MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
GĦAS-VI JUM DINJI TAN-NANNIET U L-ANZJANI
[Festa ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin, 26 ta’ Lulju, 2026]
Imma jien ma ninsiek qatt (Iż 49,15)
Għeżież ħuti,
b’fomm il-Profeta Iżaija l-Mulej iwiegħed li qatt mhu se jinsa lil ħadd. Jiżgurana li fil-pali ta’ jdejh hemm imnaqqxin l-uċuħ tagħna lkoll (cfr Iż 49,16) u li mħabbtu hi akbar minn dik ta’ omm għal binha (cfr Iż 49,15). Il-profeta jtina ħjiel ta’ djalogu intimu u mill-qrib fejn Alla jindirizza lil kull individwu u lin-nies infushom b’mod familjari. Illum ukoll nistgħu naraw li dal-kliem jirreferi għal kull wieħed u waħda minna, u kull wieħed u waħda minna nistgħu nħossu li “qatt mhu se ninsiek” hu indirizzat lilu/liha personalment.
Hu kliem li jimliena bil-faraġ u l-fiduċja. Huma tweġiba għas-sentiment ta’ wġigħ li jħawwad il-qalb: “Il-Mulej telaqni, il-Mulej insieni” (Iż 49:14). Kemm drabi fl-Iskrittura, partikolarment fis-Salmi, dit-talba hi frott ta’ fixla ta’ min għandu l-impressjoni li ħajtu mhi ta’ interess għal ħadd u minsija! Sfortunatament huma bosta dawk li għandhom is-sensazzjoni ta’ wġigħ li jħossuhom minsijin, u fost dawn mhux ftit huma anzjani.
Iżda l-imħabba t’Alla ma tinsa lil ħadd, toffri ruħha bħala att ta’ ġustizzja u tweġiba għall-anonimat, li sfortunatament, wisq drabi l-ħajja umana tintilef fih.
Donnu hemm velu jgħatti b’mod partikolari ħajjet ħafna anzjani, li jċajpar il-karatteristiċi tagħhom u jaħbihom mid-dinja. Hekk jiġri fid-dajr fejn issaltan is-solitudni u wkoll fid-djar tal-anzjani fejn l-unniċità ta’ kull persuna tirriskja li tkun biss numru ta’ sodda jew il-marda li tbati biha.
Iċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji tan-Nanniet u l-Anzjani hi opportunità biex niskopru mill-ġdid li l-Knisja hi msejħa biex tkun omm kulħadd u li f’kull età dejjem possibblli li bniedem jagħraf lilu nnifsu bħala iben u bint Alla. Dal-jum, għalhekk, għandu jkun stimolu għal kulħadd, partikolarment għaż-żgħar, biex mill-ġdid jerġgħu jibdew iżuru lin-nanniet, lill-anzjani tal-familja u anki lil dawk li ħadd ma jmur iżurhom. Permezz ta’ dal-messaġġ wasslulhom il-qrubija u l-għożża tal-Papa. Agħmlu mod li kliem il-profeta “iżda jien ma ninsiek qatt” jingħataw il-ħajja permezz ta’ laqgħa tenera u ta’ għożża. “F’epoka bit-tendenza li tgħaġġel u tifred, il-bniedem xorta għadu jixtieq li jkun ikkurat u għarfien minn idejn teneri, minn imħuħ attenti u bi kliem ħelu. Il-kultura diġitali tkattar il-konnessjonijiet u toffri possibbiltajiet ġodda ta’ laqgħa; madankollu, il-qalb tal-bniedem għad għandha ħtieġa indispensabbli tal-qrubija” (Enċ. Magnifica humanitas, 239).
Il-Knisja tagħraf it-tbatija ta’ wliedha l-aktar anzjani, taf tajjeb li wisq spiss dawn huma vittmi ta’ preġudizzju u jitqiesu piż; taf li ekonomija iċċentrata fuq il-profitt iddgħajjef ir-rabtiet fil-familji; taf li l-ulied ikollhom jabbandunaw lil ħafna anzjani għax jemigraw jew, f’xi każi, imorru jiġġieldu fil-gwerer. Għal kull waħda minn dawn ir-raġunijiet (il-Knisja) tħabbar hienja l-wegħda tal-Mulej: “Imma jien ma ninsiek qatt!”
Huwa ħelu, fi kwalunkwe età, imma speċjalment meta ma nkunux għadna żgħar, niskopru, kif kien qal il-Beatu Ġwanni Pawlu I, li aħna benefiċjarji tal-“imħabba ta’ dejjem t’Alla. Nafuha: Hu dejjem għandu għajnejh miftuħa għalina, anke meta jidhrilna li nkunu ninsabu fil-lejl. Hu missier; aktar minn hekk, hu omm” (Angelus 10 ta’ Settembru, 1978). Anke jekk mhix ħaġa naturali naħsbu dan, il-verità tibqa’ dejjem li anki meta nixjieħu ma nieqfu qatt inkunu wlied, u għalhekk tibqa’ dejjem valida l-istedina biex nerġgħu lura f’dirgħajn Alla, li l-imħabba tiegħu hi kemm paterna kif ukoll materna fl-istess ħin.
Għal ħafna, l-iskoperta tat-tenerezza t’Alla sseħħ tul l-eżistenza, kultant lejn l-aħħar żmien tal-ħajja. Infatti, b’differenza mill-imgħoddi, dejjem aktar spiss hemm il-possibbiltà li bniedem jixjieħ bla ma qatt kellu esperjenza tal-fidi. F’dal-każ, l-età avvanzata, ibda mill-mistoqsijiet li dan l-istaġun tal-ħajja jġib miegħu b’urġenza, tista’ tkun iż-żmien propizju biex tinbeda jew terġa’ tibda tħeġġeġ mill-ġdid il-ħajja spiritwali. F’dil-mixja ġdida, bniedem jista’ jintebaħ li Alla, kif jgħid Santu Wistin “hu omm għax isaħħan, iżoqq, ireddgħa, jindokra” (Kumment għal Salm 26 II, 18). Dan l-għarfien jgħin biex ma nistħux mill-fraġilità u nifhmu li lkoll, dejjem, aħna tallaba għall-attenzjoni u l-kura. Issa nistgħu nduru b’fiduċja filjali permezz tat-talb lejn Alla li jiġi qribna u nitgħallmu nagħrfuh fit-tenerezza tiegħu. Qatt mhu tard wisq biex nerġgħu nduru lejh. Jista’ jkun rigal kbir għal kulħadd.
Għeżież anzjani, il-Papa Franġisku kien jiddeskrivikom bħala “poplu ġdid” (Katekeżi, 23 ta’ Frar, 2022), għax l-għadd ta’ persuni ta’ età avvanzata qatt ma kien daqshekk kbir fl-istorja umana. Għalhekk huwa aktar importanti minn qatt qabel li flimkien magħkom, il-“poplu l-ġdid,” nirriflettu dwar x’tista’ tkun il-vokazzjoni tagħna meta l-fraġilità, sieħba tal-bniedem sa mit-twelid, tidher prevalenti. Inħoss li għandi ngħidilkom: tibżgħux mill-fraġilità! Propju din il-kundizzjoni tistor fiha potenzjal li jdawwal lill-etajiet l-oħra tal-ħajja.
Fil-fatt, meta tiġi aċċettata u rikonoxxuta, il-fraġilità “tiftaħ il-qalb għall-appoġġ reċiproku u għall-invokazzjoni ta’ Dak li jista’ jagħti dak li l-ebda qawwa umana ma tista’ tiggarantixxi: ir-rikonċiljazzjoni profonda tal-qlub, u magħha l-paċi vera” (Laqgħa mal-komunità Alġerina, Bażilika Nostra Signora d’Africa, 13 ta’ April, 2026).
Hekk inkunu nistgħu ngħixu ta’ nsara żmien ix-xjuħija: “fraġli” imma fl-istess ħin “imsejħin”. Il-bniedem fil-fatt, jista’ jerġa’ jitwieled mill-ġdid fix-xjuħija (cfr Ġw 3,4-6) u flimkien mal-profeta jistqarr: “Fil-konverżjoni u l-kalma
ssibu s-salvazzjoni tagħkom; fil-kwiet u l-fiduċja qiegħda l-qawwa tagħkom” (Iż 30,15). Qawwa li tista’ ssir stedina biex ma nirrikorrux għal metodi arroganti u prepotenti bħala garanzija tal-konvivenza umana, imma nduru lejn it-toroq tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi vera. F’daż-żmien immarkat b’mod tant qalil mill-vjolenza tal-gwerer u soċjali, ħafna jistqasu kif se tkun id-dinja li se jgħixu fiha n-neputijiet tagħhom. Inħeġġiġkom, għeżież, biex tingħaqdu miegħi fit-talb insistenti sabiex mill-aktar fis ikun hemm il-paċi fid-dinja kollha.
Ħuti anzjani, nirringrazzjakom li ssotnuni kuljum bit-talb tagħkom, speċjalment intom u tgħidu r-Rużarju. Irrodilkom lura dil-gratitudni u nħallikom b’dan l-awgurju: Jalla l-Mulej iġeddidna dejjem fil-fidi, fit-tama u fil-karità, hu li qatt ma jinsiena.
Mill-Vatikan, 15 ta’ Ġunju, 2026
LEONE PP. XIV
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber