Imorru flimkien

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 20 ta’ Awwissu 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Quddiesa tat-Tifkira ta’ San Bernard, Abbati u Duttur tal-Knisja. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Fi żmien Ġesù, l-għorrief tal-liġi kienu jħobbu jiddiskutu l-liġi, u d-dettalji tagħha. U fl-Evanġelju tal-lum riedu jdaħħlu lil Ġesù f’diskussjoni dwar liema hu l-kmandament il-kbir fil-liġi, fost il-ħafna li kellhom. Riedu lil Ġesù jagħżel wieħed.

X’jagħmel Ġesù? Ħa fil-fatt tnejn, kif smajna fl-Evanġelju – wieħed li nsibuh fil-ktieb tad-Dewteronomju u l-ieħor fil-ktieb tal-Levitiku. L-ewwel wieħed: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu”; dan hu l-ewwel u l-akbar kmandament. U t-tieni: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Hu għaqqadhom flimkien. Staqsewh għal wieħed, u qalilhom tnejn, imma tnejn magħqudin flimkien. Li ried jgħid Ġesù hu li jekk verament tħobb lil Alla, tħobb ukoll lill-oħrajn, li huma xbieha tiegħu.

X’inhu l-messaġġ għal ħajjitna llum? L-ewwel nett kemm hu importanti li aħna niftakru li r-ruħ tal-ħajja tagħna Nisranija hija l-imħabba. Għalhekk hi din l-imħabba li aħna nirċievu minn Alla, għax hu ħabbna l-ewwel, li meta tiġi f’qalbna tista’ tagħmlilna ħajjitna sabiħa u tmexxina biex f’kull waqt fil-ħajja tagħna tkun l-imħabba li tispirana fl-għażliet tagħna u fil-mod kif nittrattaw l-oħrajn.

M’hemmx firda bejn dawn it-tnejn: l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn l-oħrajn.  Hemm min jifridhom, u nindunaw kemm tistona ħajja li tifridhom. Jekk, per eżempju, jien immur nitlob, u ngħid lill-Mulej “kemm inħobbok” fit-talb tiegħi, imma mbagħad meta mmur id-dar, nittratta ħażin lill-mara u lit-tfal, u dan mhux għax tinqala’ xi kwestjoni – bħalma jinqalgħu kultant – imma bi stil ta’ ħajja; hemmhekk tistona din, u Ġesù jgħid li lanqas hi mħabba vera lejn Alla, jekk din ma twasslekx biex turi lill-oħrajn ukoll l-imħabba, l-istima, ir-rispett. Ħu, per eżempju, jekk jien ngħid li nħobb lil Alla, imbagħad nittratta ħażin lil xi ħadd għax hu barrani, jew ta’ kulur tal-ġilda differenti, jew ta’ razza differenti, jew għax hu differenti, hi x’inhi d-differenza; hemmhekk hi ħajja li tistona. Ġesù jgħid: jekk veru nħobbu lil Alla, din l-imħabba rridu nuruha fil-mod kif nittrattaw lill-oħrajn xbieha tiegħu, għax kulħadd hu maħluq xbieha tiegħu.

Anke jekk tħares lejha min-naħa l-oħra. Ikun hawn min jgħid: jiena nħobb ħafna lill-proxxmu, ngħin lil min hu fil-bżonn, imma ssemmilix lil Alla. Jekk nirraġunaw hekk, qegħdin ninqatgħu  mill-għajn tal-imħabba, għax Alla hu l-għajn tal-imħabba. U meta tinqata’ mill-għajn tal-imħabba, tinxef din l-imħabba fik. Għalhekk hu importanti li aħna ngħaqqdu t-tnejn flimkien: l-ewwel l-imħabba sħiħa lejn Alla, b’qalbna kollha, b’ruħna kollha u b’moħħna kollu, imbagħad din tmexxina wkoll biex nuru l-imħabba lejn l-oħrajn.

Nitolbuh lill-Mulej li ħajjitna tkun dejjem immexxija mill-imħabba lejh, u biex imbagħad tkun din l-imħabba li aħna nuruha wkoll fil-mod kif nittrattaw lil xulxin, jiġifieri fl-istima, fir-rispett, fl-għożża ta’ kull bniedem, għax kull bniedem xbieha ta’ Alla.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply