Ġwanni Pawlu II f’quddiesa għall-paċi

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-PAKISTAN,IL- FILIPPINI,
GUAM (USA), IL-ĠAPPUN U ANCHORAGE (USA)
QUDDIES FIL-QUEZON CIRCLE
GĦALL- PAĊI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Manila (Filippini), 19 ta’ Frar 1981

Għeżież

Hawn fi Quezon Circle smajna l-kliem tal-Mulej tagħna Alla kif irrapportat mill-Profeta Iżaija: “Paċi għal dawk fil-bogħod u għal dawk fil-qrib, jgħid il-Mulej; jien se nfejjaqhom” ( 57,19). U meta llum inħares lejn din l-assemblea kbira, inxandrilkom ilkoll. Fil-qrib u fil-bogħod il-paċi tal-Mulej, il-paċi ta’ Kristu! Mal-Appostlu Pietru jiena ngħid: “Paċi lilkom ilkoll li intom fi Kristu” (1Pt 5,14).

1.  Għeżież u maħbubin ħuti hawn fil-Filippini: aħna llum niċċelebraw il-paċi tal-Mulej tagħna Salvatur Ġesù Kristu: il-paċi li kienet imħabbra mill-anġli fi twelidu; il-paċi li Huwa kkomunika lil dawk kollha li ġew f’kuntatt miegħu matul ħajtu terrena; il-paċi li ta lill-appostli tiegħu meta sab ruħu f’nofshom wara l-qawmien mill-imwiet u qalilhom “Il-paċi magħkom!” (Ġw 20,19).

Aħna qegħdin niċċelebraw il-paċi li Kristu kiseb għalikom permezz tal-Misteru Paskwali tiegħu, bil-passjoni, il-mewt u l-Qawmien mill-imwiet. Aħna nistgħu ngawdu l-paċi għaliex Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex ikun il-feddej tagħna.

2. , U l-paċi li qegħdin niċċelebraw hija l-fidwa tagħna mid-dnub, il-ħelsien tagħna mir-rabja ta’ Alla u mill-kastig etern. Mingħajr Kristu aħna konna nibqgħu, skont kliem Pawlu, “ulied ir-rabja” (Ef 2,3). Imma fis-sewwa ġejna meħlusa minn Kristu; kollox huwa ġdid fir-rapport tagħna ma’ Alla. Kristu rrikonċiljana miegħu “billi wettaq il-paċi bid-demm fuq is-salib” (Kol 1,20). Issejjaħna mid-dlam tad-dnub għad dawl meraviljuż tas-Saltna ta’ Alla, fejn irċivejna ħniena, grazzja u paċi mingħand Kristu.

3. Permezz tal-imħabba ta’ Alla aħna mhux biss irċivejna d-don tal-ħajja umana imma sirna wkoll ulied addottivi ta’ Alla. Permezz tal-att kbir ta’ paċifikazzjoni ta’ Kristu – is-sagrifiċċju tiegħu fuq is-Salib – sirna lkoll ħutu, u miegħu werrieta tal-ħajja eterna. Għal din ir-relazzjoni ġdida tagħna ma’ Alla fi Kristu, il-paċi hija issa possibbli: paċi fi qlubna u fi djarna, paċi fil-komunità tagħna u fin-nazzjonijiet tagħna, paċi fid-dinja kollha.

Iva, Ġesù Kristu huwa l-Paċifikatur Suprem tal-istorja tal-bniedem, ir-rikonċiljatur tal-qlub umani, il-ħellies tal-umanità, il-feddej tal-bniedem. “Huwa hu l-paċi tagħna” (Ef 2,14).

4. Huwa fil-pjan ta’ Alla Missier li l-paċi li Ibnu l-maħbub Ġesù Kristu kiseb għalina fuq il-Kalvarju għandha tkun ikkomunikata lil kull esseri uman, kemm b’mod individwali kif ukoll bħala membru tas-soċjetà. Din il-komunikazzjoni tal-paċi ta’ Kristu sseħħ fil-Knisja bl-azzjoni tal-Ispirtu Santu li jopera permezz tal-kelma ta’ Alla u tas-Sagramenti.

Bil-fidi u l-Magħmudija aħna nassumu relazzjoni ma’ Alla li tirrendi realment possibbli il-paċi. Infatti nsiru ulied Alla u membri tal-Korp ta’ Kristu. Nitgħammdu fil-mewt ta’ Kristu (cf. Rm 6,4) – l-att ta’ paċifikazzjoni kbir tiegħu – sabiex inkunu nistgħu nieħdu sehem fil-Qawmien mill-imwiet tiegħu u nimxu fin-novità tal-ħajja.

Permezz tas-Sagrament tal-penitenza Ġesù joffrilna maħfra u paċi. Propju minħabba l-importanza tiegħu bħala Sagrament ta’ rikonċiljazzjoni, enfasizzajt fl-ewwel enċiklika tiegħi “id-dritt tal-bniedem għal laqgħa iktar personali ma’ Kristu msallab li jaħfer” (Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 20), u kont stedint għal osservanza fidila tal-prattika sekolari tal-qrar individwali. Illum għal darb’oħra nerġà nippreżenta is-Sagrament tal-penitenza bħala don tal-paċi ta’ Kristu u ta’ mħabbtu, u nitlob lilkom ilkoll li tagħmlu kull sforz biex tilqgħu din l-okkażjoni ta’ grazzja.

U l-Ewkaristija, għeżież ħbieb, hija l-quċċata tal-paċi sagramentali tagħna, li fiha aħna nippreżentaw mill-ġdid lill-Missier, is-sagrifiċċju ta’ Ibnu u nirċievu bħala kumpens id-don tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi, id-don ta’ Ġesù nnifsu. Ġesù, Prinċep tal-paċi, jikkomunika lilu nnifsu u jsir il-paċi tagħna.

5. Għeżież ħuti: huwa tassew importanti għalina li nifhmu b’liema mod Alla jippreżenta lilu nnifsu f’kuntatt ma’ Kristu u jikkomunikalna l-paċi ta’ Kristu. Huwa b’mod estrem importanti għall-ġenituri li jittrażmettu lil uliedhom fehim tal-fidi, u apprezzament profond tal-ħajja sagramentali, b’mod li kull ġenerazzjoni tistà tkun konxja tal-paċi ta’ Kristu. Is-suċċess tal-missjoni tal-Knisja jiddependi taħt dan l-aspett minnkom; huwa marbut b’mod intimu mal-attività kateketika nsostitwibbli tal-familja.

6.Fl-istess ħin Kristu jistedinna u jħeġġiġna biex inwasslu l-paċi tiegħu lid-dinja. Dan huwa l-mod li fih irid li ngħixu; dan stqarrulna fil-Beatitudni Evanġeliċi: “Imberkin l-operaturi tal-paċi, għaliex jissejħu ulied Alla” (Mt 5,9). Aħna msejħin biex nittrażmettu lill-oħrajn il-fejqan li sperimentajna, u r-rikonċiljazzjoni li ngħatathilna b’tant ġenerożità. U fit-tieni qari tallum jingħatalna dak li għandna nagħmlu: “Ilbsu mela s-sentimenti tal-ħniena, tat-tjubija, tal-umiltà, tal-manswetudni, tas-sabar, Stabru b’xulxin…Kif il-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll” (Kol 3,12ss)Bħal ma ġejna maħfura, aħna msejħin biex naħfru. Bħal ma konna ġġustifikati mill-grazzja ta’ Alla, aħna msejħa biex nagħtu xhieda tal-ġustizzja f’ħajjitna, għaliex nafu sewwa li relazzjonijiet paċifiċi jistgħu jeżistu fid-dinja biss meta l-ġustizzja ta’ Kristu togħdos fil-qlub u tkun espressa fl-istrutturi kollha tas-soċjetà.

7. Imma biex nikkomunikaw l-paċi skont il-kliem ta’ Kristu, hemm bżonn li ngħixu dik il-paċi. Fi kliem l-Appostlu Pawlu, “Il-paċi ta’ Kristu ssaltan fi qlubkom, għaliex għaliha kontu msejħin f’ġisem wieħed” (Kol 3,15). Iva, għażież ħuti, irid ikun hemm il-paċi fil-familji tagħna, bejn l-irġiel u n-nisa miżżewġin, bejn il-ġenituri u l-ulied; paċi fil komunitajiet tagħna, paċi fil-parroċċi tagħna u fil-Knejjes lokali tagħna, paċi fis-soċjetà u fl-art kollha: paċi fil-qlub tal-ministri ta’ Kristu, fil-qlub tar-reliġjużi u tal-lajċi, fil-qlub ta’ dawk kollha li jħaddnu l-Vanġelu ta’ mħabbtu.

8. Hemm biss il-proklamazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ paċi tistà tkun effikaċi: paċi lill-foqra u lill-għonja, paċi liż-żgħażagħ u lill-anzjani, paċi lill-morda u lill-batuti, lill-priġunieri u lil dawk kollha li jibku. Paċi lil dawk kollha li jinsabu mgħaffġa mill-piż tad-dnub, lil dawk li jogħtru taħt il-piż ta’ salibhom. Paċi lil dawk kollha li jservu magħna f’isem Kristu u għall-glorja ta’ Missieru. Paċi lil ħutna rġiel u nisa kollha fi Kristu, lill-bnedmin kollha: il-paċi tar-rikonċiljazzjoni, tal-ġustizzja, tal-libertà mill-biżà, tal-ħelsien mill-oppressjoni u mid-dnub, tal-ħelsien mill-mewt eterna. Il-paċi tas-Saltna ta’ Kristu, il-paċi tat-tama, il-paċi ta’ Ġesù stess.Maħbubin tiegħi, din hija realment il-paċi li jien illum inxandrilkom, lil dawk kollha li jinsabu qrib u l-bogħod: il-paċi tas-Saltna ta’ Alla, il-paċi ta’ Kristu.

9. Il-paċi hija tagħkom bħala don tal-Mulej, bħala responsabiltà bħala sfida. Ejjew nisimgħu lil Ġesù, illum u fil-jiem kollha ta’ ħajjitna. Huwa jkellem lil qlubna, meta jgħid: “Imberkin l-operaturi tal-paċi, għaliex ikunu msejħa ulied Alla”. Hekk ikun.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.