Qari tat-Tieni Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tieni Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
Alla huwa l-għarus li jitgħaxxaq b’għarustu.
Iż 62:1-5

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Minħabba f’Sijon ma nehdiex,
minħabba f’Ġerusalemm ma niskotx,
sa ma tfeġġ bħal dija l-ġustizzja tagħha,
tħeġġeġ bħal torċa s-salvazzjoni tagħha.
Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus,
u s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.
B’isem ġdid għad isejħulek,
isem li għad jagħżlu fomm il-Mulej.
Għad tkun kuruna ta’ ġmiel f’id il-Mulej,
u dijadema ta’ sultan f’id Alla tiegħek.
Ma jgħidulekx aktar l-Abbandunata,
lanqas lil artek l-Imħarbta.
Lilek għad isejħulek Għaxqti Fiha,
u lil artek għad jgħidulha Għarusa,
għax l-għaxqa tal-Mulej fik, u artek għad titgħarras.
Bħalma għarus jitgħarras xebba,
hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek;
u bħalma l-għarus jitgħaxxaq b’għarustu,
hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 95:1-2a,2b-3,7-8a,9-10aċ

R/.(3): Xandru fost il-popli kollha l-għeġubijiet tal-Mulej.

Għannu lill-Mulej għanja ġdida;
għannu lill-Mulej fl-art kollha!
Għannu lill-Mulej, bierku ismu! R/.

Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.
Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,
fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. R/.

Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli,
agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa;
agħtu lill-Mulej is-sebħ ta’ ismu! R/.

Inxteħtu quddiem il-Mulej b’tiżjin qaddis;
triegħdu quddiemu, nies kollha tal-art!
Għidu fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!”.
Hu jiġġudika l-popli bis-sewwa. R/.

QARI II
L-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu.
1 Kor 12:4-11

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, hemm diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu; hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd. Lil kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni tal-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd: lil wieħed kliem l-għerf, mill-istess Spirtu; lil ieħor il-kelma tas-sapjenza mill-istess Spirtu; lil ieħor il-fidi mill-istess Spirtu; lil ieħor id-don tal-fejqan mill-istess Spirtu; lil ieħor is-setgħa tal-mirakli; lil ieħor id-don tal-profezija; lil ieħor id-don tal-għażla tal-ispirti; lil ieħor diversi ilsna; lil ieħor it-tifsir tal-ilsna. Dan kollu jaħdmu l-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ara 2 Tess 2:14

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Għal dan Alla sejħilkom permezz tal-Evanġelju,
biex ikollkom sehem fil-glorja ta’ Ġesù Kristu.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu.
Ġw 2:1-11

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu.

Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid”. U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”.

Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma”. U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda”. U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa”.

Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

%d bloggers like this: