Għażiża Raffaella…

Print Friendly, PDF & Email

Meta nhar it-Tnejn 5 ta’ Lulju 2021 wasalt lura l-kunvent wara jum twil ta’ ħidma fl-għalqa bla qjies tal-Mulej u fettilli nidħol naqra fuq google ħadt qatgħa mill-kbar nett! Dan l-għaliex, anki jekk kont għajjien, għajnejja qraw li int dħalt fil-ħajja ta’ dejjem. Din l-aħbar kerha qasmittli qalbi u moħħi ġera lura fiż-żmien …

Sa minn meta kont ċkejken minn dejjem kont insegwik fuq it-televiżjoni. L-istil tiegħek tal-ispettaklu kien, il-ħin kollu, jqegħdni f’salib it-toroq biex nagħżel x’attitudni jrid li jkolli lejn il-ħajja. Jew dik li l-ħajja hi mażra ta’ problemi li, waħda wara l-oħra, donnhom li ma jispiċċaw qatt, dejjem se jippreżentaw ruħhom quddiemi biex minni jagħmlu vittma. Inkella li l-ħajja, minkejja l-problemi kollha tagħha, xorta waħda tibqa’ avventura mill-isbaħ ta’ mħabba, ħniena u kuraġġ, l-aktar lejn il-batut. F’kelma waħda, jgħidu x’jgħidu, ipinġuk ma’ liema katergorija jpinġuk, skont moħħhom ‘espert’ (?), int, bil-grazzja tal-Mulej, tista’ tħallih jagħmel ġid kbir fik u bik!

Waqt li qed naqra ftit il-bijografija tiegħek għajnejja mill-ewwel kibru mhux tas-soltu meta rajt id-data tat-twelid tiegħek. Quddiemi għandi miktub, iswed fuq l-abjad, li int twelidt nhar it-18 ta’ Ġunju 2021. Mela, dan ifisser li d-data ta’ jum twelidek tħakkek ma’ dik tal-ordinazzjoni saċerdotali tiegħi, dik tal-20 ta’ Ġunju! Interessanti din Raffaella! U, filwaqt li għall-mument tħallini nitfa’ l-berettin ‘tal-espert’ (?), ħa nara ftit mela x’nista’ nitgħallem mingħandek.

Isma’, fil-bidu tad-diskursata tagħna, irrid ngħidlek li kien hemm xi affarijiet li miegħek ma naqbilx. Inkella, jekk ma nkunx sinċier miegħek la inkun Patri Mario, jew kif naf li ssejjaħli mingħajr problemi ta’ xejn, semplicemente Mario, inkella nimblukkak milli tkun int, Raffaella. Għalkemm anki hawn qatt ma waqaft nammira r-rispett kbir li kellek lejn nies tal-Knisja. U meta lil xi ħadd kont issejjaħlu b’ismu qatt ma kont tagħmel dan bl-addoċċ, mingħajr ma’ l-ewwel tistaqsihx jekk tistax tieħu l-permess tiegħu. X’mara ta’ veru int Raffaella! Taf li b’dan l-aġir tiegħek qed tuża’ il-kelma jekk jogħġbok?, dik il-kelma tant sabiħa li jħeġġeġ tant li tintuża Papa Franġisku! Interessanti l-biċċa hux!

Madankollu, kif qiegħed hawn għall-kwiet, meta kulħadd dabbar rasu ‘l hemm basta nqeda mill-koxxa, jien fettilli nintasab ħdejk biex ngħidu kelma sabiħa flimkien. Biex ħa naqbad nibda’? Kulħadd jaf li ġmielek magħruf kullimkien. Mela, fuq dan l-aspett, ma tantx għandi xi nżid. Jekk dejjem ma tridx li żżid int wara kollox. Imma fuq aspetti ħelwin oħra ta’ ħajtek għandi xi nżid. Mhux biex nagħmel xi omelija tafx! Għax, u ħa ngħidlek kelma rasi u rasek, u tgħid xejn milli se ngħidlek, ngħidlek li anki fil-Knisja saru żejda l-omeliji meta juru l-kankru tar-riġidita li għandna lejn id-dinja u nies tal-Knisja għal xulxin. O Ġesù tal-akbar ħniena kif tridni ma nafdax FIK!

U issa, biex inkun qed ngħidlek kollox u minn kollox, minix qed inkellmek fuq dawk l-omeliji li meta tismagħhom jkollok iddawwar miegħek il-mantell tal-indiema daqskemm jidħlu fil-qalb. Le ħej! Dawk ma jintmessux! Huwa dan it-tip ta’ omeliji li jgħoddu għal kulħadd, u mhux għall-parti fil-Knisja li jistgħu jeqilbu d-dinja u l-oħrajn dritt għall-forka mingħajr l-ebda ċans li jiftħu ħalqhom, li irridu li jkollna fil-Knejjes tagħna tafx! Għax dawk it-tip ta’ omeliji fejn il-patri u l-qassis aktar milli jagħtina xi demonstration ta’ qdusija li jixtieq li għandu imma miskin m’għandux, dak il-patri u l-qassis, għax ikun UMLI, jagħmlilna waħda tinkiteb għax jgħidilna kemm iħossu midneb quddiem Ġesù! U kemm qed jitħabat miegħu innifsu biex iħallih jikkonvertih għalih! Għax bniedem bħalna hu miskin!

Għidli int, għażiża Raffaella, jekk tkunx komunist/a, kif kont int, inkella l-idejat tiegħek l-oħra, naqra naqra miftuħa iżżejjed, fuq ħafna temi jaħarqu tal-ħajja, għidli int tieqafx biex toqgħod tisimgħu x’inhu jgħid! Kemm huma sbieħ hux patrijiet u qassisin bħal dawn għax ma jkunux awtoreferenzjali, kif jgħidilna x-xiħ, il-Papa Franġisku, imma jkunu sempliċiment tabelli li jwassluna għand il-veru artista, biex nuża’ il-kelma li min jaf kemm-il darba kont tuża fit-taħdit tiegħek.

Mill-qari tal-bijografija tiegħek jirriżultali li kont żeffiena mill-kbar nett! Din iż-żifna tiegħek fakkrittni f’xi ħaġa mill-isbaħ li jgħidilna Ġesù fil-vanġelu skont San Luqa fuq iż-żifna meta jgħidilna: Ma’ min, mela, se nxebbahhom in-nies ta’ dan iż-żmien? Lil min jixbhu? Jixbhu lil qabda tfal bilqiegħda fil-pjazza, jgħajtu lil xulxin u jgħidu: “Daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux, għannejnielkom għanja ta’ niket u ma ħabbattux fuq sidirkom!” (Lq 7:31-33). Diġà qed nara t-tbissima tiegħek għal dan il-passaġġ tant sabiħ ta’ Ġesù! Għax naf li int intelliġenti. Għax għandek qalb u mhux bejta ta’ paroli fieragħ fuq fommok. U, għax int komunista ta’ veru, taf tmur għall-qalba tal-affarijiet mingħajr ħafna tidwir ta’ kliem u mutetti biex tipnotizza lill-oħrajn bi ‘qdusitek’.

Il-biċċa taż-żifna x’turi għażiża Raffaella? Mhux li Ġesù, jagħmel x’jagħmel, xorta waħda ma kienx se jirbaħ il-qlub ta’ dawk li kellhom rashom kaxxa, għax waħħluha f’moħħhom li jgħid x’jgħid u jagħmel x’jagħmel, xorta waħda ma kienux se jemmnu fih? Kemm hi kerha oħti li ma tkunx trid tiżfen iż-żifna tal-ħajja! U kemm hi aktar kerha għax ideja tgħidha int fil-ġemgħa tal-ispeċjali qatt ma tiġi aċċettat. Ara jekk jgħidha ħaddieħor, ta’ dak dejjem jiġi aċċettat. X’faqar hux! U, dan kollu, kieku tgħid l-għaliex tkun trux u truxa ma jimpurtax! Tgħaddi! Imma ħej meta ma tridx tisma’ għax trid turi x’taf(?) hemmhekk li l-veru problemi jibdew! U l-poter jitla’ għar-ras! Għalhekk, għażiża Raffaella, dawk li ma riedux jisimgħu lil Ġesù, li intom il-komunisti tgħidulu l-veru Komunist, ġabu l-iskuża fl-istil ta’ Ġesù li hu differenti minn dak ta’ Ġwanni l-Battista biex jibqgħu imwaħħlin fejn kienu! Bil-poter f’idejhom! Imma int bis-serjetà?

Imma taf fejn kienet il-froġa kollha Raffaella ta’ min ma jridx jiżfen iż-żifna tal-ħajja? Li s-siġra ta’ ħajtu mhux frott bnin tagħti imma frott qares issemmix! Staqsi lil min jgħix miegħu u magħha ħa jgħidulek! Xi prova din hux ta’ ħajja truxa għall-aħħar għall-mużika tal-verità! Għalhekk, biż-żfin mill-isbaħ tiegħek, int tgħallimni li fil-ħajja mhux il-libsa ta’ barra tgħodd imma x’hemm ġewwa! Mhux l-istil li bih wieħed iwassal il-Kelma jgħodd imma x’hemm fil-qalba ta’ dak l-istil! Għax jekk fiċ-ċentru ta’ dak l-istil ikun hemm l-isteel, l-azzar, ara x’diżażtru jkun qed jinħema! Hemm xi ħaġa agħar fil-ħajja minn qalb iebsa u samma daqs il-blat jew ras iebsa ġebel? Għax vittma tar-riġidità mejta li hi eternament ‘il bogħod mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna (Lq 1:78)?

Darba Raffaella int għedt: Inħobb il-ħlewwa. Hi ċ-ċavetta tal-imħabba. Hi din li tibqa’ meta jispiċċa n-nar tas-sess. Fakkartni f’dak li jgħid Papa Franġisku: It-tenerzza mhix dgħjufija. Hi qawwa. Hi l-mogħdija tas-solidarjetà. Jekk jogħġobkom ħalluni ngħajjatha u ngħidha ċara u tonda: Aktar ma tkun b’saħħtek u aktar mal-azzjonijiet tiegħek se jkollhom impatt fuq in-nies aktar int responsabbli biex taġixxi b’umiltà. Jekk le, il-poter tiegħek jirvina lilek u int tirvina lill-oħrajn.

Għalhekk tibqa’ f’talbi u f’qalbi għax int, li kellek tant poter, dejjem aġixxejt b’umiltà, għażiża Raffaella …

Patri Mario Attard OFM Cap