jxebbek xejn, għaliex meta r-ruħ temmen li se tixba fl-abbiss tiegħek, ma tkunx imxebbà, imma tibqà dejjem bil-ġuħ tiegħek, bil-għatx tiegħek, mixtieqa li tarak fid-dawl tad-dawl tiegħek” (Santa Katerina ta’ Siena, Dialoghi, cap. 167).

Maħbubin uliedi: f’nofs l-isforzi meħtieġa għall-ħajja tagħna nisranija u għat-tixrid tad-dawl ta’ Kristu fl-Asja kollha u fid-dinja kollha kemm hi, ejjew illum inħarsu lejn dawn il-martri żelanti li jispirawna sikurezza profonda u tama ħajja meta jgħidulna: “F’dan kollu aħna aktar minn rebbeħin minħabba fih li ħabbna” (Rm 8,37). U dan huwa l-misteru li aħna niċċelebraw illum: l-imħabba ta’ Ġesù Kristu, li hija d-dawl tad-dinja. Amen.


Wara lomelija

Traduzzjoni Maltija tat-tislim ippronunzjat bil-lingwa Spanjola

F’din iċ-ċerimonja għall-beatifikazzjoni tal-ewwel martri Filippin u tal-ħmistax-il sieħeb tiegħu li taw ħajjithom għall-fidi fi Kristu, irrid infakkar fil-lingwa tagħhom lill-erbà martri Spanjoli Domingo Ibañez de Erquicia, Lucas Alonso, Antonio Gonzalez u Miguel de Aozaraza.

Din hija qima li voluntarjament nixtieq nirrendi fl-ewwel post lil dawk li, waqt li segwew il-passi ta’ San Franġisk Saverju u it-tagħlim tal-fundatur tal-ordni tagħhom San Duminku ta’ Guzman, ferrxu l-fidi nisranija f’dawn l-artijiet u offrew ix-xhieda suprema ta’ fedeltà lejn il-Knisja.

Fl-istess ħin hija qima doveruża ta’ tifkira grata lil Spanja, li tul il-korsa ta’ erbà sekli u nofs attwat l-evanġelizzazzjoni tal-Filippini, billi għamlet minnhom l-unika nazzjon tal-Lvant bil-maġġoranza kbira kattolika, Nifraħ li nistà nipproklama dan fil-preżenza tal-Missjoni straordinarja Spanjola li ġiet biex tassisti għall-beatifikazzjoni u magħha, unitament lill-konnazzjonali tal-beati l-ġodda hawn miġbura, nindirizza t-tislima kordjali tiegħi u l-ħsieb ta’ pjaċir tiegħi.

Traduzzjoni Maltija tat-tislim ippronunċjat bil-lingwa Franċiża

Għal dan il-għan jien kuntent li nsellem lill-membri, ċivili u ekkleżjastiċi, tad-Delegazzjoni li ġiet minn Franza, u b’iktar preċiżjoni minn Montpellier, dijoċesi tal-oriġini tal-Patri Guillaume Courtet. Kunu mkabbra, għeżież ħbieb, b’dan l-iben ta’ Pajjiżkom, li jtina xhieda hekk għolja tal-vokazzjoni reliġjuża tiegħu, taż-żelu missjunarju l-iktar pur u tal-imħabba għal Kristu fuq kollox.


Tislim ippronunzjat bil-lingwa Taljana

F’din iċ-ċirkostanza sollenni nixtieq insellem, fl-aħħarnett, lit-Taljani li qegħdin jieħdu sehem fir-rit. Lilhom nixtieq nesprimi l-pjaċir tiegħi, u dak tal-Knisja kollha, għall-preżenza, fil-grupp tal-beati martri l-ġodda, ukoll ta’ konnazzjonali tagħhom: is-saċerdot dumnikan Giordano Ansalone. Jalla l-beatu l-ġdid jinterċedi quddiem Alla sabiex it-Taljani konxji mit-tradizzjoni nisranija għanja tagħhom, li animat u ffertilizzat l-istorja kollha tagħhom, il-kultura tagħhom, l-arti tagħhom, jagħtu xhieda kontinwa u eżemplari ta’ ħajja, immodellata fuq il-messaġġ ta’ Ġesù.

Traduzzjoni Maltija tat-tislim ippronunzjat bil-lingwa Ingliża

Nixtieq ukoll nesprimi l-ferħ tiegħi għall-preżenza tad-delegazzjoni uffiċjali tal-Ġappun. Irrid qabel kollox ngħid li hija aspettattiva kbira li nmur, fi ftit jiem oħra, f’Pajjiżkom, u allura nagħti qima partikolari lill-martri li llum ġew ibbejatifikati. Minn sittax, disgħa kienu Ġappuniżi. Dan in-numru konsistenti huwa unur kbir mogħti lin-nazzjon tagħkom u lill-Knisja kattolika fil-Ġappun. Jalla x-xhieda erojka tal-martri tittraduċu ruħha f’sors ta’ ispirazzjoni u ta’ tama għal dawk kollha li jemmnu.

Biex nikkonkludi, it-tislima tirgħi tmur għad-delegazzjoni uffiċċjali tal-Filippini u lill-Eċċellenza Tagħha, il-President Marcos. F’din l-ewwel ċerimonja ta’ beatifikazzjoni li qiegħda ssir barra minn Ruma, u f’dan l-ewwel beatu Filippin, Lorenzo Ruiz, għandkom raġuni ta’ eżultanza kontinwa. U l-Knisja kollha tifraħ magħkom, magħquda f’leħen wieħed, biex tfaħħar il-kobor ta’ Alla u l-għeġubijiet ta’ mħabbtu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.