It-Tlieta tar-Raba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Ir-Raba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tlieta

Qari I

Ibni Absalom! Mhux li mitt jien minflokok!

2 Sam 18, 9-10.14b.21a.24-25a.30 – 19, 3

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel

F’dak iż-żmien, Absalom sab ruħu wiċċ imb wiċċ mal-qaddejja ta’ David. Absalom kien riekeb fuq il-bagħal, u l-bagħal għadda minn taħt il-friegħi ta’ balluta kbira; ras Absalom tħabblet mal-balluta, u hu baqa’ mdendel bejn sema u art, filwaqt li l-bagħal li kien taħtu baqa’ għaddej. Kien hemm raġel li rah, u mar jgħarraf b’dan lil Ġowab. Qallu: “Ara! Rajt lil Absalom imdendel ma’ balluta”. U Ġowab qabad tliet vleġeġ f’idejh u mar waħħalhom f’qalb Absalom, li kien għadu ħaj f’nofs il-balluta. U Ġowab qal lill-Kusi: “Mur għid lis-sultan kulma rajt”.

David kien bilqiegħda bejn iż-żewġ bibien. L-għassies tala’ fuq is-saqaf tal-bieb li kien hemm fuq is-sur u beda jħares, u malli dan lemaħ raġel riesaq jiġri waħdu, l-għassies beda jgħajjat u mar jgħarraf lis-sultan b’dan. U s-sultan qallu: “Jekk inhu waħdu aħbar tajba għandu fuq fommu”.

Is-sultan qallu: “Mur fil-ġenb, u oqgħod hemm”. Dak mar fil-ġenb, u qagħad hemm jistenna. U, ara, wasal il-Kusi u qal: “Aħbarijiet tajba hemm għal sidi s-sultan! Il-Mulej illum għamel ħaqq miegħek kontra dawk kollha li qamu għalik”. U s-sultan staqsa lill-Kusi: “Absalom it-tifel, jinsab tajjeb?”. Il-Kusi wieġeb: “Ħalli jiġrilhom bħal dak iż-żagħżugħ l-għedewwa ta’ sidi s-sultan, u kull min iqum għalik biex jagħmillek id-deni!”

Imbagħad is-sultan qabditu rogħda. Tala’ fil-kamra ta’ fuq il-bieb, u hemm beda jibki u jgħajjat: “Ibni Absalom! Ibni! Ibni Absalom! Mhux li mitt jien minflokok. Absalom ibni! Ibni!”. U ħabbru lil Ġowab: “Ara, is-sultan qiegħed jibki u jitniehed minħabba Absalom”. U r-rebħa ta’ dakinhar inbidlet f’niket għall-eżerċtu kollu, għaliex dakinhar l-eżerċtu sama’ min jgħid: “Is-sultan hu mgħolli minħabba f’ibnu”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 85 (86), 1-2.3-4.5-6

R/. (1a): Agħtini widen, Mulej, u weġibni

Agħtini widen, Mulej, u weġibni,

għaliex jiena msejken u fqajjar.

Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb,

salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama. R/.

Int Alla tiegħi, ħenn għalija,

Sidi, għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.

Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek,

għax lejk, Sidi, jien nerfa’ ruħi. R/.

Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer,

kollok tieba għal kull min isejjaħlek.

Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi,

isma’ l-leħen tal-ilfiq tiegħi. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 8, 17

Hallelujah. R/. Hallelujah

Kristu rafa’ fuqu d-dgħufija tagħna,

u tgħabba bil-mard tagħna.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!

Mk 5, 21-43

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, wara li Ġesù raġa’ qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta’ nies. U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, inxteħet f’riġlejh, u talbu ħafna u qallu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix”. U Ġesù telaq miegħu, b’kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu. U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm. Kienet batiet wisq taħt ħafna tobba, u nefqet kulma kellha, u mhux biss ma swielha xejn, imma talli marret għall-agħar. Meta semgħet b’Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u messitlu l-mantar, għax qalet: “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejqa”. F’daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha. Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: “Min messli l-mantar?”. Id-dixxipli tiegħu qalulu: “Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: “Min messni?”.

Hu beda jħares madwaru biex jara jilmaħx lil dik li kienet għamlet dan. Imbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża’ għax għarfet x’kien ġralha, resqet, inxteħtet f’riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu. Qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek! Mur bis-sliem u kun imfejqa mill-marda tiegħek”.

Kif kien għadu jitkellem, waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: “Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?”. Iżda Ġesù sama’ x’kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: “Tibżax, biss inti emmen”. U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu. Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u nies jibku u jixhru. Daħal, u qalilhom: “Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla mhijiex mejta, imma rieqda”. U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll ’il barra, ħa miegħu lil missier it-tfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla. Qabdilha idha, u qalilha: “Talitha, qum!” Jiġifieri: “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!”. Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi, għax kellha tnax-il sena. U baqgħu miblugħin bil-għaġeb. U hu wissiehom bis-sħiħ biex dan ma jkun jaf bih ħadd, u qalilhom jagħtuha tiekol.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu